L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Iva, Mulej, int taf li nħobbok” (Ġw 21:15). Dan hu li wieġeb Pietru lil Ġesù, f’din il-laqgħa li kellhom flimkien wara li Ġesù qam mill-mewt. Ġesù staqsieh għal tliet darbiet: “Tħobbni int?” U Pietru wieġbu tliet darbiet: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”.
F’din il-laqgħa hawn dan id-djalogu ta’ mħabba li tant huwa ta’ għajnuna għalina lkoll illum meta aħna naraw kif il-Kelma ta’ Alla tista’ sservi ta’ ispirazzjoni għall-familji tagħna, għall-għaqdiet tagħna, u għall-komunita parrokkjali. Nixtieq insemmi tliet punti marbuta ma’ din il-ġrajja tal-laqgħa ta’ Pietru ma’ Ġesù.
L-imħabba fil-qalba tal-ħajja Nisranija
L-ewwel nett, hawn toħroġ ċara li l-imħabba hi fil-qalba tal-ħajja Nisranija. Ġesù kien qal lid-dixxipli tiegħu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). Jgħidilhom li hija l-imħabba li turi tassew li huma dixxipli tiegħu. Għalhekk Ġesù jinsisti ħafna fuq din l-imħabba li għandha tkun fil-qalb ta’ Pietru li jmexxi l-Knisja – l-imħabba kbira lejn Ġesù li turi ruħha wkoll fl-imħabba lejn l-oħrajn.
Hawnhekk diġà għandna messaġġ sabiħ ħafna għall-ħajja tagħna. Irridu niftakru li l-imħabba hija l-isbaħ esperjenza li jista’ jkollna fil-ħajja tagħna, għax hija din li tgħaqqadna mal-ħajja ta’ Alla. Alla ħalaqna xbieha tiegħu, bil-kapaċità li aħna nħobbu u nkunu maħbuba, u hija f’din l-esperjenza ta’ mħabba li aħna nsibu l-milja tal-ħajja tagħna. Hemm ħafna affarijiet fil-ħajja li jagħtuna soddisfazzjon, u li hu importanti li naħdmu għalihom u nirsistu għalihom, imma hija l-imħabba li verament tgħinna biex il-ħajja tagħna tkun ħajja sabiħa.
Għalhekk, Pietru jurina dan meta wieġeb lil Ġesù b’dan il-kliem: “Int taf li nħobbok”. Imbagħad Ġesù wrieh li hekk għandu jgħix il-missjoni tiegħu bħala ragħaj tal-Knisja universali – immexxi minn din l-imħabba.
L-imħabba trid tesprimiha
It-tieni punt f’din is-silta huwa li Ġesù ried mhux biss li Pietru jkollu din l-imħabba imma li hu jistqarr din l-imħabba, ried li juriha. B’xi mod din marbuta mat-tliet ċaħdiet ta’ Pietru – meta fil-passjoni ċaħad mhux li jħobbu imma li jafu. Imma hawnhekk ried li Pietru jistqarr l-imħabba.
Din turina li fil-ħajja tagħna tal-familja, tal-għaqdiet, mhux biżżejjed li jkollna l-imħabba f’qalbna, imma rridu nesprimuha. Il-Papa Franġisku jsemmiha din b’enfasi, fl-Eżortazzjoni Appostolika fuq il-Ferħ tal-Imħabba, Amoris Laetitia, meta jgħid kemm hu importanti li fil-ħajja tal-familja nuru din l-imħabba, li l-miżżewġin jistqarru din l-imħabba. Kultant issib min jgħid: imma jien f’qalbi tgħidx kemm inħobb lill-mara, jew lir-raġel, tiegħi! Imma trid tistqarrha, turiha.
F’din is-silta, Pietru jistqarr tliet darbiet dak li hu kien iħoss f’qalbu, u li Ġesù kien jaf – għalhekk jgħidlu “int taf li nħobbok”. Nixtieq għalhekk li aħna fil-familji u l-komunitajiet tagħna nagħrfu kemm hu importanti li nuru li nħobbu. Ma jkunx biss sentiment fil-qalb tagħna li nħossu, imma sentiment li nuru.
L-imħabba tintwera fil-qadi tal-oħrajn
It-tielet punt f’din il-ġrajja hu dan. Meta Pietru qal lil Ġesù “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”, hemmhekk imbagħad tah il-missjoni: “irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-ngħaġ tiegħi” (Ġw 21:15-17). Araw kif l-imħabba lejn Ġesù qallu biex juriha fl-imħabba lejn l-oħrajn, biex jista’ jmexxihom bħala ragħaj. Ġesù hekk jifhem l-imħabba: li turi ruħha fis-servizz tal-oħrajn, f’ħidma ta’ ġid lill-oħrajn.
Lil Pietru Ġesù ma qallux: jekk veru tħobbni, oqgħod ħdejja u ibqa’ miegħi biss, u l-aqwa li nkunu flimkien. Imma tah missjoni. L-imħabba vera ma toħloqx dipendenza jew tagħmel lil xi ħadd ikkakkmat ma’ djulek, imma l-imħabba vera tintwera fil-qadi tal-oħrajn.
Ġesù wera lil Pietru li l-imħabba hija dik li tifdi l-persuna. Lilu tah l-opportunità, meta għal tliet darbiet jistqarr l-imħabba, li joħroġ mid-dnub tiegħu; imbagħad reġa’ fdah b’missjoni. Qed jafda lil min kien ċaħdu, imma ried jafdah mill-ġdid.
Din il-ġrajja turina li l-imħabba turi ruħha fil-qadi tal-oħrajn, fis-servizz tal-oħrajn, fil-ħidma li nagħmlu għall-ġid tal-oħrajn. Pietru kellu l-opportunità li jgħallem u jwassal din l-imħabba b’mod qawwi wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli. Kien dak li wassal din l-imħabba bil-qadi tiegħu sal-aħħar, sal-mument meta kien fil-ktajjen u sal-martirju.
Pietru jgħallimna li anke fl-aktar mumenti ibsin – bħal meta tkun fil-ktajjen, marbut fil-ħabs, fl-iktar sitwazzjoni diffiċli – tista’ tibqa’ tħobb u tagħmel il-ġid. Nitgħallmu minnu li nkomplu nagħmlu dejjem il-ġid, immexxijin mill-imħabba lejn Ġesù u lejn l-oħrajn, bl-istess spirtu ta’ Pietru.
Nitolbu lill-Mulej illum, f’din l-okkażjoni sabiħa għall-familji f’din il-parroċċa, speċjalment dawk li qed jiċċelebraw anniversarju speċjali tal-ħajja miżżewġa, kif ukoll għal dawk li huma attivi fil-kunsill lokali, fl-għaqdiet soċjali u reliġjużi, biex ikompli jgħinna ħalli l-imħabba tkun fil-qalba tal-ħajja tagħna. Nitolbuh biex, fuq l-eżempju ta’ San Pietru, il-ħajja tagħna nagħmluha ħajja ta’ mħabba lejh li mbagħad turi ruħha fl-imħabba lejn l-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta