L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ma hemm ebda kelma mniżżla fl-Evanġelju li qal San Ġużepp. Imma l-ħajja tiegħu tgħajjat aktar minn kull kelma li seta’ jgħid. Nixtieq li nirriflettu fuq ix-xhieda ta’ fidi, ta’ tama, u ta’ mħabba li naraw fil-ħajja tiegħu.
Naħseb li din ix-xhieda tiegħu hija ta’ għajnuna għal kull wieħed u waħda minna, kif ukoll għall-komunità parrokkjali tal-Iklin, intom u tiċċelebraw l-għoxrin sena parroċċa.
Bniedem ta’ fidi
Ġużeppi kien bniedem ta’ fidi. Kellu l-fiduċja f’Alla, u fil-kelma tiegħu, u kien jemmen li Alla jaf l-aħjar. Hu kellu l-pjanijiet tiegħu maħsuba b’mod tajjeb, imma għaraf li l-aħjar hu meta jimxi ma’ dak li jrid Alla.
Smajna fl-Evanġelju kif Ġużeppi kien diġà għarus ta’ Marija, u meta hi ħarġet tqila u ma setax jifhem x’ġara, kien qed jaħseb kif l-aħjar jagħmel biex “jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19). Għaliex? Għax hu kien bniedem ta’ għaqal u ried jara kif se jipproteġi ħajjitha; u fl-istess waqt, ried jagħraf l-aħjar mod kif għandu jagħmel fiċ-ċirkustanzi diffiċli. Kien hawn li Alla bagħatlu l-messaġġ li dak li kien se jiġri kien bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Hu qallu li Marija kien se jkollha iben, u hu jsemmih Ġesu “għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:21). Kif għaraf li dik kienet it-triq ta’ Alla, qiegħed il-fiduċja fih, anke jekk ma setax jifhem kollox, u mexa kif qallu Alla. Għalhekk, l-Evanġelju jgħid li “għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej” (Mt 1:24).
Din hi l-fidi li naraw ħajja f’Ġużeppi, li tmexxih biex jagħmel ir-rieda ta’ Alla, biex iserraħ fuq il-kelma tiegħu. U nafu li ma kinetx l-unika ċirkustanza; kien hemm diversi ċirkustanzi fejn ma setax jara ċar, imma l-mument li fehem dak li jrid Alla, mexa ma’ dak li ried Alla.
Din hi l-fidi li jgħallimna Ġużeppi. Kemm hi ta’ siwi fil-ħajja tagħna! Aħna kultant ngħaddu minn ħaġa għal oħra. Naħsbu, u nippruvaw nagħmlu dak li hu l-aħjar. Imma jkun ta’ ġid jekk nieħdu l-eżempju ta’ Ġużeppi, u nistaqsu lill-Mulej x’irid minnha fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna, x’inhuma l-ħsibijiet tiegħu. U jkollna l-fiduċja fil-kelma tiegħu li lilna qatt ma tiswielna ta’ deni imma dejjem ta’ ġid.
L-ewwel talba li nagħmel għalina lkoll hi li ninbnew f’komunità ta’ fidi, fejn ikun il-Mulej li jmexxina, għandu mmorru għad-direzzjoni tal-ħajja tagħna, biex ngħaqqdu r-rieda tagħna ma’ tiegħu.
Bniedem ta’ tama
Ġużeppi kien bniedem ta’ tama. Kellu t-tama mibnija fuq il-pedament tal-fidi tiegħu – it-tama li l-kelma ta’ Alla qatt ma tqarraq bih u qatt ma tiġi nieqsa.
Hija importanti din, għax aħna meta nużaw il-kelma “tama”, nużawha b’mod differenti. Meta ngħidu “nittama li jkolli riżultati tajbin”, jew “nittama li għada jagħmel temp tajjeb”, qed nitkellmu fuq xewqa qawwija li jkollna imma ma’ dix-xewqa hemm ċertu dubju jew inċertezza. Mhijiex hekk it-tama ta’ Ġużeppi, mhijiex hekk it-tama Nisranija. Hija mibnija fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla u l-konvinzjoni li l-wegħdiet tiegħu se jitwettqu.
Hija din it-tama li mexxiet ’il quddiem lil Ġużeppi f’ċirkostanzi diffiċli tal-ħajja tiegħu – u nafu kemm il-ħajja tiegħu ma kinitx waħda faċli u komda. Sa mill-bidu, iltaqa’ ma’ diffikultajiet – kellu jivvjaġġa lejn Betlem ma’ Marija tqila, ma sabx fejn joqogħdu, u ra lil Ġesù jitwieled f’maxtura f’għar umli. Ftit wara, kellu jaħrab lejn l-Eġittu biex jipproteġi lit-tarbija mill-ħsieb ħażin ta’ Erodi. Immaġina l-isfidi: jgħix f’art barranija, jipprovdi għall-familja tiegħu, u jgħaddi minn inċertezzi. Madankollu, Ġużeppi qatt ma ċeda fit-tama. Kompla jittama f’Alla, u tassew, Alla mexxieh pass pass.
Dan hu messaġġ importanti għalina u għall-komunità parrokkjali: li nqiegħdu t-tama tagħna fil-Mulej, it-tama li hu qed jakkumpanjana anke fl-iktar mumenti diffiċli tal-ħajja. Hu b’dal-mod li aħna qatt ma naqtgħu qalbna, qatt ma naqgħu f’disperazzjoni. Ġużeppi jurina li t-tama vera mhijiex ibbażata fuq ċirkustanzi ideali; hija mibnija fuq il-fiduċja fil-providenza t’Alla. Ifakkarna li, tkun kemm tkun diffiċli l-ħajja, Alla dejjem qiegħed jaħdem biex imexxina ’l quddiem.
It-talba tiegħi għalina lkoll u għal din il-komunità hija li f’ħajjitna aħna dejjem inqiegħdu t-tama tagħna fil-Mulej li jakkumpanjana u jmexxina ’l quddiem.
Bniedem ta’ mħabba
Ġużeppi kien bniedem ta’ mħabba, ta’ mħabba kbira. Kemm tolqtok fil-ħajja tiegħu li meta narawh, ma jkunx qed ifittex lilu nnifsu, imma qed ifittex il-ġid tal-oħrajn madwaru. Hi mħabba ġeneruża, li kontinwament tagħti, li tfittex kif tagħmel il-ħajja tal-oħrajn aħjar. Ħabb lil Marija b’rispett u dedikazzjoni profonda, jipproteġi d-dinjità tagħha u jieħu ħsiebha. Ħabb lil Ġesù, mhux biss bħala kustodju, imma bħala missier li jieħu ħsiebu – jgħallmu, jiggwidah, u jipprovdi għalih permezz tax-xogħol ta’ jdejh.
L-imħabba ta’ Ġużeppi kienet tfisser li jaqdi. Ma fittixx rikonoxximent jew tifħir; minflok, wettaq is-sejħa tiegħu b’umiltà u fedeltà. Jurina li l-imħabba vera hija dwar servizz – serving others, mhux serving onself jew xi ħaġa oħra – servizz b’umiltà.
Fil-ħajja tas-soċjetà tagħna, l-imħabba ħafna drabi tiġi mifhuma ħażin bħala sempliċi emozzjoni jew qligħ personali. Ġużeppi jfakkarna li l-imħabba hija impenn, għażla ta’ kuljum li naqdu u nieħdu ħsieb lil xulxin. Jgħallimna li l-imħabba teħtieġ perseveranza u sagrifiċċju—kwalitajiet essenzjali fil-familja, fil-vokazzjoni, u fil-ħajja ta’ kull min iservi.
It-talba li nagħmel għal kull wieħed u waħda minna hija li ninbnew f’komunità ta’ mħabba li tfisser l-għotja tagħna nfusna lill-oħrajn.
Ispirazzjoni għalina
Illum, waqt li qed niċċelebraw l-għoxrin sena ta’ din il-parroċċa, nitolbu lill-Mulej biex ikompli jsaħħaħna fl-ispirtu ta’ San Ġużepp.
Lil San Ġużepp aħna nsejħulu protettur tal-Familja Mqaddsa. Għalhekk nitolbuh b’mod speċjali għal din il-komunità parrokkjali ddedikata lill-Familja Mqaddsa: kun, San Ġużepp, protettur tagħha, u għinha biex tkompli tinbena bħala komunità fejn Ġesù hu fiċ-ċentru.
Illum nixtieq nirringrazzja lil Alla ta’ dawn is-snin li għaddew, u tal-ġid kbir li sar u qed isir f’din il-komunità. Irrid insemmi l-ewwel kappillan, Dun Karm Aquilina, li tant ta servizz b’dedikazzjoni kbira hawnhekk. Nitolbu għall-kappillan suċċessur tiegħu u li qed jaqdi llum, Fr Keith Bonnici, u miegħu tant saċerdoti, u ħafna nies oħra, li b’sens ta’ korresponsabiltà ħadmu u qed jaħdmu biex jibnu din il-komunità.
Ma nistgħux ukoll ma niftakrux fl-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP, li miet ħames minuti qabel bdiet il-festa ta’ San Ġużepp, u li tant kien jixbah lil dan il-qaddis – qeda lill-Knisja b’umiltà, b’sempliċità, b’ġenerożità, u dejjem fittex li jsegwi l-pjan ta’ Alla għalih u għall-Knisja f’Malta. Nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan ir-ragħaj, flimkien mar-rgħajja, li ħadmu u qed jaħdmu f’din il- komunità. It-talba tiegħi hija: għinna, Mulej, bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, biex inkomplu lkoll ninbnew bħala komunita ta’ fidi, ta’ tama, ta’ mħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta