-
Waħda mill-iktar esperjenzi ta’ niket kbir u ta’ tbatija hija dik tal-ġenituri li jitilfu xi ħadd minn uliedhom. Ħafna drabi t-tbatija tkun ikbar meta l-ulied ikunu għadhom żgħar. Hemm imbagħad ġenituri li jgħaddu minn esperjenza doloruża u iebsa ħafna meta t-tarbija tagħhom tmut fit-twelid, jew qabel it-twelid meta tkun għadha fil-ġuf.
Ikbar mhi t-tbatija, iktar għandhom isibu solidarjetà mill-Knisja.
Il-Knisja tagħti attenzjoni speċjali lil dawn il-ġenituri u t-tarbija tagħhom. Hu ovvju li jekk it-tarbija lanqas laħqet twieldet, ma tkunx tista’ titgħammed, u din hi ta’ dieqa għal ħafna ġenituri li jħaddnu l-fidi u li jkunu lesti li jgħammdu lil uliedhom.
X’jiġri f’każijiet bħal dawn? Il-Missal tal-Knisja Kattolika – li fih l-indikazzjonijiet liturġiċi neċessarji – jgħid b’mod ċar dak li jsir, bil-permess tal-Isqof. Jgħid li tarbija li tilħaq tmut mingħajr magħmudija ssirilha funeral. Dan isir bħal funeral normali. Il-Knisja tant turi mogħdrija mal-ġenituri li tagħti wkoll il-possibiltà li l-funeral isir id-dar stess tal-familja tagħha – dejjem jekk ikun jaqbel pastoralment u skont ix-xewqa tal-ġenituri.
Barra minn hekk, il-Missal jipprovdi talb adattat ħafna għal ċirkustanzi bħal dawn. Hu talb li juri sensitività kbira lejn il-ġenituri li jkunu għaddew minn esperjenza daqshekk diffiċli. Il-Knisja titlob għall-faraġ ta’ dawk li jkunu ġarrbu din it-telfa kbira, u biex huma li jemmnu f’Alla jimtlew bil-fiduċja li Hu jkun ġa laqa’ għandu lit-tarbija. It-talba tal-Knisja hi li l-Mulej, li jagħti t-tama fil-ħajja ta’ dejjem, isabbar ukoll fin-niket ta’ din il-ħajja.
Jeżistu każijiet fejn il-korriment isir pjuttost kmieni, fl-ewwel xhur tat-tqala. Normalment, kif inhi l-prattika li jimxu magħha l-awtoritajiet tal-isptar, issir quddiesa u talb flimkien għal numru ta’ trabi li jkunu mietu fil-ġuf.
Il-Knisja tgħożż il-ħajja umana mill-bidu nett tagħha, jiġifieri mit-tnissil. Ftit jew ħafna ċelloli ma jagħmlux differenza – jekk hi ħajja umana li bdiet, hemm bniedem. Lil din il-ħajja umana l-Knisja tħarisha, tipproteġiha; u meta tiġi nieqsa, tirrispetta bis-sħiħ id-dinjità tagħha u taħdem b’sensitività kbira u b’solidarjetà ma’ dawk li jkunu ġarrbu din it-telfa.
Mons. Joe Galea Curmi
Vigarju Ġenerali, Arċidjoċesi ta’ MaltaDan l-artiklu ġie ppubblikat il-Ħadd, 6 ta’ Mejju 2018, f’Il-Leħen.