Photo: Worldwide Magazine

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

F’din il-knisja ddedikata lil Marija Annunzjata, aħna midħla tal-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej – meta l-anġlu Gabriel deher lil Marija, u qalilha bil-pjan ta’ Alla li hi jkollha iben u ssemih Ġesu, u Marija fl-aħħar tal-ġrajja tgħid: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Hija ġrajja ta’ importanza kbira fl-Istorja tas-Salvazzjoni tagħna, il-ġrajja meta Ġesu sar bniedem – meta tnissel Ġesu.

Illum, fir-raba’ Ħadd tal-Avvent, l-istedina hi biex nitfgħu ħarsitna fuq ġrajja oħra marbuta bis-sħiħ ma’ din ta’ Marija u mat-tnissil ta’ Ġesu – meta Ġużeppi, ir-raġel tagħha, jirċievi messaġġ mingħand l-anġlu li jgħidlu li Marija se ssir omm, u fl-aħħar tal-ġrajja, Ġużeppi jaċċetta bis-sħiħ dan il-pjan ta’ Alla. Ħa nitfgħu ħarsitna fuq Ġużeppi. 

Nixtieq li nsemmi erba’ karatteristiċi ta’ Ġużeppi li joħorġu b’mod sabiħ f’dan l-Evanġelju.

Ġust u ħanin

L-Evanġelju jgħid li Ġużeppi kien “raġel ġust” (Mt 1:19). Kien bniedem li jimxi skont ma jrid Alla. Imma l-ġrajja tat-tnissil ta’ Ġesu turina li kien iffaċjat b’sitwazzjoni iebsa li ħolqot fih konfużjoni – qabel marru joqogħdu flimkien, Marija kienet tqila. Hu kien jaf kemm Marija kienet mara li tafdaha, imma fl-istess waqt ma setax jifhem x’ġara.

Immaġinaw ftit: għalih kien xokk, diżappunt. Kellu qalbu miksura. X’għamel f’din il-kriżi? L-Evanġelju jurina kemm kien bniedem ta’ qalb tajba, ta’ mħabba kbira, li fittex mhux sempliċiment li jimxi mal-liġi u d-drawwa taż-żmien, imma fittex l-akbar ġid tal-persuna li kien iħobb. Minflok jesponi lil Marija għall-mistħija pubblika, jiddeċiedi li jitlaqha bil-kwiet. Anke fil-weġgħa tiegħu, Ġużeppi jagħżel il-kompassjoni. Qabel ma jifhem il-pjan ta’ Alla, Ġużeppi diġà qed jgħix il-qalb ta’ Alla.

Ġużeppi jgħallimna li l-vera qdusija tidher fl-imħabba u fil-ħniena, speċjalment meta ma nkunux nistgħu nifhmu x’qed jiġri. 

Jgħożż il-ħajja

Ġużeppi kien bniedem li jgħożż il-ħajja. Meta l-Evanġelju jgħid li għamel il-ħsieb li lil Marija “jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19), din kienet deċiżjoni tiegħu biex jipproteġi l-ħajja, għax skont il-liġi u d-drawwa taż-żmien, persuna fis-sitwazzjoni ta’ Marija kienu jħaġġruha.

Innutaw li d-deċiżjoni tiegħu ma kinetx biss jipproteġi l-ħajja ta’ Marija, imma wkoll ta’ binha Ġesu li kien fil-ġuf. Ried isalva lill-omm u lit-tarbija. Kienet deċiżjoni mmexxija minn din l-għożża tal-ħajja tat-tnejn li huma.

F’dan Ġużeppi jagħtina messaġġ qawwi: li għandna naħdmu għall-protezzjoni ta’ kull ħajja umana, hi min hi. Hu messaġġ importanti għal żmienna meta hawn min jifred l-omm mit-tarbija u jitkellem fuq il-valur tal-ħajja tal-omm imma jneħħi l-ħajja tat-tarbija. Din hi mentalita li niltaqgħu magħha – mentalita li tqis li l-ħajja umana fil-ġuf ma għandhiex valur, jew il-valur jiddependi fuq jekk taċċettahiex jew le. Għandna nipproteġu dejjem il-ħajja ta’ kull bniedem, kemm jekk il-ħajja narawha, kif ukoll jekk għad trid titwieled imma diġa mnissla. Il-ħajja tal-omm u tat-tarbija jkunu mħarsa flimkien.

Jisma’

Ġużeppi jolqotna bħala bniedem li jisma’. Fl-Evanġelju ma nsibu ebda kelma li qal, ebda diskors li għamel, imma nsibuh dejjem jisma’. Hawnhekk hu jisma’ l-messaġġ ta’ Alla li jiġih mill-anġlu. Jisma’, u jagħti każ dak li jisma’.

Hu kien lest jisma’ lil Alla, anke meta dan kien ifisser li jrid jibdel il-pjanijiet tiegħu. Fl-Evanġelju llum narawh bi pjan tajjeb fiċ-ċirkustanzi li kien qed jgħix, pjan maħsub sew u mmexxi mill-imħabba. Imma Ġużeppi sema’ lil Alla li tah dawl ġdid fuq is-sitwazzjoni, u minħabba f’hekk, bidel il-pjan tiegħu. Dak li kien jidher għalih diżastru fil-fatt inbidel f’bieb għall-fidwa.

Kemm tkun isbaħ il-ħajja meta aħna nkunu lesti nisimgħu qabel nitkellmu, u nisimgħu iktar milli nitkellmu. L-ewwel nett nisimgħu lil Alla li dejjem jagħtina dawl ġdid għal ħajjitna, dejjem jurina t-triq it-tajba li kultant tkun triq differenti milli nkunu ħsibna aħna. Imbagħad nisimgħu wkoll lil xulxin – nisimgħu u nagħtu każ. Alla jkellimna wkoll permezz tal-oħrajn.

Jieħu azzjoni

Hemm karatteristika oħra sabiħa ħafna f’Ġużeppi. Kien bniedem ta’ azzjoni. Ma kienx biss bniedem li jisma’ b’attenzjoni. Imma kien jagħmel dak li kellu jagħmel. 

L-Evanġelju jispiċċa b’dik is-sentenza: “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu” (Mt 1:24). Hi sentenza li tgħid ħafna. Jilqa’ lil Marija għandu, jieħu t-tifel li mhux tiegħu. Jagħti lil Ġesu ismu, kif jgħidlu l-anġlu, biex jirrikonoxxih legalment u pubblikament bħala ibnu.

Ġużeppi ma kienx biss jemmen, imma l-fidi tiegħu mexxietu għall-azzjoni. Kien jagħraf li l-aktar importanti mhuwiex li tparla imma li tagħmel dak li għandek tagħmel. F’dan Ġużeppi jagħtina messaġġ qawwi li jiswa ta’ ġid għal ħajjitna. Il-fidi f’Alla nuruha meta tmexxina biex nagħmlu dak li jrid Alla. Mhux biss li nistqarruha bil-fomm, imma li nuruha bl-għemil. Hemm nuru kemm nieħdu bis-serjeta dak li nisimgħu, u kemm nistmaw tassew dak li jurina l-Mulej fil-Kelma tiegħu.

Għall-ħajja tagħna

L-istorja ta’ Ġużeppi llum fl-Evanġelju tkellimna b’qawwa kbira. Turina li meta kollox jidher imħawwad, Alla xorta qed jaħdem. Meta nibżgħu, Alla jagħtina l-qawwa biex negħlbu l-biża’ – fil-fatt lil Ġużeppi l-anġlu qallu “xejn la tibża’” (Mt 1:20). Alla dejjem minn hemm jibda fis-sejħat tiegħu: jgħinna negħlbu l-biża’. Ġużeppi jfakkarna li mhux bilfors nifhmu kollox, biżżejjed nafdaw f’Alla li jgħinna nimxu l-pass li jmiss b’kuraġġ.

Fl-istorja tat-tnissil u tat-twelid ta’ Ġesu, l-‘iva’ ta’ Marija tissieħeb mal-‘iva’ ta’ Ġużeppi. Nitolbu lill-Mulej biex nieħdu l-eżempju sabiħ li jagħtina Ġużeppi fl-Evanġelju llum: li nkunu nies ta’ qalb kbira mimlija mħabba u ħniena, li ngħożżu l-ħajja ta’ kull bniedem u nipproteġuha, li nkunu lesti dejjem nisimgħu u nagħtu widen, u li b’determinazzjoni nagħmlu dak li għandna nagħmlu – dak li jurina l-Mulej – u nuru l-fidi fl-għemil tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta