L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Musbieħ jixgħel u jiddi” (Ġw 5:35). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù fuq Ġwanni l-Battista llum fl-Evanġelju, u hi deskrizzjoni tajba ħafna. Musbieħ mhuwiex qiegħed hemm biex int tħares lejh u tiggustah u tieqaf hemm, imma musbieħ għandu l-funzjoni li juri, jagħti d-dawl li juri – juri l-post jew juri t-triq. Ġwanni hekk kien. Ġwanni kien dak li kellu l-missjoni – li qdieha tant tajjeb – biex juri lil Ġesù. Dejjem f’ħajtu nsibuh jipponta lejn Ġesù. Għalhekk “musbieħ jixgħel u jiddi”.
Ġesù ġieli uża din it-tixbiha tal-musbieħ. Niftakru f’dik il-parabbola li kien qal tal-għaxar xebbiet li ħarġu bil-musbieħ biex jilqgħu l-għarus; ħamsa kienu għaqlin u ħamsa kienu boloh (Mt 25). Ġesù jgħid ukoll f’post ieħor fl-Evanġelju: “Ħadd ma jixgħel musbieħ u jqiegħdu xi mkien fil-moħbi jew taħt il-modd, iżda fuq l-imnara biex dawk li jidħlu jkunu jistgħu jaraw id-dawl” (Lq 11:33). Hekk kien Ġwanni. Ma kienx musbieħ moħbi, imma kien musbieħ li n-nies setgħu jarawh, ħalli hu jista’ jwassalhom lejn Ġesù.
Kif kien “musbieħ” Ġwanni? Kien hekk bil-kelma tiegħu, u kien hekk bix-xhieda tal-ħajja tiegħu. Il-kelma tiegħu kienet kelma qawwija. Fih stajna naraw dak li hemm fis-Salm 119: “Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119:l05). Ġwanni kellu kelma ċara, turi l-verità kif jgħid Ġesù, mingħajr sens ta’ inferjorità, u fl-istess waqt iwassal lin-nies dak li hu l-essenzjali bla biża’ u bil-kuraġġ kollu. Kellu wkoll xi ħaġa oħra importanti: ix-xhieda tal-ħajja tiegħu, l-awtentiċità, bniedem awtentiku, b’mod li l-kelma tiegħu kienet tgħajjat – niftakruh fid-deżert jgħajjat – imma x-xhieda tiegħu kienet tgħajjat ħafna aktar.
U kif spiċċa Ġwanni l-Battista? Minħabba li kien jitkellem hekk ċar, kien hemm min urta ruħu, u qafluh fil-ħabs. Imbagħad ingħata l-martirju billi qatgħulu rasu. Ħasbu li se jitfu dak il-musbieħ u ma jibqax jixgħel u jiddi. Irnexxielhom? Forsi ħasbu dak il-ħin li rnexxielhom jeliminawh, imma ma rnexxilhomx jitfu dak il-musbieħ għax għadu sal-lum jixgħel u jiddi. Ix-xhieda tiegħu, il-kelma tiegħu għadha sal-lum ta’ ispirazzjoni kbira, u aħna bi gratitudni nħarsu lejn Ġwanni li kien hekk fidil lejn il-missjoni tiegħu li jwassal in-nies għand Ġesù. Baqa’ sal-lum “musbieħ jixgħel u jiddi”.
X’inhu l-messaġġ li tagħtina l-kelma ta’ Alla għal ħajjitna? Aħna lkoll imsejħin biex inkunu bħal Ġwanni l-Battista. Ġesù kien qal fuqu nnnifsu “Jiena d-dawl tad-dinja” (Ġw 8:12); imma mbagħad anke lin-nies kien qalilhom “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14), għax jissieħbu ma’ Kristu li hu d-dawl. U qalilhom kif: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16). Mela aħna msejħin biex inkunu tassew bħal “musbieħ jixgħel u jiddi”, biex lin-nies ngħinuhom jagħtu glorja lil Alla, u biex lin-nies inwassluhom għand il-Mulej. Nagħmlu dan, bħal Ġwanni l-Battista, bil-kelma tagħna u bix-xhieda ta’ ħajjitna. Bil-kelma li trid tkun ukoll ċara, bla biża’, bil-kuraġġ, u li tħeġġeġ lin-nies għal dak li hu essenzjali u dak li hu l-iktar importanti; imma wkoll bix-xhieda tal-ħajja tagħna għaliex din tkun l-aqwa: l-eżempju li aħna nagħtu, li l-ħajja tagħna tkun qed twassal messaġġ qawwi li mbagħad jidher ukoll fil-kelma li ngħidu.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna nkunu bħal Ġwanni “musbieħ jixgħel u jiddi”, biex bil-kelma tagħna u bix-xhieda ta’ ħajjitna nkunu nistgħu nagħtu dan id-dawl ħa ngħinu lin-nies jaslu għand il-Mulej, u hemm isibu l-aqwa ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta