Matul il-quddiesa tal-għeluq tal-Ġublew tat-Tama għaż-Żgħażagħ f’Tor Vergata, Ruma, il-Papa Ljun XIV fakkar liż-żgħażagħ li Ġesù huwa t-tama tagħna u ħeġġiġhom biex “jidħlu fl-avventura mal-Mulej”, għaliex fi kliemu l-Mulej “qiegħed iħabbat bil-mod fuq it-tieqa ta’ ruħna.”
Waqt What’s On Newsbook tal-lum fuq RTK103 tkellimt ma’ uħud miż-żgħażagħ Maltin li kienu preżenti għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li għalihom attendew mal-miljun żagħżugħ u żagħżugħa. Fl-intervisti tkellmu tfajliet li telgħu ma’ grupp ta’ 21 ruħ immexxija mis-sorijiet Agostinjani kif ukoll Julia Callus, tfajla li telgħet mal-Mixja NeoKatekumenali. Is-sentiment tagħhom kien li din l-esperjenza sabiħa diffiċli tinġabar fi kliem.
Kollha qalu li kienu impressjonati bl-attendenza numeruża ta’ daqstant persuni li jemmnu miġburin għal għan wieħed filwaqt li Martina Xuereb stqarret li din esperjenza sabiħa li se tgħożż. Uħud qatt ma kienu attendew ċelebrazzjoni bħal din simili għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ allura aktar stgħaġbu bil-ferħ li raw u li esperjenzaw.
Erika Spiteri li qiegħda fil-postulandant biex issir soru Agostinjana tkellmet dwar dakinhar li laħaq il-Papa Ljun XIV kif ukoll il-kliem tiegħu li laqatha meta kkwota mill-ġrajja tad-dixxipli t’Emmaus u dawn qalulu “Ibqa’ magħna” – talba li aħna bħala żgħażagħ, li aħna l-futur tal-Knisja kif tenna l-Papa, mistednin nagħmlu. Hi tkellmet ukoll dwar kif se tipprova tattwa dak li rċeviet minn din l-esperjenza.
Segwi l-intervisti:
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Gabriel Lia