L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek u int, għax hu sidek, agħtih qima” (S 44:12). Fl-innu sabiħ li għadna kemm smajna fl-Evanġelju minn San Luqa: ‘Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej’ jew il-Magnificat, Marija propju tagħmel dak li jissuġġerixxi s-Salm 44 li smajna bħala Salm Responsorjali llum. “Agħtih qima u int, għax hu sidek, agħtih qima”.

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:46-47). Sidtna Marija, Marija ta’ Nazaret, issejjaħ lil Alla salvatur: “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-salvatur tiegħi”. Mill-eżistenza tagħha, mill-bidu tat-tnissil tagħha l-Mulej kien għal Marija ta’ Nazaret, bint Anna u Ġwakkin, salvatur b’mod partikolari ħafna. Imma f’dak li għamel ma’ Marija, il-Mulej ried jagħti sinjal ta’ tama lil kull wieħed u waħda minna. Għaliex min hu dak li aħna nsejħulu salvatur? Hu dak li jeħlisna mill-jasar, li kapaċi jiddefendina, li meta nkunu fil-għawġ jeħlisna, li meta nkunu marsusin jagħtina n-nifs.

Intervjena fit-tgħanniqa ta’ mħabba ta’ ommha u missierha fit-tnissil tagħha biex iħarisha minn kull tebgħa tad-dnub u għamilha ħielsa biex, meta jiġi l-mument u jipproponilha li ssir omm ibnu, hi ma jkollha l-ebda xkiel, għalkemm libera li tgħidlu ‘iva’ u iva tassew. Ma ħarishiex b’mod mirakoluż fid-duluri tagħha meta tilfet ’il binha u qalbha maqsuma ma’ San Ġużepp fittxitu għal tlitt ijiem. Meta rat lil Binha umiljat, itturufnat, ifflaġellat, inkurunat bix-xewk, mgħobbi bis-salib. Il-Mulej ma kienx salvatur tal-maġija għal Sidtna Marija. Seħibha f’dan il-misteru kbir tal-libertà li tissielet mal-jasar għax meta aħna l-bnedmin lil Alla ngħidulu ‘le’, mingħalina nkunu qegħdin naffermaw il-libertà tagħna, imma nkunu qegħdin ninżlu iżjed fil-ħama tal-jasar.

Sidtna Marija mimlija bil-ġmiel li għaliha jixxennaq il-Mulej, għax hi kapulavur tal-ħniena tiegħu, hi waħda minna totalment ħielsa biex f’isimna tgħidlu ‘iva’. Hu għażilha wkoll mhux biss biex permezz tagħha jitwieled ibnu magħmul bniedem, Ġesù ta’ Nazaret, imma wkoll biex jagħtina kewkba tiddi fid-dlam tal-mewt, xaqq u raġġ ta’ tama f’dak kollu li jġibilna ansjetà, apprensjoni u dulur. Għażilha biex tkun għalina tama ħelwa tagħna. Għaliex? Għaliex hi, li kienet kollha sabiħa (tota pulcra) f’qalbha, fil-ħarsa ta’ għajnejha, fil-kelma ta’ xofftejha, fit-tbissima ta’ ħaddejha, fit-tgħanniqa ta’ jdejha, f’sidirha safi, fil-ġuf purissimu tagħha, il-Mulej ma ridhiex li tara t-taħsir tal-qabar.

Aħna lkoll nafu x’jiġifieri t-taħsir tal-mewt u kemm dulur iġibilna, kemm dulur iġibilna l-mewt li għalina hi firda mill-għeżiez tagħna, li għalina donnu hu post tad-dlam. Jalla Sidtna Marija kull meta ngħaddu minn dan id-dulur li ma nistgħux naħarbu minnu, tkun għalina dik il-kewkba tiddi fid-dlam, dik it-tama samma, dak id-dawl li hu frott tal-ħniena tal-Mulej. Għaliex fi tlugħ is-sema ta’ omm Ibnu, fl-Assunzjoni ta’ Marija, f’Marija Assunta kif tgħid hi stess: “Il-Mulej wera l-qawwa ta’ driegħu, għolla ċ-ċkejknin, ftakar fil-ħniena tegħu” (Lq 1:51.52.54), minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejħilha bir-raġun hienja fuq li hienja.

X’sabu d-dixxipli meta marru jżuru l-qabar għażiż tagħha f’riġlejn l-Għolja taż- Żebbuġ f’Ġerusalemm? Sabu qabar vojt bħalma kienu sabu d-dixxipli f’dak il-jum qaddis tal-Għid il-Kbir meta marru jfittxu l-katavru tal-Mulej Ġesù, u sabu qabar vojt. M’għandna l-ebda xhieda tal-irxoxt tal-Mulej. M’għandna l-ebda xhieda tal-irxoxt ta’ Marija imma għandna l-qabar vojt. Ġerusalemm inqimu l-qabar ta’ Ġesù, is-santu sepulkru u nqimu wkoll il-qabar ta’ Marija.

Hemm żewġ tradizzjonijiet ħelwin imma l-iżjed rakkonti antiki ta’ din l-esperjenza li l-Knisja kollha qiegħda tiċċelebra llum, li l-aħwa Ortodossi jiċċelebraw fit-22 ta’ Awwissu. L-ewwel waħda hi li huma u jħarsu lejn il-qabar vojt id-dixxipli setgħu jipperċepixxu, iħossu fwieħa qawwija li tinfed il-qalb. Marru f’post li l-esperjenza tgħallimna hu post tan-niket, post tat-taħsir, post tar-rwejjaħ mhux pjaċevoli, imma sabu qabar vojt u riħa qawwija ta’ ward u ta’ ġilju, sinjal tal-ħajja, sinjal ta’ bidu ġdid, sinjal ta’ safa, sinjal tar-rebħa.

It-tieni aspett interessanti fl-eqdem rakkonti tal-Assunta, li mhumiex fil-Evanġelji imma kitbiet antiki ħafna li jagħġnu wkoll il-ħajja u l-fidi tal-Knisja, hi li x-xhieda tal-qabar vojt ta’ Marija kienu grupp kbir tal-appostli. Donnu l-Knisja kellha bżonn tkun xhud li l-qawmien ta’ Ġesu kien ukoll qawmien għall-ġisem tiegħu, li Sidtna Marija l-għażiża ommu, kellha tkun l-ewwel frott tal-qawmien ta’ binha.

Illum li qegħdin niċċelebraw l-Għid tal-Assunta propju f’jum il-Ħadd, il-Ħadd li fih niċċelebraw kull ġimgħa l-qawmien ta’ binha mill-imwiet, illum niċċelebraw iż-żewġ Għid: l-Għid il-Kbir ta’ Binha Ġesù u l-parteċipazzjoni ta’ ommu, ta’ Sidtna Marija fl-Għid ta’ Binha, fl-Għid tal-Assunta. Imma għalina dan xi jfisser? Hemm tama għalina li m’aħniex safja daqs il-Verġni Marija? Li konna mhux imħarsa mid-dnub imma meħlusa mid-dnub bid-demm għażiż ta’ Binha. Li nħarsu lejha u niftakru li għażilha bħala ommna, għax għażilna bħala wliedha. “Mara, hawn hu Ibnek. Hawn hi ommok” (Ġw 19:26.27). Għalina l-Għid tal-Assunta hu ċertezza li meta jasal il-mument aħna wkoll nissejħu biex inkunu fil-leminija tas-sultan imżejna bid-dija. Inkunu mimlija bid-dija tal-glorja li tiddi fil-wiċċ ta’ Kristu.

Aħna bir-raġun insellmulek, o Marija sultana tagħna għax f’dan il-jum aħna l-Maltin sa mill-eqdem żminijiet – u jixhdu tant knejjes iddedikati lil dan il-misteru kbir ta’ mħabba u ta’ ħniena – sa mill-eqdem żminijiet ħassejniek qrib tagħna fiċ-ċokon tagħna. Meta aħna nisimgħuk, o Marija, tgħid: “Għaliex ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48), aħna nifhmuk għax aħna wkoll ċkejknin, aħna wkoll żgħar imma minn dejjem tgħallimna nittamaw fik, fik ittamaw missirijietna u inti ħlisthom.

U mhux biss l-esperjenza tal-Konvoj ta’ Santa Marija li hi esperjenza reċenti tas-seklu li għadda, mhux biss il-ħelsien ta’ din ir-rotunda, illum bażilika minuri, mill-qilla tal-għadu imma wkoll il-poplu Malti minn dejjem dar lejn Sidtna Marija bħala patruna ta’ Malta, ta’ Għawdex, tal-Gżejjer Maltin bħala dik li tħares fuqna, tkenninna u tressaqna lejn Ġesù.

O Marija aħna bl-għajnejn tal-fidi, xhieda tar-rebħa li ried jagħtik il-Mulej fuq il-mewt, ħares lejn il-ġmiel tiegħek imma inti kapulavur tal-ħniena tiegħu. Aħna wkoll niddependu ħafna mill-ħniena tal-Mulej, aħna li mingħajr mistħija ta’ xejn imma b’sogħba nistqarru fil-bidu ta’ kull quddiesa li aħna midinbin, għandna bżonn l-għajnuna, l-interċessjoni, l-eżempju tiegħek. Iġbidna lejk bil-fwieħa tal-qdusija tiegħek, ħarisna mit-taħsir tad-dnub u meta nogħtru u nolfqu taħt il-piż tad-dnubiet tagħna, ejja ħares lejna b’dawk l-għajnejk tal-ħniena u itlob lil Ibnek l-għażiż iħenn għalina.

Sliem għalik, sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik.

Viva Marija mtellgħa s-sema.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab
Salm: 44: 10bc.11-12ab.16
Qari II: 1 Kor 15: 20-26
Evanġelju: Lq 1:39-56

More Photos >>