L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Hekk ħabbejtkom jien”. Ġesù jgħid dan il-kliem fil-jum għażiż li aħna nafuh bħala Ħamis ix-Xirka. Ftit sigħat wara din il-kelma għażiża ta’ Ġesù, hu jiġi tradut b’bewsa, arrestat, ittorturat, ikkundannat bla ħtija, u msallab. “Hekk ħabbejtkom jien. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:9).

Illum f’Jum l-Omm ma nistgħux nitkellmu fuq l-imħabba u ma naħsbux fl-omm. L-omm b’ħajjitha, iżjed milli bi kliemha, tgħallimna x’inhi l-imħabba.

Ġesù jitkellem dwar il-kmandamenti tiegħu imma meta jagħżel wieħed, imur lejn il-qalb ta’ kollox. “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12). Il-qaddej ta’ Alla, Ġwanni Pawlu I, li dam papa 33 jum biss għaliex miet, fl-1978 kien laħaq ta erba’ udjenzi ta’ nhar t’Erbgħa, u f’waħda minn dawn ir-riflessjonijiet tkellem ukoll dwar Alla li hu Missier imma jaf ukoll iħobb bħalma tħobb l-omm. X’inhi din l-imħabba partikolari? Mhijex biss imħabba li tilqa’ u tagħti l-ħajja, imma mħabba li ssegwik mill-qrib u mill-bogħod. Il-ħarsa tal-omm fuq uliedha, huma min huma u għamlu x’għamlu, hija dejjem ħarsa ta’ ħniena, ħarsa ta’ mogħdrija.

Aħna nixtiequ nirringrazzjaw lil Alla tal-ġenju tal-omm; hi twelled fit-tbatija u tagħti l-ħajja u l-ferħ, trabbi fil-ferħ u fit-tbatija. Imma anke l-missier għandu sehem f’din l-imħabba tal-omm. It-traġedja hija meta dawn l-imħabbiet jitbiegħdu jew jitilfu t-togħma bnina tagħhom. It-talba li  nagħmlu lill-Mulej illum hija talba għall-ommijiet tagħna u għall-ommijiet kollha tad-dinja. Immaġinaw persuna f’sitwazzjoni diffiċli. Imqar f’nofs baħar fil-Mediterran, jew il-ħabs jew f’residenza għar-rekupru ta’ min hu dipendenti mid-droga, jew inkella f’ambjent fejn għandu bżonn jitbiegħed minn ommu. Immaġinaw il-qalb ta’ dik l-omm għal dak iż-żagħżugħ jew żagħżugħa, għal dak l-iben jew bint.

Jekk tifhem il-qalb tal-omm, tibda tifhem xi ftit il-qalb ta’ Alla. Kif jista’ jkun taqta’ qalbek mill-imħabba ta’ Alla jekk hu jfakkrek fix-xbieha sabiħa tiegħu meta tak lil ommok? Jista’ jkun, bħalma qal darba l-Papa Franġisku, li l-omm mhijiex l-akbar l-mudella li hawn fid-dinja jew inkella mhijiex dik li forsi wieħed ipinġi fl-immaġinarju tiegħu, imma l-kwalità essenzjali ta’ dik il-mara, għalik, hija li hi ommok.

Illum insellmu lill-ommijiet tagħna, ħajjin u mejtin. Illum insellmu lill-ommijiet li għaddejjin minn mumenti ta’ diffikultà. F’dawn il-jiem, meta nara l-filmati li ġejjin mill-Indja, immarkata b’mod drammatiku mill-pandemija tal-COVID-19, naħseb f’tant familji milquta, ommijiet li qegħdin imutu minħabba din il-pjaga, ommijiet li qed jitilfu lil żwieġhom u lil uliedhom. L-omm iġġorr il-ferħ tad-dinja imma ġġorr ukoll in-niket.

Ejjew nitolbu lill-Mulej li meta ried jiġbor il-kmandamenti kollha, ma kkumplikax wisq il-ħajja imma forsi tana l-isbaħ u l-itqal wieħed: “Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin” (Ġw 15:12).

Nagħlaq billi nagħti parir liż-żgħażagħ imma anke lilna l-kbar li għad għandna x-xorti li għandna magħna lill-ommijiet, u anke lil dawk li l-ommijiet ormaj qegħdin il-ġenna, għax jekk fid-dinja hawn il-qaddisin, l-ewwel li jikkwalifikaw huma l-ommijiet, bir-rispett kollu lejn il-missirijiet. Forsi l-missier minħabba l-paċenzja li jkollu jieħu imma dak imbagħad insemmuh f’Jum il-Missier. Is-suġġeriment li nagħti lil kulħadd huwa li meta niċċelebraw għeluq sninna, nippretendu li għal dak il-jum inkunu ċ-ċentru tal-attenzjoni. Għal ommok dik hija l-Mother’s Day, għal missierek dak hu l-Father’s Day. Meta tiċċelebra twelidek, ftakar f’min ġabek fid-dinja: thank you card, bukkett fjuri, jew quddiesa għal ruħha jekk m’għadhiex maghna. Hekk, il-għeluq sninek ikollu ferħ ta’ min ma ħasibx biss fih innifsu, imma ftakar minn fejn ġiet is-siġra u l-għeruq tagħha. Niftakruha din: għeluq sninna huwa l-veru Mother’s Day, il-veru Father’s Day.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 10:25-26,34-35,44-48
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4
Qari II: 1 Ġw 4:7-10
Evanġelju: Ġw 15:9-17

More Photos >>