Il-Kummissjoni tal-Knisja għall-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli ħadet l-azzjoni meħtieġa mingħajr preġudizzju biex jiġu mħarsa l-partijiet kollha fil-każ ta’ saċerdot li ġie akkużat li kellu relazzjoni ma’ tfajla. Skont ma ntqal fil-Qorti mill-prosekuzzjoni, din ir-relazzjoni bdiet ftit xhur qabel it-tfajla għalqet 16-il sena, li hija l-età kunsenswali.
Kienet il-Kummissjoni tal-Knisja li ħadet passi fuq rapport li rċeviet u għaddiet il-każ f’idejn il-Pulizija għall-investigazzjoni, u kif tagħmel f’każijiet bħal dawn ħadet ukoll passi fil-konfront tal-qassis. Dan biex jiġu mħarsa l-partijiet kollha, kif intqal fl-istqarrija tal-Kummissjoni tal-Knisja maħruġa nhar l-Erbgħa 3 ta’ Settembru 2020.
Filwaqt li tirrispetta d-dritt tal-kunfidenzjalità u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-persuni involuti, il-Kumissjoni tal-Knisja għall-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli tappella biex dejjem jiġu rrappurtati l-fatti.