-
Archbishop’s message on the occasion of a thanksgiving celebration for the Canonisation of the Popes St John XXIII and St John Paul II
-
Knisja Parrokkjali ta’ Sant’Elena, Birkirkara
4 ta’ Mejju 2014Ħuti, ġejna hawnhekk illum biex inkomplu l-ferħ li kellha l-Knisja tagħna meta żewġ Papiet: Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II ġew dikjarati qaddisin mill-Knisja tagħna. Jiġifieri mill-lum il-quddiem aħna nistgħu nsejħulhom San Ġwanni XXIII u San Ġwanni Pawlu II.
U għalfejn issir din il-kanonizazzjoni? Ħuti, ara taħsbu li din il-kanonizazzjoni issir minħabba l-persuni nfushom. Dawk diġa qegħdin fil-glorja, imma ssir minħabba fina biex aħna jkollna mudelli li nimxu fuqhom, biex aħna nimxu fit-triq tal-Mulej. Kull qaddis u qaddisa għalina huma don ta’ l-Ispirtu s-Santu biex jgħinuna nimxu wara l-Mulej Ġesu. Infatti aħna lkoll nafu li l-Iben t’Alla meta sar bniedem ried li jkun inkarnat, jiġifieri li jkollu l-ġisem bħal tagħna. U għamel hekk biex dawk li kienu madwaru jkunu jistgħu jaraw hu x’qed jagħmel, hu x’qed jgħid, u jibqgħu jimxu fuq il-passi tiegħu. Tant hu veru li qabel ma bagħat lill-appostli biex huma jmorru u jipprietkaw il-kelma, l-ewwel ħallihom tlett snin miegħu biex hu jkun jista’ jiffurmahom fit-triq li twassal għand Alla l-Missier.
L-Appostli kienu minn ta’ l-ewwel li mxew wara Ġesù, kienu wkoll l-ewwel xhieda tiegħu. Huma li għexu miegħu, setgħu ikunu verament dawk li jagħtu xhieda lilna lkoll ta’ x’jiġifieri timxi wara l-Mulej Ġesu. Imma għadda ż-żmien u ladarba l-Knisja appostolika u Ġesu ma kienux għadhom jidhru fil-ġisem, l-Knisja bdiet tirraġuna: għaliex ahna ma nibdewx nagħżlu xi wħud u naraw ftit kif għexu biex aħna nkunu nistghu nagħtuhom bħala mudell lill-Knisja mqaddsa, lill-fidili? U hekk ġara. Dan li tfisser il-kanonizazzjoni.
Il-kanonizazzjoni sservi għal tlett raġunijiet differenti. L-ewwel raġuni hija li Alla l-Imbierek ikun għażel lil xi ħadd minn fostna u jurina kif aħna nistgħu nilħqu l-qdusija. It-tieni raġuni hija biex Alla l-Imbierek jurina li anke f’kuntesti differenti aħna lkoll nistgħu nsiru qaddisin. U l-aħħar ħaġa hija li permezz ta’ din il-kanonizazzjoni saret iktar qrib dik li hija r-rabta li hemm bejn il-Knisja li għadha miexja fiż-żmien f’din id-dinja, u l-Knisja li diġa qiegħda trijonfanti ma’ Sidna Ġesu Kristu fis-sema.
Illum qegħdin niċċelebraw din il-kanonizazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Papiet. Jiġuna f’rasna żewġ raġunijiet għaliex aħna rridu ngħożżuhom. L-ewwelnett għaliex rridu nirringrazzjaw lil Alla li fis-seklu l-ieħor u f’dan is-seklu l-Mulej Ġesu tana verament Papiet li huma qaddisin, kollha mexxewna bil-qalb u bil-qdusija lejn Sidna Ġesu Kristu. Nirringrazzjaw lil Alla għax kellna min imexxina fid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu. It-tieni raġuni għaliex aħna għandna niringrazzjaw lil Alla l-Imbierek hija, għaliex jekk huma fi żmienna, fil-kultura li qegħdin ngħixu llum, dawn waslu biex isiru qaddisin, allura anke għalina hija possibbli li f’din il-kultura, f’dan l-ambjent, aħna wkoll insiru qaddisin.
Iż-żewġ Papiet li aħna qegħdin niċċelebraw illum kienu dawk li pproponew mixja ġdida fil-Knisja. Ġwanni XXIII li ġie elett fl-1958 kien dak li fetah il-Knisja mill-ġdid. Huwa dak li kien jinżel fost in-nies, huwa dak li minnu kienet toħroġ it-tjubija. Huwa dak li minnu ħareġ ukoll id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu: il-Konċilju Vatikan II. Huwa l-Papa li beda t-triq ġdida kif għandu jkun il-Papat u allura kif il-Knisja għandha timxi. U biex nieħdu daqsxejn ta’ ħsieb mill-qdusija tieghu, tafu li għandu d-djarju tiegħu u ftit qabel ma qaddes kiteb hekk: ‘jiena la nixtieq inkun Sant Injazju ta’ Loyola, lanqas irrid inkun San Stanislaw Kostka, jiena nixtieq inkun biss Angelo Roncalli li nsir qaddis’. U din hija t-triq tal-qdusija: tara min int, it-tajjeb u dak li hemm bżonn jiġi rranġat u timxi fit-triq tal-Mulej. Mhux noħolmu b’affarijiet oħrajn. Il-bidu tal-qdusija trid tibda minni imbagħad tibqa miexja tul il-ħajja tiegħi.
It-tieni Papa li aħna ċċelebrajna l-ġimgħa li għaddiet huwa l-Papa Ġwanni Pawlu II. Dan il-Papa ovvjament kemm għax dam bħala Papa u kemm għaliex kien għadu żgħir meta laħaq Papa, għadna niftakru f’ħafna affarijiet inkluż meta huwa ġie hawnhekk Malta. Papa Ġwanni XXIII kien diġa ħareġ minn Ruma imma mar biss f’Loreto u Assisi. Kien il-Papa Ġwanni Pawlu II li sar missjunarju tad-dinja. Kien imur kullimkien jiltaqa’ man-nies, jidħol fost in-nies. Tant hu veru li waħda mill-inizjattivi li għamel hu, u li għadha ħajja u qawwija sal-lum hija l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u f’dan il-jum dinji taż-żgħażagħ il-Papa preżenti għoġbu jagħmel lil Ġwanni Pawlu II il-Patrun ta’ din il-ġurnata taż-Żgħażagħ.
Hawn nixtieq nistaqsi: imma għaliex dawn iż-żewġ papiet ġew magħmulin qaddisin flimkien? Ma ngħatatx raġuni speċjali imma jien nixtieq naqsam magħkom dak li ġie f’qalbi. Jien naħseb li t-tnejn ġew iddikjarati qaddisin fl-istess mument, għaliex il-kanonizazzjoni ma kienetx biss taż-żewġ Papiet imma kienet il-kanonizazzjoni tat-triq li huma lestew għall-Knisja li kella tiġi warajhom. Hija t-triq li twassalna biex aħna nkunu iktar qrib tal-Knisja fil-bidu, il-Knisja tal-Appostli. U allura anke aħna rridu naraw li din it-triq hija t-triq tal-faqar, it-triq tal-umiltà, it-triq ta’ l-imħabba, it-triq tal-karità; anke dawn kollha aħna nistgħu ngħixuhom propju fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ qaddisin. Dan qed naraw iseħħ ukoll permezz tal- Papa Franġisku, għax m’hemmx triq oħra.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta