Knisja Santissima Trinità, Marsa
12 ta’ April 2013
Ħuti aħna qegħdin hawnhekk biex infakkru l-100 sena minn meta din il-Knisja ġiet ikkonsagrata u saret parroċċa jiġifieri komunità li għandha territorju u li trid tieħu ħsiebu fl-evanġelizzazzjoni. L-Isqof ta’ dak iż-żmien li kien Mons. Pietru Pace, ħalla f’idejn din il-komunita r-responsabbiltà li tevanġelizza dan it-territorju tal-Marsa.
Il-Wiċċ tal-Mulej fi tlett aspetti differenti
1. Il-Wiċċ tal-Providenza
Mitt sena ilu aħna nistgħu ngħidu li dawk li kienu jgħixu dak iż-żmien raw il-wiċċ tal-Mulej fi tlett aspetti differenti. L-ewwelnett raw il-wiċċ tal-Mulej fil-providenza ta’ Alla l-Imbierek. Alla ħafna drabi iħaddem il-providenza permezz ta’ nies li jkunu miftuħin għat-tnebbiħiet tiegħu biex imbagħad dak li jixtieq hu, iseħħ. U 100 sena ilu kien hemm s-sinjuri il-kavallier Lorenzo u l-mara tiegħu, Marija Karmela Balbi li – setgħu jagħtu karitajiet oħrajn – imma l-Mulej nebagħhom li hu jrid post fejn l-insara jistgħu jinġemgħu biex jagħtu qima lil Alla. Dak huwa l-fatt tal-providenza t’Alla. Min jaf dak iż-żmien dak il-poplu tal-Marsa, kemm kien mistagħġeb; min jaf qabel kemm kienu qed jinkwetaw dwar kif se jaslu biex jaghmlu tempju deċenti biex Alla jkun jista’ jiġi gglorifikat ġewwa fih, u f’daqqa waħda tidher din il-koppja li b’ġenerożita enormi ħasbitilhom hi. U dan kien il-wiċċ tal-providenza.
2. Il-Wiċċ tat-Trinità Qaddisa fl-Ewkaristija
100 sena ilu wkoll f’Malta kien qed isir il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Kien hemm festi kbar. Malta kollha kient mixgħula f’dan l-avveniment kbir ħafna u dak il-ħin żgur li dawk li kienu qegħdin jifirħu bil-Knisja tat-Trinità Qaddisa ma setgħux jifirduh minn dak li kienet qed tiċċelebra l-Knisja f’Malta. Għalekk t-tieni wiċċ huwa t-Trinità Qaddisa li tidher b’mod speċjali fl-Ewkaristija, il-preżenza reali tad-divinità. Anke dak iż-żmien min jaf dawk li kienu qegħdin jitqarbnu kemm ħassew iktar l-għaqda tagħhom spiritwali din id-darba mhux mal-Knisja biss, imma iktar lil hinn, mat-Trinità Qaddisa. U din il-knisja tal-Marsa servithom biex huma jkunu jistgħu jiftakru iktar f’Alla l-Imbierek, t-Trinità Qaddisa.
3. Il-Wiċċ tat-Trinità Qaddisa
It-tielet wiċċ u li aħna qegħdin niċċelebraw b’mod speċjali f’din il-knisja, huwa l-wiċċ tat-Trinità Qaddisa: Alla li huwa Missier, Alla li huwa Iben u Alla li huwa l-Ispirtu s-Santu. U dan il-poplu ta’ hawnhekk ħass li għandu jiddedikaha din il-Knisja lit-Trinità Qaddisa. M’hemmx għalfejn ngħidu li t-Trinità Qaddisa hija il-qofol tat-twemmin tagħna. Kantajna l-glorja u jissemmew it-tlett persuni; minn hawn u ftit ieħor se nagħmlu quddiem xulxin l-istqarrija ta’ dak li fih aħna nemmnu, l-Kredu, li jurina l-Missier min hu, l-Iben min hu, u l-Ispirtu s-Santu min hu. Il-kredu qiegħed jiġi żviluppat madwar din ir-rivelazzjoni kbira tat-Trinità Qaddisa. Alla ried li aħna nidħlu propju fil-qofol tal-eżistenza tiegħu, u aħna biss, ħuti, aħna bħala insara nistgħu nagħtuh qima mhux bħala Alla biss, imma Alla Trinità.
Il-Bniedem f’komunjoni bħat-Trinità Qaddisa
X’nafu fuq it-Trinità Qaddisa? Nistgħu nibdew mill-Ġenesi. Alla l-Imbierek ħalaq lil bniedem xbieha tiegħu. Imma jekk hu Trinità Qaddisa nistgħu nifhmu għaliex Alla l-Imbierek ħalaq raġel u mara f’komunjoni biex meta jħares lejn il-bniedem ma jarax bniedem u bniedem imma jara l-komunjoni bħalma hemm fil-Trinità Qaddisa. Din hija l-profondità ta’ dan il-misteru kbir. Il-Mulej għażel is-sagrament taż-żwieġ biex il-bnedmin jgħixu f’komunita ħalli hu meta jħares lejna, iħares lejna bħala komunità ta’ mħabba. Imbagħad ġie Sidna Ġesù Kristu fid-dinja, u l-aktar tlett mumenti mportanti tal-ħajja tiegħu, Sidna Ġesù Kristu għaqqadhom mar-rivelazzjoni tat-Trinità Qaddisa.
Tlett Mumenti Importanti fil-Ħajja ta’ Ġesù mar-Rivelazzjoni tat-Trinità Qaddisa
1. Fit-Tħabbira ta’ l-anġlu
L-ewwel wieed: qabel ma twieled Ġesù, l-anġlu Gabrijel mar għand Sidtna Marija u għamiliha r-rivelazzjoni tat-Trinità Qaddisa. Ma tistax tagħraf min hu Ġesù jekk ma tagħarfux fit-Trinità Qaddisa. L-anġlu qal lil Sidtna Marija: “Tibżax, Marija għax dak li ġej, ġej bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u dan huwa Bin Alla”. Mela kien hemm ir-rivelazzjoni tal-Missier għax inkella ma jkunx hemm Iben, ir-rivelazzjoni tal-Iben u r-rivelazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu.
2. Fil-Magħmudija ta’ Ġesù
Jasal iż-żmien li Ġesù fil-ħajja tiegħu jerġa jagħmel mument importanti ħafna u dan huwa fil-Magħmudija tiegħu minn Ġwanni li nistgħu nikkonsidrawh bħala l-bidu tal-ministeru tiegħu. Issa Sidna Ġesù Kristu qiegħed juri lilu nnifsu bħala s-salvatur tagħna. U tafu x’ġara fil-Magħmudija, Ġesù ma baqax waħdu. Instema’ leħen li huwa t’Alla l-Missier u deher l-Ispirtu s-Santu taħt sura ta’ ħamiema, , biex it-Trinità tkun verament preżenti. L-istess ma tistax tifhem il-ħajja ta’Ġesù jekk ma tpoġġihiex fit-Trinità Qaddisa.
3. Ġesù fl-aħħar Ċena
It-tielet mument, Ġesù fl-aħħar ċena. Fil-Vanġelu skont S. Ġwann mill-kapitlu 13 sal-kapitlu 17 għandna l-isbah rivelazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, għax hemmhekk jagħtina teoloġija sħiha fuq xi jfisser Alla l-Missier, Alla l-Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu. Eżatt fl-aħħar ċena, Ġesù ma ridtx jagħtihom l-Ewkaristija jekk ma jifhumhiex fid-dawl tat-Trinità Qaddisa, inkella m’għandhiex sens. Ġesù ma jistax jinfired mit-Trinità Qaddisa. F’dawn it-tlett mumenti Sidna Ġesù Kristu uriena kemm it-twemmin dwar t-Trinità Qaddisa huwa ħaġa waħda ma’ dak li hu Ġesù.
Kif għandha tkun il-Qima tagħna
Mhux hekk biss imma Ġesù għallimna kif għandha tkun il-qima tagħna lejn It-Trinità Qaddisa. Kien hemm mumenti meta Sidna Ġesù Kristu kien imur waħdu jitkellem ma’ Alla l-Missier, per eżempju f’dak il-mument tant iebes meta hu mar fil-ġnien tal-Ġetsemani u hemmhekk mar ikellem lil Alla. L-Ispirtu s-Santu f’dak il-ħin ma jissemiex. Ngħaddu iktar il-quddiem u nsibu meta bagħad lit-32 dixxiplu biex huma jipprietkaw u jħejju t-triq ta’ Ġesù, u meta jiġu lura, tal-għaġeb, tafu x’hemm mitkub? Ġesù mtela bl-Ispirtu s-Santu, feraħ lil-Ispirtu s-Santu għal dak li kienu għamlu! Jiġifieri Ġesù mhux kellu relazzjoni mat-Trinità fiha nfisha imma bħala bniedem kellu relazzjoni ma’ Alla l-Missier, kellu relazzjoni ma’ l-Ispirtu s-Santu f’mumenti differenti tal-ħajja tiegħu. Għalehkk ħuti, minn barra t-Trinità Qaddisa bħala misteru, Ġesù bħala bniedem għallimna li aħna jrid ikollna relazzjoni mal-Missier, u r-relazzjoni mal-Missier hija l-imħabba. Anke jekk tkun tfixkilt, anke jekk forsi taħseb li Alla mhux se jagħnnqek iktar, Alla l-missier se jgħannqek għax qatt mhu se jiċħad l-ebda persuna.
Ġesù huwa t-Triq
It-tieni ħaġa: jekk aħna nħarsu lejn Ġesù, l-Iben t’Alla li sar bniedem, u nagħtuh qima, lil Ġesù, billi ngħixu kif għallimna hu. Ġesù huwa t-triq. Hu għallimna bħala bnedmin kif suppost inġiebu ruħna. Jekk xi ħadd naqsek, Ġesù x’għamel? Ġesù ħafer, mela jien irrid naħfer. Jekk Ġesù meta kien jipprovdi lil min hu fil-bżonn, mela aħna rridu wkoll f’isem il-Mulej Ġesù nagħmlu dak li għamel hu. U jrid ikollna relazzjoni ma’ l-Ispirtu s-Santu. Min hu l-Ispirtu s-Santu? Kien dak li Sidna Ġesù Kristu ħalla fil-Knisja tiegħu biex jibni l-Knisja. L-Ispirtu s-Santu ġie mibgħut għandna biex aħna nibnu l-Knisja tiegħu spiritwalment. Aħna rridu nagħtu ġieħ lit-Trinità Qaddisa permezz tat-tlett persuni f’Alla wieħed.
Il-Liturġija tal-Lum
Fil-liturġija tal-lum kellna kliem sabih li jurina li kull misteru li Kristu uriena jrid isib risposta fina. Mhux qiegħed hemmhekk biex jixkef il-misteru u nieqfu hemm, le! Jikxef dak il-misteru biex aħna nikkomunikaw ma’ dak il-misteru. U t-tlett lezzjonijiet tal-lum tawna kliem verament sbieh.
Fl-ewwel lezzjoni mill-ewwel Ktieb tas-Slaten: “Jalla qalbkom tkun kollha kemm hi tal-Mulej Alla tagħna”. Minn hemm irridu nibdew, ħuti, li xi darba f’ħajjitna ngħidu: Mulej, jiena tiegħek u ta’ ħadd iktar. Jalla qalbkom tkun kollha kemm hi tal-Mulej Alla tagħna!
L-Ittra lil Kolossin: kważi kważi tistħi tgħidha imma hekk qiegħda. S. Pawl qiegħed ikellem lil-insara ta’ Kolossi: “Intom il-magħżulin ta’ Alla”. Aħna l-magħżulin ta’ Alla! Ara x’dinjità għandna quddiemu. “Il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu”. Allura jgħidilna: “Ilbsu l-imħabba li hi l-qofol tal-perfezjoni”. M’hemm l-ebda mod ieħor kif aħna ngħixu fit-Trinità Qaddisa, jekk ma jkunx hemm l-imħabba. Araw x’qawwa għandha l-imħabba. U l-imħabba kif għexha Ġesù, mhux kif nifhmuha umanament. Meta naqra l-Vanġelu, jew nisma’ l-Vanġelu rrid ngħid: ‘ara kif ħabb Ġesù’, mela jien irrid inħobb bħalu mhux kif ifettilli, lil dan iva lil dak le. Bħalu rridu inħobbu lil kulħadd.
Fil-Vanġelu tal-lum minn Ġwanni kapitlu 15, Ġesù qiegħed fl-aħħar ċena, u jgħid lill-Appostli: “Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jien, ibqgħu fl-imħabba tiegħi”. Kif ħabbni Missieri, mela dik il-kwalità ta’ mħabba li aħna nqimu fit-Trinità Qaddisa hija dik l-istess imħabba li biha Ġesù jħobbna. Hija l-istess imħabba li biha Ġesù jhobb lil kull wieħed u waħda minna. U għandna l-aħħar kmand u nieqaf hawn. Ġesù qal lill-appostli u lilna dan il-kliem: “Dan hu l-kmandament tiegħi li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. Mhux tagħżel kif tħobb, imma kif ħabbejtkom jien. Ġesù għallimna nħobbu, u aħna bħala insara rridu nħobbu bħalu.
Jalla dawn il-festi li qed nagħmlu f’għeluq il-110 sena tal-Parroċċa jġibuna iktar qrib ta’ dan il-misteru kbir; Il-Misteru tat-Trinità Qaddisa.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Ritratt: Photocity