• Homily by Mgr Charles J. Scicluna, Auxiliary Bishop, at Lourdes Grotto

  • Il-Mulej, illum jgħallimna lezzjoni iebsa llum, dik li hemm bżonn tagħżel il-post tal-aħħar.  L-istint tagħna hu li nagħżlu l-post l-aktar importanti, il-post it-tajjeb, l-aħjar post.  Il-Mulej Ġesu jgħallimna li mhux diżunur li tagħżel l-aħħar post, imma sempliċiment li tiftaħ qalbek u tkun ta’ servizz lil ħaddieħor.

    Meta l-anġlu Gabriel stieden li Sidtna Marija li tilqa’ l-proposta tal-Mulej li ssir omm Alla, l-ewwel reazzjoni ta’ Marija kienet:  “imma dan kif jista’ jkun għax jien ma ngħarafx raġel.”  Marija fehmet ukoll aktar il-quddiem, li din il-proposta  ma kienetx proposta biex tingħata xi privileġġ speċjali qabel li tingħata għal qadi. 

    Marija anżi kellha tagħżel l-aħħar post, għaliex l-għarus tagħha Ġużeppi kellu jgħaddi magħha mit-turufnament li jgħidu fuqha.  Anke hu li kien raġel ġust kellu jibgħatha bil-moħbi. 

    Marija għażlet l-aħħar post meta ddeċidiet li tmur tgħin lil Eliżabetta.  Bħala sinjal, l-anġlu Gabiel qalilha: “ara bħala sinjal, qaribtek, dik li ma setgħax ikollha tfal diġa qegħda fis-sitta xahar tat-tqala.”  Marija insiet lilha nnifisha u marret tħaffef biex tkun ta’ servizz, ta’ qadi għal din il-qariba tagħha Eliżabetta.

    Marija għażlet l-aħħar post meta lil binha kellha twelldu f’maxtura, f’għar għaliex ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.  Ma kienx hemm l-aħjar post.  Għażlet l-aħħar post.

    Marija għażlet l-aħħar post anke meta kellha toqgħod għar-rieda tat-tfajjel Ġesu meta qabad u telaq fit-tempju ta’ Ġerusalemm.  Il-Vanġelu ta’ San Luqa jgħidilna ipprova jispjegalha u ma fehmuhx u hi żammet kollox fil-qalb tagħha. 

    Marija tgħallmet toqgħod fl-aħħar post meta fit-tieġ ta’ Kana lil binha qaltu “ma baqgħalhomx inbid” u hu qalilha “mara, is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.”  Din tgħallmet toqgħod fl-aħħar post billi lill-qaddeja sempliċiment qaltilhom “għamlu li jgħidilkom hu.”

    Marija tgħallmet toqgħod fl-aħħar post meta bħala omm iddeċidiet li tkun taħt is-salib ta’ binha. Salib ta’ mistħija. Salib ta’ għajb, għax binha kien ikkundannat mal-ħżiena. Marija, mara bla tebgħa, bla dnub kienet magħduda bħala omm ta’ wieħed kriminal.  Għażlet l-aħħar post.

    Imma meta talbet lill-Mulej, qalet: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.  Iva minn issa kull nisel jibda jsejjaħli ħienja.” U meta fil-25 ta’ Marzu 1885, lil Bernardet wara ħafna domandi riedet tgħidilha min hi, hawnhekk propju f’dan l-imkien qaddis, Marija ħarset lejn is-sema u qaltilha “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni.”  Jiena dik li l-Mulej għażel li tkun imħarsa minn kull dnub. “Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddeja tiegħu. Iva minn issa kull nisel jibda jsejjaħli ħienja.”

    Aħna ġejin f’riġlejn il-Madonna, bid-djufija tagħna, bil-mard tagħna, bit-talb tagħna.  Magħna ġibna, it-talb, ix-xewqat, id-djufjija ta’ ħutna li talbuna nitolbu għalihom.  Permezz tal-komunikazzjonijiet soċjali insellmu lill-Maltin u lill-Għawdxin, anke lil ħutna emigranti,  filwaqt li niftakru fl-aħħar parti tal-Vanġelu tal-llum. 

    Fuq xtutna qegħdin jaslu nies li aħna ma stedinnihomx. Il-Vanġelu tal-lum iħajjarna biex nilqgħuhom anke jekk nafu li m’għandhomx minfejn ipattulna.  Il-Mulej għid “Ħienja int”. J’Alla l-hena tal-poplu Malti u Għawdxi bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija tiqa tkun l-hena ta’ min jiftaħ qalbu għall-barrani mingħajr biża, mingħajr preġudizzju, mingħajr rabja, mingħajr senofobija, mingħajr għodju.

    Ejjew nitolbu naħfra f’dan il-post qaddis li jfakkarna fil-penitenza, imma fil-konverżjoni ta’ kemm il-darba bejnietna iġġilidna bejnietna qisna kelb u qattus.  Nitolbu maħfra ta’ kemm il-darba għedna affarijiet kattivi fuq xulxin.  Nitolbu minn din il-grotta qaddisa, il-grazzja tal-għaqda, il-grazzja tal-maħfra, il-grazzja tal-paċi. U filwaqt li nsellmu lil ħutna l-morda kollha, ejjew nitolbu biex jekk il-Mulej ma jridx jagħtina l-fejqan fiżiku, jagħtina l-fejqan spiritwali.  Niftakru f’dik l-espressjoni sabiħa San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla kun int li tfejjaqli l-pjagi tar-ruħ tiegħi.”  Il-pjagi tal-ġisem tiegħi nista’ nissottomettihom għat–tabib tid-dinja  u nitolbu ħafna għat-tobba, għan-nersis fl-isptarijiet tagħna biex il-Mulej jagħtihom l-għerf u l-pacenzja.  Imma hemm it-tabib tar-ruħ li għandna bżonnu ukoll.  Dak li jfejjaqli l-mard tar-ruħ tiegħi, dak li jagħtina l-qawwa norbot dak kollu li nbati mas-salib imqaddes tiegħu.

    U l-aħħar ħsieb.  Sidna Marija hawnehekk iddeċiediet li toħloq oasi għalina u għal binha.  X’talbitna nagħmlu il-Madonna f’dan il-post?  Lil Bernadette qaltilha “għid lis-saċerdoti jibnu knisja.”  Il-Knisja, l-ewwelnett mhux tal-ġebel, imma hija l-komunita.   Meta kont il-Bażil kien hemm żagħżugħ mill-Indoneżja u tkellem dwar  l-esperjenza tal-fidi tiegħu.  Dan iż-żagħżugħ qal li darba minnhom ħarqulhom il-knisja tagħhom. Kien il-ġimgħa.  Jumejn wara, il-Ħadd kulħadd mar biex jara x’kien ġara.  Dakinhar qalilna fhimt li l-knisja mhux il-ġebel jew l-injam, imma aħna, il-poplu ta’ Alla.  Ejjew nitolbu biex aħna ninbdew bħala l-poplu ta’ Alla, bħala Knisja. 

    Sidtna Marija riedet li hawnhekk isiru żewġ.  Ħawn żewġ purċissjoni iet sbieħ  u straordinajri li jsiru f’Lourdes. Dik li ngħidulha Aux Flambaux fejn aħna niltaqgħu biex infaħħru lil Alla u nitolbu t-talba sabiħa tar-Rużarju bix-xemgħa mixgħula f’idejna li tfakkarna fil-wegħdiet tal-magħmudija.  U dik meta jseħħ il-fejqan straordinju, meta Ġesu jgħaddi u jbierek il-morda.  Hawnkk Marija lil biha Ġesu ħejjietlu oasi fejn aħna wkoll inħossuna qegħdin qisna fl-antiporta tal-ġenna.  Hawnekk Marija tfakkarna bħalma qalet lil Bernardette:  “Ma nistax inwegħdek li kollox jiġik tajjeb fuq l-art, ma nistax inwegħdek il-feliċita fuq l-art, imma fid-dinja l-oħra fil-ġenna, għax hemm pajjiżna – is-sema pajjiżna.

    Niolbu għal pajjiżna ta’ din l-art għall-għażiża Malta, niftakru li għandna passaport ieħor dak li jgħid: “Ċittadini tal-ġenna.” Għax is-sema pajjiżna.  Nitolbu biex il-Maltin ma jinsew qatt li huma u jaħdmu għall-ġid tal-pajjiz tagħna ta’ din l-art, qalbhom tibqa tħares u titħeġġeġ għall-ġenna bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija.

    Charles J. Scicluna

         Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta