• Nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Frar 2015, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, iċċelebra Quddiesa għall-morda fit-tifkira tal-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes u fl-okkażjoni ta’ Jum il-Morda, fis-Santwarju ta’ Santa Tereża, Birkirkara.

    L-Omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa ta’ Jum il-Morda

  • Santwarju Santa Tereża, Birkirkara
    11 ta’ Frar 2015

    Insellem lill-Aġent President ta’ Malta. Nirringrazzjak ħafna tal-preżenza tiegħek fostna il-lejla. Tislima partikolari liż-żewġ kategoriji li llum huma protagonisti: l-morda u l-volontiera, il-carers tagħhom.

    Għeżież morda, jiena ma nsibhiex diffiċli u ma nħossx li għandi niddejjaq ngħidilkom, ‘għeżież morda’. Ħafna drabi l-kultura attwali tipprova taħbi l-mard. Donnu għandhom ċittadinanza privileġġata dawk li huma b’saħħithom u dawk li huma sbieħ. Jista’ jkun wieħed ikun b’saħħtu imma ma jkunx sabiħ, u allura ftit ikunu dawk li donnhom għandhom dritt jeżistu. Qed nirreferi għall-kultura promossa minn ċerti setturi tal-industrija tar-riklami u anke social media u entertainment. Dawn jippreżentawlna dinja fejn kull min qiegħed fuq ix-xena huwa sabiħ u b’saħħtu. Intom tfakkruna li r-realtà, dik vera, hija differenti minn hekk. Tfakkruna li n-nuqqas ta’ saħħa, li jaf ikun piż kbir għal dak li jkun u għal min iħobbu, mhuwiex difett ta’ min jaħbih imma kundizzjoni ta’ min jgħixha. Ejjew naħdmu biex ikollna kultura fejn il-marid ma jkunx meqjus biss statistika negattiva ta’ spejjes li rridu nonfqu u tat-tbatija li rridu nġorru, imma nagħtu dinjità lil min il-ħajja tiegħu hija mgħobbija bit-tbatija.

    Xi ħaġa li timpressjonani kull meta nkun Lourdes hija li, l-fidi f’Ġesù u l-imħabba lejn Ommu ħolqot oasi ta’ talb, oasi oħra ta’ kura u ta’ mħabba lejn il-marid. Meta mmorru Lourdes nirrealizzaw li l-morda huma l-protagonisti tal-akkoljenza. Imma l-mistoqsija li rridu nagħmlu llum hija din: dak il-ferħ li nħossu Lourdes meta naraw lil ħutna fit-tbatija qegħdin jiġi kkurati b’dinjità, kif se nagħmlu biex ikun il-kultura ta’ pajjiżna?

    Għalhekk, illum, quddiem l-għola istituzzjoni tal-Istat, irridu mhux biss nirringrazzjaw lil Alla talli għandna sistema tant effiċjenti ta’ servizz tas-saħħa, li mhijiex marbuta ma’ kemm wieħed ikollu flus, imma rridu wkoll nimpenjaw ruħna biex dawn is-servizzi jingħataw lil min tassew għandu bżonn. U allura rridu nimpenjaw ruħna biex naqtgħu minn fostna kull abbuż tas-sistema statali ta’ saħħa b’xejn. Fl-istess ħin, bir-responsabbiltà tagħna li ma naħlux il-mediċini, bir-responsabbiltà tagħna kif nużaw is-servizzi tas-saħħa, aħna nkunu qegħdin nippromwovu sistema sostenibbli biex nassiguraw li jkollha futur.

    Bħala Nsara, rridu nitolbu għal min hu responsabbli llum, mhux biss biex ikompli jagħti dan is-servizz li għandu tradizzjoni twila f’pajjiżna – ibda minn dawk it-tlett xhur qaddisa meta San Pawl fejjaq il-morda li kien hawn, għall-miġja tal-Kavallieri li kienu Ospedalieri, li kellhom l-ikbar sptar fl-Ewropa, is-Sagra Infermeria. Din hija t-tradizzjoni  li ilha fostna ħafna u hemm bżonn tkompli. Imma aħna rridu nkunu responsabbli biex nassiguraw il-futur tagħha.

    It-tieni kelma hija lill-carers.  Li tkun carer jew volontier/a  mhux kwistjoni biss li tilbes uniformi sabiħa, imma li dak li tagħmel tagħmlu bl-ispirtu ta’ Ġesù: “Kull ma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Intom fil-marid imsejħin taraw lil Ġesù, anke meta ‘l ‘Ġesù’ li jkollok fil-karozzella quddiemek m’għandux aptit la jitbissimlek u wisq inqas jgħidlek grazzi.

    F’Lourdes tirrealizza kemm hemm ferħ f’min jgħin bil-qalb. Kemm vokazzjonjiet sbieħ għall-mediċina, għan-nursing imma anke għall-ħajja reliġjuża kibru f’dik l-oasi ta’ talb u ta’ grazzja. Aħna wkoll nixtiequ nitolbu li kull min jgħin fl-istituzzjonjiet mediċi f’pajjiżna, l-ewwelnett jiggarantixxi l-ħajja, u mhux strument ta’ mewt. Nitolbu biex fid-deċiżjonijiet li jieħu, l-ewwel ikun hemm id-dinjità tal-persuna u mhux il-flus. Impenn ieħor huwa li s-servizz  jingħata b’generożità u mhux għall-paga.

    It-tielet kelma hi għal kull min hu fil-professjoni li jieħu ħsieb il-morda u l-anzjani tagħna. Illum irridu nitolbu mhux biss għall-carers, volontiera, li għal grazzja t’Alla huma ħafna, imma għal dawn il-professjonisti wkoll. Wieħed jista’ jagħti servizz u jkun qed jagħmel dak kollu li hu mitlub minnu, imma aħna nafu li l-kwalità tas-servizz tiddependi ħafna mill-atteġjament, mill-motivazzjoni tal-qalb, minn kemm ix-xogħol isir verament b’sens ġeneruż ta’ vokazzjoni.

    Ejjew nieqfu ftit fuq l-esperjenza ta’ Bernadette Soubirous fil-grotta ta’ Lourdes, bħal-lum, il-11 ta’ Frar, tal-1858. Bernardette rat fil-grotta ta’ Messabielle din is-Sinjura sabiħa. Fl-ewwel dehra din is-Sinjura ma titkellimx, imma l-preżenza tagħha ġa hija preżenza li lil Bernadette timliha l-ewwel bil-biża’, imbagħad b’ferħ kbir. Hija preżenza li tistieden lil Bernadette għat-talb, u tibda titlob ir-Rużarju malli s-Sinjura tibda żżebbeġ fuq il-kuruna mingħajr ma tlissen kelma. Bernadette Soubirous tgħallimna l-qawwa tat-talba tar-rużarju.

    Għeżież morda, ħbieb tagħna, aħna nitolbukom titolbu għall-Pajjiż tagħna, u titolbu għal kull min hu fil-professjoni medika, fil-professjoni tan-nursing u għal dawk kollha li jieħdu ħsieb  min hu marid. Nitolbu bl-interċessjoni ta’ Marija, biex il-Pajjiż tagħna jibqa’ jkollu kura ġeneruża lil marid filwaqt li nirringrazzjawhom tal-isforzi kollha li jsiru f’kull mument. Sidtna Marija ta’ Lourdes, itlob għalina.
     
    ✝ Charles Jude Scicluna
        Isqof titulari ta’ San Leone
        Amministratur Appostoliku ta’ Malta 

  • Ritratti: Photocity, Valletta.
    www.photocitymalta.com