• Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Frar 2015, Ras ir-Randan, sar pellegrinaġġ penitenzjali mill-knisja ta’ San Girgor għall-knisja parrokkjali taż-Żejtun. Dan il-pellegrinaġġ, li kien ikkaraterizzat minn mumenti ta’ xita, tmexxa mill-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku. Fuq stedina tal-Isqof, ħa sehem ukoll is-saċerdot tal-Kopti Ortodossi tal-Eġittu, Abouna Boulos Elsouriany. Din l-istedina twasslet b’turija ta’ solidarjetà mal-Kopti Insara Eġizzjani, wara l-qtil makabru fil-Libja ta’ 21 persuna tal-istess Knisja. Il-pellegrinaġġ intemm b’Quddiesa fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun, li matulha sar ir-rit tat-tqegħid tal-irmied.

    • L-Omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna nhar L-Erbgħa tal-Irmied

       Knisja ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun
      18 ta’ Frar 2015

      Fis-silta li smajna, mill-Evanġelu ta’ San Mark (Mt 6,1-6.16-18), il-Mulej Ġesù jitkellem dwar tlett atteġjamenti: is-sawm, il-karità u t-talb. Jekk nirriflettu ftit fuq dawn it-tlett atteġġjamenti, li b’xi mod huma l-qafas tal-mixja tagħna lejn l-Għid, liema mixja nsejħulha r-Randan, nirrealizzaw li meta nitkellmu fuq is-sawm qed nitkellmu fuq mixja li rrid nagħmel fuqi nnifsi billi nitgħallem niċċaħħad u nitgħallem ir-rażan.

      Is-sawm mhuwiex sempliċement prattika biex inkisser lili nnifsi, imma huwa espressjoni tad-dixxiplina fuq istint qawwi, dak li jiena nibqa’ ngħix. U għalhekk hemm bżonn in-nutriment biex nitgħallem nagħmel kollox bil-qies.

      Il-karità ġġagħalni nħares lejn ħuti l-bnedmin, nagħraf il-bżonnijiet tagħhom u nibki ma’ min jikbi, imma nifraħ ukoll ma’ min jifraħ. Il-karità tiftah il-qalb tiegħi għal ħaddieħor, mentri t-talb iġagħlni naħseb kif jiena nħares lejn il-Mulej u nirrifletti jekk inhix tassew nobdi r-rieda tiegħu. It-talb huwa li tidħol fi djalogu mal-Mulej. Il-Mulej mhux biss tittrattah bħala xi ħadd li jrid jagħtik xi ħaġa meta jinqala’ xi bżonn, imma nitgħallmu l-mentalità ta’ Ġesù li lill-Missier qallu: “mhux li rrid jien imma li trid int” (Mk 14,36).

      Illum, f’din l-okkażjoni, fil-bidu ta’ dan ir-Randan imqaddes tal-2015, nixtieq nistedinkom, mhux lilkom biss, aħwa Nsara ta’ din il-parroċċa għażiża ta’ Santa Katarina verġni u martri fiż-Żejtun, imma lill-Insara Maltin kollha biex, f’dan ir-Randan ngħixu żewġ valuri oħra. L-ewwel huwa l-valur tax-xhieda, it-tieni, il-valur tal-kompassjoni. Ħa nispejga ruħi.

      Aħna u nibku l-mewt ta’ wieħed u għoxrin Nisrani fuq ix-xatt tal-Mediterran, li nqatlu sempliċement għax huma Nsara, irridu nirriflettu fuq il-persekuzzjoni tal-Insara, li mhijix xi ħaġa tal-antik imma sseħħ ukoll illum, u fl-istess ħin, quddiem il-martirju ta’ dawn ħutna li nqatlu b’mibegħda għal dak li hu Nisrani, huma għalina martri bħalma hi Santa Katarina. Dawn ma kellhomx għażla. Aħna nqimu l-martri tas-sekli mbegħda; illum qegħdin hawn flimkien ma’ ħuna Fr Paul [saċerdot tal-Kopti Ortodossi tal-Eġittu] biex infakkru l-martri ta’ żmienna, jiġifieri dawk l-Insara li jħallu ħajjithom għal ġustizzja, għal-verità u għal-liberta reliġjuża. U aħna m’aħniex qed ngħidu stejjer tal-antik, iżda stejjer ta’ tlett ijiem ilu. Waqt li niftakru f’ħutna, ma niftakrux fihom biex nimtlew bil-mibegħda.

      Jiena nirringrazzjak, Abouna Boulos, Fr Paul, talli fit-talba tiegħek fakkartna f’San Stiefnu, l-ewwel martri li ħalla ħajtu minħabba l-mibegħda ta’ min qatlu, imma qabel miet lissen l-istess kelma li qal Ġesù fuq is-salib: “aħfrilhom”, tgħoddulhomx dan id-dnub kontrihom, “għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Nirringrazzjak ħafna Abouna Boulus talli lqajt l-istedina tiegħi li tkun magħna l-lejla, mal-poplu taż-Żejtun, imma propju magħna l-Kattoliċi, għaliex ħutek mietu għax kienu Nsara bħalna. Il-martri tagħna jagħqduna. Fil-martri tal-knejjes tagħna sseħħ l-għaqda li għalissa aħna għadna ma nistgħux nesprimu fl-Ewkaristija, imma fid-don tal-martirju aħna diġà maqgħudin.

      Aħna wkoll ltqajna biex nitolbu li Malta tibqa’ mħarsa, u biex aħna ma nibżgħux quddiem it-terroriżmu. Ejjew ma nħallux it-terroriżmu jirbaħ billi qalbna tiġi avvelenata mill-mibegħda jew mill-biżà. Ejjew nitolbu għal min għandu r-responsabbiltà tal-ħarsien ta’ pajjiżna biex ikollu d-dawl, il-qawwa u l-għerf.

      Ix-xhieda, li hija l-istess kelma bħal martri, tibda mill-qalb, mhix kwistjoni ta’ kif tmut biss, imma ta’ kif tgħix. Fuq il-post tax-xogħol, fuq il-postijiet tad-divertiment, fil-kultura, fl-edukazzjoni, aħna l-Insara msejħin nagħtu xhieda ta’ Kristu mingħajr ħabi, mingħajr arroganza, mingħajr sens ta’ superjorità, imma b’sens ta’ missjoni u b’sens ta’ servizz.

      It-tieni valur: il-kompassjoni. Aħna ltqajna hawnhekk biex niċċelebraw l-Ewkaristija fil-bidu tar-Randan. L-irmied ifakkarna li aħna bnedmin dgħajfa, u li lkoll kemm aħna, hemm xi ħaġa fundamentali li tgħaqqadana: il-fatt li aħna bnedmin, aħna min aħna, aħna ta’ liema Knisja aħna, aħna ta’ liema reliġjon aħna, għaliex l-ewwel aħna bnedmin, ulied l-istess Alla, l-Ħallieq. L-irmied ifakkarna li aħna ġejna mit-trab u trab se nsiru. Ifakkarna li f’dan id-destin tal-mewt, aħna lkoll l-istess, tkun min tkun, taħseb x’taħseb, u inti ta’ liema fidi int. Imma l-kompassjoni tfisser ukoll il-kapaċità li f’dan ir-Randan aħna nibku ma’ min jibki. Abouna Boulus, il-biki tal-ommijiet ta’ dawk iż-żgħażagħ, tal-aħwa ta’ dawk iż-żgħażagħ, tal-missirijiet, tal-familjari, tal-Eġittu sħiħ, il-biki ta’ min jibki l-21 Nisrani u l-vittmi kollha tal-inġustizzja fid-dinja, huma min huma, huma ta’ liema reliġjon huma, il-bikja tagħkom hija wkoll il-bikja tagħna. Ejjew ma ngħalqu qalbna għal ħadd għax jekk tgħallimna xi ħaġa l-passjoni ta’ Ġesù, tgħallimna niftħu qalbna għal kulħadd!

      Jalla s-sagrifiċċju ta’ dawn ħutna, il-mewt ħarxa tagħhom, tkun żerriegħa ta’ paċi fil-Mediterran. Il-Mediterran iċċappas bid-demm tagħhom, sar aħmar il-baħar kaħlani bid-demm ta’ ħutna l-Insara, tħallat ma’ tant emigranti li biex jaqsmu lejn ix-xefaq tat-tramuntana tal-Mediterran, iħallu ħajjithom. Ejjew inbiddlu l-Mediterran f’baħar ta’ paċi u ta’ ħajja u nevitaw bis-solidarjetà tagħna li jkun qabar għal nies innoċenti.

       
       Charles Jude Scicluna
          Isqof titulari ta’ San Leone
          Amministratur Appostoliku ta’ Malta 

  • Ritratti: Photocity, Valletta.
    www.photocitymalta.com