• Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu 2015, l-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna mexxa Pellegrinaġġ Penitenzjali fir-raħal taż-Żurrieq li ntemmet b’quddiesa fil-Knisja Parrokkjali.

    L-Omelija tal-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna fil-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq

  • Knisja Parrokkjali, Iż-Żurrieq

    6 ta’ Marzu 2015

     

    Fil-ġimgħat ta’matul ir-Randan, kull nhar ta’ Ġimgħa, il-qari jfakkarna u jippreparana f’dak li se niċċelebraw fil-Ġimgħa il-Kbira.

    Illum qrajna dwar il-mument meta Ġesù jgħid parabbola lill-qassisin il-kbar u l-kapijiet, u bil-pulit imma b’mod ċar għax fehmuh, jurihom x’kien se jiġri. Hu li hu l-Iben, il-werriet, kien se jiġi kkundannat minnhom biex jitneħħa mid-dielja u jinqatel. Ir-reazzjoni tal-kapijiet ma kinitx sabiħa u bdew jaraw lil Ġesù, li l-poplu kien iqimu bħala profeta, bħala bniedem li kapaċi jwassal il-kelma ta’ Alla. Il-kapijiet bdew jarawh iżjed bħala xkiel, bħala preżenza xejn komda. Ir-reazzjoni tagħhom tfakkarna f’sentenza li jgħid il-qassis il-kbir: “jaqbel li wieħed imut biex isalva l-poplu biex il-poplu ma jinqeridtx”. Il-Vanġelu ta’ San Ġwann jgħidilna: “dan ma qalux minn żniedu imma kien imnebbah għax kien il-qassis il-Kbir”. Għax fil-fatt Ġesù ha jagħti ħajtu biex il-poplu kollu jsalva. (ara Ġw 11, 50-52).

    Din il-ħaġa tfakkarna fl-istorja ta’ qsim il-qalb li smajna fl-Ewwel Qari (Ġen 37,3-4.12-13.17-28). Ġużeppi li huwa ż-żgħir, missieru jibagħtu biex jiltaqa’ ma’ ħutu, u ħutu jgħiru għalih għax missieru għamillu libsa twila. Jiftehmu li joqtluh imma ħuh Ruben jgħidilhom: “ħa npoġġuh ġo bir, ma noqtluhx”. Imbagħad jgħaddu l-Midjanin u Ġuda jissuġġerixxi li dan ħuhom ibiegħuh. U hekk jagħmlu. Dawn l-ulied ta’ Ġakobb jew Israel, isem differenti għall-istess persuna, dawn ulied l-istess missier ibiegħu lil ħuhom bħala skjav. U nafu l-prezz – 20 biċċa tal-fidda. Imma x’inhi l-providenza li juża’ Alla? Ġużeppi jinbiegħ minn ħutu fl-Eġittu bħala lsir, minħabba d-don li tah Alla li jinterpreta l-ħolm, isir ħabib ħafna tad-dar tal-Fargħun u tal-Fargħun stess, u meta jikber isalva lill-ħutu stess mill-ġuħ, mhux lil ħutu biss imma l-Eġittu kollu. Mela jintbagħat għax tradut u mibjugħ minn ħutu, imma Alla jinqeda bit-tradiment, bil-kefrija u minnha joħroġ il-ġid.

    Aħna rridu nifhmu li, għalkemm il-mewt ta’ Ġesù hija frott il-kefrija u l-għira, minnha ħarġet is-salvazzjoni. Xi jfisser dan kollu għall-ħajja tagħna? Jista’ jkun li qalbna, fost il-feriti li fiha, iġġorr ukoll xi ferita minħabba l-għira u l-malizja ta’ xi ħadd.  Illum il-Mulej jistedinna biex inpoġġu quddiemu dawn il-weġgħat: il-qalb maqsuma għax traduta, għax mibjugħa, u ngħidulu: “Mulej, jiena bħalissa ma nifhimx x’ġid jista’ joħroġ minn din it-tbatija, imma agħtini l-ispirtu ta’ maħfra li kellu l-Mulej Ġesù, li kellu il-profeta Ġużeppi, bin Ġakobb, biex jiena naħfer u mid-deni joħroġ il-ġid”.

    Imma ħuti, biex mid-deni joħroġ il-ġid, hemm għatba li rridu nirfsuha bilfors. Ġużeppi sar għajn ta’ ġid għax ħafer lil ħutu; Ġesu sar għajn ta’ salvazzjoni meta fuq is-salib lill-Missieru jgħidlu: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Din il-għatba li, meta nirfsuha, dak li kien deni nistgħu nbiddluh fil-ġid. Jalla l-Mulej f’dan ir-Randna jagħtina din il-grazzja li nirfsu l-għatba tal-maħfra biex kull min għamlilna d-deni fil-qalb tagħna, il-velenu tal-malizzja ta’ ħaddieħor jitbiddel, minħabba l-ħniena t’Alla, f’balzmu għal ruħna u għal proxxmu tagħna. Il-Mulej, lilna li sallabnih, ħafrilna u salvana. Ġużeppi lill-ħutu li biegħuh ħafrilhom u salvahom mill-mewt bil-ġuħ. Xi grazzja kbira li inti tkun ta’ ġid għal min għamillek id-deni!

     Charles Jude Scicluna

        Isqof titulari ta’ San Leone

        Arċisqof-elett ta’ Malta 

  • Ritratti: Photocity, Valletta u Rene Zampa