• Nhar l-21 ta’ Marzu 2015, sar l-Ingress Solenni ta’ Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna li sar mill-Knisja ta’ San Duminku sal-Katidral tal-Imdina.

    Ir-Rotta minn Ħal Lija sal-Katidral

    L-Arċisqof Scicluna telaq mid-dar privatament sakemm wasal sal-Knisja Parrokjali ta’ Ħal-Lija fit-8:15am fejn intlaqa’ min-nies tal-lokal u daħal fil-knisja għal mument ta’ talb quddiem Ġesù Sagramentat. Wara sellem lis-Sindku u l-Kunsill ta’ Ħal Lija u telaq bil-karozza, skortat mill-pulizija, lejn ir-Rabat.

  • L-Arċisqof-elett intlaqa’ mill-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. u l-patrijiet Dumnikani f’merħba kbira, u wara niżlu jitolbu flimkien fil-kappella tal-Madonna tal-Għar, fejn tkantat ukoll is-Salve Regina mill-kor.

  • Fil-Pjazza ta’ San Duminku l-Arċisqof intlaqa’ mill-ferħ u kant mill-gruppi Mixja Neo Katekumenali, u fi Pjazza San Bastjan mill-Moviment Karizmatiku, tal-Fokolarini, waqt li vjaġġa fuq Jeep Wrangler miftuħa, fost il-ferħ u l-mota ferrieħa tal-qniepen fil-viċin.

  • Wara l-Arċisqof Scicluna erħiela lejn il-Knisja ta’ San Pawl fejn intlaqa’ mill-baned L’Isle Adam u Konti Ruġġieru. L-Arċisqof-elett niżel fil-Grotta ta’ San Pawl mal-Kaptilu ta’ San Pawl, fejn ingħad il-Kredu tal-Appostli u t-talba ta’ San Pawl. 

  • ​Kif ħareġ l-Arċisqof sellem lis-Sindku u l-Kunsill Lokali tar-Rabat. Matul ir-rotta lejn il-Knisja ta’ Ġieżu l-Arċisqof intlaqa’ minn ħafna nies li ħarġu minn djarhom u sellmu lill-Arċisqof il-ġdid. 

  • Qrib l-10:00am, l-Arċisqof-elett daħal Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fejn intlaqa’ mill-Patri Gwardjan u r-Rettur tal-Arċikonfraternità. Fl-oratorju ingħadet talba għas-Sinodu tal-Familja u talba lil San Ġużepp.

  • L-Arċisqof ħareġ mill-Knisja mas-Superjuri Ġenerali u Provinċjali nisa, u mal-Provinċjali rġiel bl-abitu tagħhom.

  • U kompla jiltaqa’ man-nies.

  • L-Arċisqof-elett vjaġġa lejn il-Knisja ta’ San Mark fejn intlaqa’ mill-Pirjol tal-Komunità Agostinjana u mill-Kappillani ta’ Malta, fejn sar talb fis-skiet quddiem Ġesù sagramentat. 

  • Wara, tkanta l-Veni Creator u ħareġ mill-Knisja mal-kappillani bl-abitu korali u komplew bil-mixi lejn l-Imdina.

  • Fil-10:40am l-Arċisqof-elett wasal fil-bieb tal-Imdina fejn ġie milqugħ mis-Sindku u l-Kunsill Lokali tal-Imdina waqt li kien akkumpanjat mill-Kapitlu Metropolitan lejn il-Katidral.

  • Permezz ta’ ġest li jirrifletti l-missjoni ekumenika tal-Knisja f’Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna, quddiem il-Kappella ta’ Sant’Agata fl-Imdina, laqa’ numru ta’ mexxejja reliġjużi Nsara minn Knejjes u Tradizzjonijiet Insara oħra li hawn ġewwa Malta. Biex jagħti xhieda tar-relazzjonijiet li l-Knisja Kattolika f’Malta għandha ma’ reliġjonijiet oħra li hawn f’dawn il-gżejjer, l-Arċisqof il-ġdid imbagħad sellem lill-mexxej tal-Komunità Iżlamika f’Malta, l-Imam Mohammed Elsadi, fil-Katidral ta’ San Pawl. 

  • Wara l-Arċisqof-elett kompla jiltaqa’ ma iktar nies li telgħu l-Imdina jawgurawlu.

  • Kif l-Arċisqof elett Monsinjur Charles J. Scicluna daħal fil-bieb tal-Katidral indaqqet fanfarra u l-Arċidjaknu tal-Kapitlu Metropolitan offrielu s-salib biex ibusu. Imbagħad tah l-ilma mbierek biex jitbierek hu u jbierek lil dawk preżenti.

  • Wara l-Arċisqof-elett akkumpanjat mill-membri tal-Kapitlu Metropolitan marru proċessjonalment fis-sagristija waqt li kompla jsellem lil dawk preżenti fosthom persuni b’diżabilita’.

  • Il-Quddiesa Solenni

    Fil-bidu tal-Quddiesa nqara r-rit tal-Ħatra ta’ Mons. Scicluna bħala Arċisqof ta’ Malta. Il-Bolla tal-Papa Franġisku intweriet lill-membri tal-Kulleġġ tal-Konsulturi u lill-ġemgħa, imbagħad inqrat l-ewwel bil-Latin u wara nqrat it-traduzzjoni bil-Malti. Permezz ta’ din il-Bolla, Monsinjur Charles J. Scicluna irċieva l-mandat ta’ Arċisqof ta’ Malta, (Agħfas hawn sabiex taqra l-Bolla tal-Papa).

  • Wara, Monsinjur Paul Cremona, OP, Arċisqof Emeritu ta’ Malta, resaq fuq l-Arċisqof Scicluna u għamel talba speċjali għalih f’isem il-Knisja. 

  • Imbgħad, in-Nunzju Appostoliku Mons. Aldo Cavalli wassal lill-Monsinjur Arċisqof fuq is-sedja u tah il-baklu. 

  • Il-W. Rev. Gordon Refalo, President tal-Kulleġġ tal-Kappillani, għamel diskors ta’ merħba lill-Arċisqof.  (Agħfas hawn sabiex taqra d-diskors ta’ Dun Gordon Refalo)

  • Wara, l-Arċisqof laqa’ t-tislima ta’ rappreżentanza tal-kleru u l-poplu li saret Rappreżentanti tar-reliġjużi nisa, mill-Ġenerali tas-Sorijiet tal-Ursolini u l-Madre Provinċjali tasSorijiet Agostinjani, tliet residenti tad-Dar tal-Providenza, u mill-familja tal-Ispettur Geoffrey Azzopardi li dan l-aħħar għaddew minn esperjenza iebsa. Imbagħad l-Arċisqof niżel isellem lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u lill-ġenituri tiegħu.

  • L-Ewwel Qari nqara mis-Sinjorina Sylvia Riolo, Segretarja ta’ Monsinjur Arċisqof u t-Tieni Qari nqara mis-Sur Natalino Camilleri, is-Superjur Ġenerali tal-M.U.S.E.U.M. L-Offerti ttellgħu minn Bernardette u Alexander Scicluna, in-neputijiet żgħar tal-Arċisqof; mis-Sur Jesmond Scicluna, u s-Sinjura Josette Grixti u s-Sinjura Monica Lanzon, ħutu u mis-Sinjur Emmanuel Scicluna u s-Sinjura Carmela Scicluna, il-ġenituri tiegħu. It-talbiet tal-Fidili nqraw mis-Sur Stephen Grixti, is-Sinjorina Francesca Lanzon, is-Sinjorina Christine Grixti, is-Sinjur Maurizio Lanzon, in-neputijiet tal-Arċisqof; Dr Ruth Farrugia, id-Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà u mis-Sur Lino Sultana li huwa responsabbli mill-Mixja Neokatekumenali. 

  • Wara l-qari tal-Evanġelju, l-Arċisqof għamel l-Omelija fl-okkażjoni tal-Ingress Solenni, (Agħfas Hawn sabiex taqraha). L-Arċisqof ikkonċelebra l-Quddiesa flimkien mal-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech OSA, Mons. Arċisqof Aldo Cavalli, in-Nunzju Appostoliku, Mons. Arċisqof Pawlu Cremona O.P., Isqof Emeritu ta’ Malta, Mons. Isqof Mario Grech, L-Isqof t’ Għawdex, Mons. Arċisqof Paul Gallagher, Segretarju għar-Relazzjoni mal-Istati, fis-Segreterija tal-Istat tas-Santa Sede u Mons. Arċisqof Filippo Iannone, O.Carm. mid-Djoċesi ta’ Ruma.

  • Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof il-ġdid irringrazzja lil kull min ta s-sehem tiegħu biex ġie organizzat l-Ingress Solenni, filwaqt li offra rigal lin-Nunzju Appostoliku Mons. Aldo Cavalli, fi tmiem il-ħidma tiegħu f’Malta. 

  • Wara offra bukketti tal-fjuri lil ommu, s-Sinjura Carmela Scicluna, lill-President ta’ Malta u lill-mart il-Prim Ministru. 

  • Wara Mons. Arċisqof ħareġ fil-bieb tal-Katidral, sellem lil dawk preżenti fuq barra, u ta l-ewwel kummenti tiegħu lill-media, b’messaġġ ta’ ringrazzjament lit-telespettaturi u s-semmiegħa fi djarhom, li segwew it-trasmissjoni tal-Ingress Solenni fuq l-istazzjonijiet ewlenin tar-radju u t-televiżjoni. 

  • Ritratti: Photocity, Malta.

    www.photocitymalta.com