• L-Erbgħa 27 ta’ Mejju 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ġie mistieden imexxi Quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu waqt l-ewwel żjara uffiċjali fid-Djoċesi ta’ Għawdex fejn flimkien mal-Isqof ta’ Għawdex, ikkonċelebraw il-kappillani u l-kleru Għawdxi.  Qabel il-Quddiesa, fil-5.15pm, l-Arċisqof Scicluna mexxa r-rit tat-tberik tat-tliet mużajċi ġodda ta’ Marco Ivan Rupnik SJ li dan l-aħħar twaħħlu mal-faċċata tas-Santwarju.  F’kelmtejn ta’ merħba, l-Isqof ta’ Għawdex irringrazzjah tal-preżenza tiegħu u wiegħdu t-talb tal-Knisja f’Għawdex fil-bidu tal-ministeru episkopali tiegħu, waqt li rrikkmandah fl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu, li l-Arċisqof Scicluna għandu tant għal qalbu.  

    “F’att solenni tagħha l-Konferenza Episkopali Maltija tħabbar li s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex u dak tal-Madonna tal-Mellieħa f’Malta huma ż-żewġ Santwarji Nazzjonali ta’ pajjiżna”.  Dan ħabbru l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, President tal-Konferenza Episkopali Maltija, waqt din iż-Żjara tal-Arċisqof. Għalkemm dawn iż-żewġ siti Marjani ilhom meqjusa bħala santwarji nazzjonali, sa issa ma kien hemm l-ebda digriet uffiċjali tal-Konferenza li jikkonferma dan.

    F’ġest tassew simboliku u mhux previst mill-programm imħabbar, l-Isqof Grech talab lill-Arċisqof Scicluna jbierek hu floku l-mużajċi l-ġodda, biex dan ukoll jibqa’ sinjal tal-komunjoni taż-żewġ Djoċesijiet f’riġlejn Marija.  Qabel it-tberik, Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju, ta spjega ħafifa tas-simboliżmu teoloġiku ta’ dawn l-opri ġodda ta’ arti sagra.

    Fi tmiem il-Quddiesa, l-Isqof Grech, f’isem il-Knisja f’Għawdex, ippreżenta lill-Arċisqof Scicluna kwadru tal-fidda tal-Madonna Ta’ Pinu, u mbagħad wara l-innu tal-aħħar huma daħlu fil-Kappella fejn quddiem ix-xbieha tal-Verġni Mbierka talbu t-tliet Avemarijiet irrikkmandati minnha lil Karmni Grima.

    Il-liturġija solenni kienet animata mill-Kor Stella Maris taħt id-direzzjoni ta’ Carmel P. Grech, u ġiet imxandra fuq Radju Marija.  Fl-istess okkażjoni l-Knisja f’Għawdex kienet qed tfakkar il-ħamsa u għoxrin anniversarju miż-żjara tal-Q.T. il-Papa San Ġwanni Pawlu II waqt il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu lill-gżejjer Maltin f’Mejju 1990.

    The Archbishop’s Homily

  • Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
    27 ta’ Mejju 2015
     

    Insellem lilkom, għeżież ħuti Għawdxin, u lil kull min qiegħed isegwi din l-Ewkaristija permezz ta’ Radju Marija. Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-Isqof Mario, tal-kliem ta’ merħba quddiem dan is-Santwarju għażiż, dan is-Santwarju nazzjonali Marjan.

    Aħna qegħdin hawn, f’dar li trid tkun għalina bieb tas-sema. Minn hawnhekk aħna nħossuna ħafna qrib is-sejħa ta’ Marija, “ejja”, li b’xi mod trid tfisser ukoll l-istedina li nersqu lejha hi u tħaddan lil Ġesù, bħalma hemm fil-mużajk sabih fuq il-bieb ta’ dan it-tempju li aħna l-Isqfijiet berikna qabel din iċ-ċelebrazzjoni.
    Kif spjegalna r-Rettur, Fr Gerald, Marija qed tippreżentalna lil Binha. Jiena nixtieq nagħmel riflessjoni qasira fuq l-istola li qed jilbes il-Mulej Ġesù, tfajjel ċkejken fi ħdan ommu. Hija l-istola ta’ saċerdot, l-istola tal-Iben li se joffri ħajtu għall-merħla. Huwa saċerdot u vittmà. F’dik l-istola hemm aħna, għax Hu qiegħed iġorrna fuq spallejh, u hemm ukoll l-imħabba tiegħu li biha qed joffri lilu nnifsu għalina. L-Iben ta’ Marija, kif qal hu stess, ġie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu għall-kotra. Mela aħna u nidħlu mill-bieb tas-Santwarju u qabel nilmħu l-mużajk ta’ Sidtna Marija tippreżentalna lil Binha Ġesù liebes l-istola tad-deheb, niftakru wkoll li dan huwa bieb tal-ħniena, għaliex l-istola tad-deheb li qed jilbes il-Mulej Ġesù hija wkoll l-għotja tiegħu li kisbitilna l-faraġ, il-ħniena u l-maħfra. 

    Nitolbu grazzja mingħand il-Madonna ta’ Pinu, li taqlalna d-don tal-għaqal

    Fil-Vanġelu li għadu kemm qara l-Vigarju Ġenerali l-ġdid, li nieħu l-opportunità nsellimlu, aħna smajna dwar ħames xebbiet boloh u ħames xebbiet għaqlin (Mt 25,1-13). Illum irridu nitolbu grazzja mingħand il-Madonna ta’ Pinu, li taqlalna d-don tal-għaqal, li aħna nkunu ma’ dawk li, meta jiġi l-għarus, isibna nilqgħuh bl-imsiebaħ mixgħula f’idejna. Din hija tixbiha sabiha tal-għaqal li qed jirrikmanda l-Mulej fil-parabbola tiegħu. L-għaqal hu li inti tistennieh anke jekk jittardja ma jiġi, u li l-musbieħ li jkollok f’idejk, tagħmel mezz li jkollu zejt biżżejjed, allura trid taħsiblu ħalli jibqa’ jixgħel, biex meta jiġi u jħabbat, niftħulu u nidħlu miegħu fis-saltna tas-sema.

    L-għaqal huwa li b’umiltà kbira tisma’ l-Kelma ta’  Alla, imma mbagħad twettaqha

    Imma l-għaqal x’inhu? L-għaqal, li hu wieħed mid-doni tal Ispirtu s-Santu, huwa dak li inti tevita; mhux biss il-bluha, imma tħares lejn l-għerf li ġej mill-Kelma ta’ Alla. Mela l-ewwel pass fil-proċess tal-għaqal huwa li b’umiltà kbira tisma’ l-Kelma ta’  Alla, imma mbagħad tagħmilha, twettaqha. Ħafna drabi aħna nisimgħuha l-Kelma, ħafna darbi l-Mulej imiss il-qalb tagħna, imma minħabba raġuni jew oħra ma tagħmilx għeruq fil-qalb tagħna, jew inkella ma tagħmilx frott għax ix-xewk u l-għollieq tal-ħajja jkunu neħħewlha l-enerġija kollha, joħonquha.

    L-għaqal iġiegħlek tevita l-bluha

    Ejjew nitolbu lill-Madonna, li hija wkoll ezempju tas-smigħ u ta’ għemil, hija l-ewwel dixxiplu tal-Mulej, li tagħtina l-għaqal li nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù u nagħmluha mingħajr biża’, b’kuraġġ kbir u b’umiltà. L-għaqal iġiegħlek tevita l-bluha, il-bluha li tafda fil-qawwa ta’ din id-dinja, fil-flus ta’ din id-dinja; l-għaqal iġiegħlek tifhem li dak kollu li jgħaddi, m’għandekx għalfejn therri qalbek għalih, tuzah kemm hemm bżonn, imma ma torbotx qalbek miegħu. 

    L-għaqal veru jgħallmek tgħożż l-imħabba vera

    L-għaqal veru jgħallmek torbot qalbek ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. L-għaqal veru jgħallmek tgħożż l-imħabba vera, l-imħabba li mhiex passjoni tal-ġisem imma hija l-għotja ġeneruża tal-qalb. “Dan hu l-kmandament tiegħi” jgħid il-Mulej, “li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15,12). Dak hu l-għaqal: li inti tħobb kif għallimna nħobbu l-Mulej meta tela’ fuq l-għuda tas-salib, offra lilu nnifsu għalina, ħafer minn fuq l-għuda tas-salib, ħa ħsieb lil ommu u lilna afdana lil ommu wkoll. U lill-ħalliel it-tajjeb wegħdu l-ġenna: “Illum tkun il-ġenna miegħi” (Lq 23, 45).  

    L-għaqal veru jipperswadik li inti midjun mal-ħniena ta’ Alla

    L-għaqal huwa li aħna ma naqtgħu qalbna qatt, f’kull ċirkostanza, mill-ħniena ta’ Alla, għax l-għaqal mhuwiex dak li jġgħalek taħseb li inti qaddis; l-għaqal veru jipperswadik li inti midjun mal-ħniena ta’ Alla, imma jqawwik ukoll fit-tama li Alla, hi x’inhi l-istorja ta’ ħajtek, hi x’inhi d-dgħufija tagħna, Hu se jaħfrilna. Ġesù għandu għatx kbir għalina u għall-qalb tagħna, ħerqa kbira li jħaddanna ma’ qalbu. Dan hu l-għaqal ta’ min il-musbieħ tiegħu iħallih dejjem mimli biż-żejt tal-ferħ Nisrani u għaliex le, bil-fwieħa ta’ ħajja safja.
    Ejjew nitolbu lill-Madonna ta’ Pinu biex hi tkompli twasslilna l-istedina tagħha: “ejja, ejja!” Aħna u nisimgħuha, aħna u nfittxuha, il-ħarsa tagħna tiltaqa’ mal-ħarsa ħanina tagħha u naraw lil Ġesù, għax fejn hemm ommu hemm ukoll Binha, il-Mulej, ir-Raghaj it-Tajjeb, u l-Ħaruf bla tebgħa li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

    ✝ Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: John Cordina