• ****

    Direttur: George Tillman Jr.
    Atturi: Scott Eastwood, Britt Robertson, Lolita Davidovich, Melissa Benoist
    Ħin: 139 minuti
    Klassifika taċ-Ċensura: 12
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Sophia, tfajla li waslet biex tiggradwa fl-istorja ta’ l-arti minn Wake Forest University fin-North Carolina, tiltaqa’ ma’ Luke waqt rodeo, u mall-ewwel it-tnejn jinġibdu lejn xulxin, minkejja li Luke huwa ‘bull rider’ professjonali li qed jerġa’ jikseb lura l-ħila tiegħu wara li weġġa’ serjament waqt kompetizzjoni, filwaqt li Sophia hija sofistikatha u kulta. Il-problema hija li fi żmien xahrejn oħra Sophia se titlaq lejn New York fejn se tagħmel sena apprendista f’gallerija ta’ l-arti iżda Luke jrid jibqa’ fejn hu minħabba l-karriera tiegħu. Wara l-ewwel laqgħa tagħhom, waqt li Luke ikun qed iwassal lil Sophia lura d-dar fil-pickup truck tiegħu, jilmħu aċċident tat-traffiku u jmorru jagħtu l-għajnuna. Huma jsibu raġel anzjan, jismgħu Ira Levinson, armel, ħdejn il-karozza mfarrka tiegħu u jieħduh lejn l-isptar flimkien ma’ kaxxa mimliha ittri qodma li Ira meta kien żgħażugħ kien kiteb lil maħbuba tiegħu Ruth. Fl-isptar Sophia toqgħod taqra dawn l-ittri lil Ira u b’hekk insiru nafu l-istorja ta’ Ruth. Ruth kienet tfajla Lhudija fuq tagħha li sabet refuġju fl-Amerika wara li ħarbet minn Vienna biex teħles minn Nażi u bdiet relazzjoni ta’ mħabba ma’ Ira. Wara jipproponilha, iżda, Ira jintbgħat bħala suldat għal-gwerra fejn ikorri  u ma jkunx jista’ jkollu tfal, xi ħaġa li Ruth xtaqet li jkollha ħafna. Madankollu jiżżewġu u biex ipatti għal dan in-nuqqas Ira jixtri lil Ruth pitturi minn artisti moderni. Waqt li tkun taqra dawn l-ittri Sophia toqgħod taħseb fuq id-diffikultajiet kbar li hemm bejnha u bejn Luke.
     
    Film drammatiku u romantiku bbażat fuq ir-rumanz ta’ Nicholas Spark. Film sentimentali għalkemm interessanti li fih Jack Huston u Oona Chaplin, bħala Ira u Ruth, jaħdmu parti aktar li tiġbdek minn Scott Eastwood u Britt Robertson fil-parti ta’ Luke u Sophia. Il-film fih xi xeni ta’ vjolenza, sesswalita’ u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.