-
-
***
Diretturi: John Francis Daley u Jonathan M. Goldstein
Atturi: Ed Helmes, Christina Applegate, Skyler Gismondo, Steele Stebbins, Chris Hemsworth, Leslie Mann, Chevy Chase u Beverly D’Angelo
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Rusty Griswold , pilota ta’ l-ajru ma’ Econair, kumpanija żgħira, hu miżżewweġ lil Debbie. Għandhom żewġ subien, iż-zgħir Kevin, dejjem iġib ruħhu ta’ buli ma’ ħuh James. Ir-relazzjoni tal-familja Griswold mal-familja Peterson, il-ġirien tagħhom, xejn ma kienet tajba. Il-familja Peterson, waqt ikla, jikkummentaw fuq il-vaganza li l-Griswold kienu jagħmlu kull sena ġewwa Cheboygan f’Michigan. Rusty jiddeċiedi li għal din is-sena jieħu l-familja tiegħu f’Los Angeles fil-Walley Valley, fejn meta kien tifel, kien imur mal-familja tiegħu. Għal din il-vaganza jikri karozza mhux tas-soltu, Prancer, maħduma ġewwa l-Ukrenja, karozza b’ħafna buttuni li tassew kienu jagħmlu minn din il-karozza f’waħda speċjali. Waħda minn dawn il-buttini kienet CB li kellha ttihom l-opportunita’ li jkellmu lil xi sewwieq li wkoll kelllu l-istess faċilita’. Kevin għamel użu minn dan il-gadget billi staqsa lis-sewwieq ta’ trakk enormi, mistoqsija stupida li ħolqot disgwid bejn is-sewwieq u l-familja Griswold. L-avventura li jgħaddu minnha din il-familja hi tassew aventura tal-ġenn. Tgħid jaslu qawwijin u sħaħ sad-destinazzjoni tagħhom. X’jiġri fit-triq? Matul il-film nassistu għal numru ta’ ġrajjiet umoristiċi li bil-kemm jitwemmnu. Wieħed jiddubita jekk wieħed ikollu jgħaddi minn dan it-tip ta’ ġrajjiet, kemm sejjer isalva u jibqa’ ħaj! Fil-każ tal-familja Griswold, b’xi mod jew ieħor jirnexxielhom jagħmlu dak li ma deherx possibbli.
Film Amerikan taħt id-direzzjoni ta’ John Francis Daley u Jonathan M Goldstein, ilaqqgħana mal-familja Griswold waqt vaganza li jagħmlu ġewwa il-Left Coast f’karozza speċjalizzata. Waqt din il-vaganza, il-familja Griswold jiltaqghu ma’ numru ta’ avventuri jew aħjar diżastri li bilkemm jitwemmnu. Għalkemm id-Diretturi tal-film jippruvaw juru l-valuri ta’ familja magħquda waqt din il-vaganza, iżda l-imġieba xejn korretta, ċajt goff u kliem oxxenn u doppju sens kif ukoll xeni ta’ esibizzjonizmu mħeġġeġ, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.