• ***

    Direttur: Joel Edgerton

    Atturi: Jason Bateman, Rebecca Hall, Joel Edgerton, Tim Griffin, Allison Tolman, u Beau Knapp, P. J. Byrne u David Denman

    Ħin tal-Film:    108 min.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

    Koppja miżżewġa, Simon u Robyn Callum jinsabu jgħixu ġewwa villa fejn kien jidher li ma jonqoshom xejn wara li kienu  bidlu darhom minn Chicago għal ġewwa kwartier kwiet ‘il barra minn Los Angeles. Simon kien għadu kemm sab xogħol ġdid . Jum wieħed hekk kif kienu qegħdin jixtru xi affarijiet għad-dar ġdida tagħhom, jiltaqgħu ma’ Gordon “Gordo” Mosely, sieħeb Simon fl-iskola tant żmien ilu. Simon jistqarr li kien insieh għal kollox lil Gordon.  Ma jgħaddiex ħafna żmien li Gordon jibda jagħmel żjarat fid-dar tal-koppja  Callum waqt li Simon ikun ix-xogħol waqt li jibda jibgħat ħafna rigali fosthom ħut għal vaska li kien hemm fid-dar. Għal bidu Gordon wera nteress kbir u deher ħanin lejn il-familja. Iżda Simon xejn ma beda jħossu komdu hekk kif  jibda ffakkru fl-imgħoddi. Waqt li jum wieħed Robyn tkun  idawwar lil Gordon madwar id-dar, turi l-kamra tas-sodda ta’ tarbija, tarbija  li sfortunatament  Robyn kienet korriet. Gordon  minnaha tiegħu jistieden lil Simon u lil Robyn għal ikel. Waqt li Gordon jiskuża ruħu għal ftit minuti għaliex kien imsejjah fuq ix-xogħol, Simon u Robyn  jikxfu li għalkemm Gordon kien qal li ma kellux familja, iżda fil-gwardarobba sabu xi ħwejjeġ tan-nisa. Simon jikkonfronta lil Gordon. X’jigri wara dan il-konfront?  Jidher li l-pjan li kellu Gordon issa beda jwettqu fir-realta’. Robyn meta tkun waħedha fid-dar tibda tisma xi ħsejjes. X’qieghed jiġri?

    Film Amerikan, triler psikoloġiku taħt id-direzzjoni ta’ Joel Edgerton, ilaqqghana ma’  Simon u Robyn Callum, koppja bla tfal hekk kif dawn bdew igħixu ġewwa kwartier kwiet qrib Los Angeles. Hawn jiltaqgħu ma’ Gordon li tant snin qabel kien kompann fl-istess klassi ta’ Simon. Kollox deher sejjer skond il-pjan tal-koppja Callum sakemm Gordon jidħol fil-ħajja tagħhom bi pjan li jpattija lil Simon li tant snin ilu kien għamillu ħajtu nfern. Il-fatt li l-film għandu tema ta’ vendetta bi ħsieb qarrieqi, vjolenza, kliem goff kif ukoll indikazzjoni ta’ abbuż fuq il-mara minnaħa ta’ Gordon,  ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.