-
-
Direttur: Justin Kurzel
Atturi: Michael Fassbender, Marion Cotillard, Jack Reynor
Ħin: 113 minuti
Klassifika tal-Gvern: 15
Klassifika tal-Knisja: 15
Fid-dramm ċelebri ta’ Shakespeare, Macbeth hija l-istorja traġika ta’ ġeneral Skoċċiża li sseħħ madwar 400 sena ilu waqt gwerra ċivili. Macbeth ikun ġeneral qalbieni tal-armata tar-re. Huwa ssirlu profezija li ġurnata waħda għad isir ir-re ta’ l-Iskozja. Mimli ambizzjoni u istigat minn marthu biex jieħu azzjoni biex dan iseħħ, Macbeth joqtol lir-re Duncan u jieħu t-tron hu, iżda mbagħad jinħakem minn sens ta’ ħtija u mill paranoia, u ma jdumx ma jsir mexxej tirann għax ikollu joqtol aktar u aktar nies biex jipproteġi lilu nnifsu mis-suspetti li jiġuh. It-tixrid ta’ demm u l-gwerra ċivili li jsegwu malajr iwasslu lil Macbeth u lil marthu biex isiru arroganti, jaqbadhom il-ġenn, u jwassalhom għall-mewt. Il-film hu fidil għad-dramm ta’ Shakespeare għalkemm l-istorja hija mqassra ħafna, xi xeni mid-dramm tħallew barra filwaqt li oħrajn ġew interpretati b’mod oriġinali.
Dan huwa film spettakulari, b’xeni mill-isbaħ ta’ l-Iskozja, u b’xeni tal-battalji murija b’mod grandjuż. L-atturi prinċipali, Michael Fassbinder u Marion Cotillard, jagħtu interpretazzjoni mill-aqwa, u jagħmlu minn dan il-film ta’ Kurzel wieħed mill-aqwa films li qatt inħadmu dwar Macbeth. Madankollu, id-diskors mhux faċli li tifhmu minħabba l-aċċent li bih il-protagonisti jitkellmu l-kliem oriġinali ta’ Shakespeare. Fih xeni ta’ vjolenza qawwija u dmija. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.