• On Friday 17th June 2016, Archbishop Charles J. Scicluna visited Farsons, at the brewery in Mrieħel, and celebrated Mass with the management and employees.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • L-Imrieħel
    17 ta’ Ġunju 2016
     
    Fl-Evanġelju ta’ San Mattew, Ġesù jagħtina ftit kelmiet li aħna nistgħu nsejħuluhom kliem ta’ għerf, teknikament kliem sapjenzjali u b’xi mod qiegħed jagħtina kliem ta’ għerf tal-qalb, dak li bl-Ingliż nistgħu nsejħulu: ‘the wisdom of the heart’, l-għerf tal-qalb.
    L-ewwel kelma ta’ għerf li jagħtina Ġesù hija li noqgħodu attenti biex il-ħajja tagħna ma ngħixuhiex biss fuq livell orizzontali. Ħa nfiehem xi rrid ngħid. Meta jiena ngħix il-ħajja tiegħi qisni mhu se mmut qatt. Meta tgħid hekk lit-Taljani, ġeneralment idaħħlu jdejhom fil-but u jagħmlu ġest superstizzjuż. Darba l-Italja mort imbierek u qed ngħidilhom biex jitolbu għall-mejtin u ħarġuli par qrun quddiemi! Ħafna drabi l-atteġġjament tagħna għal Alla jkun hekk.
    Ġesù jgħidilna wkoll: “Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll”. Huwa tajjeb li tgawdi ħajtek għax il-ħajja sabiħa ħafna, għaliex għandha perspettiva ħafna ikbar u ħafna wiesa mill-ħajja ta’ din id-dinja. Mela hemm perspettiva li nixxennaq għall-ġenna, dan mhux biex niddisprezza l-ħajja t’issa, jew inkella ma naħdimx jew ma nirrispettax il-familja li nkun magħha. Meta nistaqsi lili nnifsi fejn hu t-teżor tiegħi qiegħed ngħid lili nnifsi bl-Ingliż, ‘what is my focus?’ Meta Ġesù jgħidilna: il-qalb tiegħek qegħda fejn hemm it-teżor, xi jrid jgħid?  Fil-ħajja tiegħek il-focus x’inhu?  Hemm stil ta’ ħajja li jġgħalni nkun distratt għax ma jkollix perspettiva wiesa. Ġesù qed jgħidilna li hemm teżor li la jistgħu jidħlu għalih il-ħallelin u lanqas tieklu l-kamla. Jekk aħna nieqfu nirriflettu, l-esperjenzi u l-affarijiet ta’ din id-dinja għandhom mekkaniżmu intern ta’ depreciation, inkluż ġisimna, u anke sfortunatament ir-rapporti umani. Ħafna drabi r-rapporti u r-relazzjonijiet ta’ bejnietna jgħaddu minn kriżijiet li ma jiddependux minna, donnhom kollha għandhom id-depreciation tagħhom. Jekk jiena ma jkollix focus li jmur lil hinn mill-ġid ta’ din id-dinja, anke fir-relazzjonijiet ta’ mħabba li jkollna, nitfixklu. Jekk it-teżor tiegħi jkun fil-ħniena ta’ Alla – li hija imħabba u li tħobbni kif jien u li se taċċettani dejjem jiena ngħix fil-paċi. Jekk ma jkollix dan il-focus, dan it-teżor, jista’ jkun li nitfixklu.
    It-tieni kelma ta’ għerf ta’ Ġesù hija l-kwistjoni ta’ perspettiva. F’termini sempliċi  Ġesù jgħid il-musbieħ tal-ġisem huwa l-għajn.  L-għajn hija wkoll il-perspettiva li għandi  fuq l-eżistenza tiegħi, fuq il-ħajja. Ġesù qed jgħid il-musbieħ tal-ġisem huwa l-għajn. Qed jitkellem fuq għajn safja, mhux kwistjoni li ma jkollokx xi difett fiżiku, imma hija kwistjoni ta’ għajn li tirrifletti fuq kif inħares lejja nnifsi, lejn ir-realtà. Il-Ġiżwita Pierre Teilhard de Chardin, kellu din il-frażi li tolqotni ħafna, “Chastity is a way of looking at things” (The Evolution of Chastity, 1934). Is-safà tal-qalb tfisser ukoll li tkun bniedem onest. 
    Tista’ tkun bniedem li għandek ċerta etika fil-ħajja tiegħek għaliex dan huwa l-mod kif inti tħares lejk innifsek, lejn persuni oħrajn u anke lejn id-dinja. Ġesù jgħid li jekk il-perspettiva tiegħek hija mudlama, kollox isir dlam. Meta Ġesù jsemmi l-għajn, il-musbieħ qiegħed jgħinek li jkollok atteġjament u perspettiva li hija lil hinn minn din id-dinja u b’hekk ukoll ikollok sens (meaning) anke minn din id-dinja stess.   
    Meta inti għandek atteġjament safi jkollok atteġjament ta’ xi ħadd li m’huwiex egoist, għaliex is-safa’ hija meta tirrealizza li l-ħajja hija sabiħa meta tingħata. Din il-ħarsa safja insibuha f’ħafna mill-ġenituri li jafu l-ferħ u n-niket tal-ħajja. Jafu wkoll li inti qiegħed hemm biex tgħix ħajtek u taħseb fil-ġenerazzjonijiet futuri u allura dik l-esperjenza tibdillek il-perspettiva fuq ir-realtà. 
    Jiena napprezza ħafna l-ġenituri li jinkwetaw fuq l-ambjent, per eżempju, għax qed jaħsbu fuq uliedhom u fuq ulied uliedhom. Din il-perspettiva safja tgħin mhux tħares biss lejja nnifsi u tgħid biżżejjed imma li jien għandi għeruq li se jwasslu għal futur. Ma naħsibx biss fija nnifsi imma naħseb fuq l-impatt li se jkollhom id-deċiżjonijiet tiegħi fuq ħaddieħor. Jekk aħna jkollna din il-perspettiva ġeneruża ma jkollniex dlam hemm barra, imma dawl.
     
     Charles J. Scicluna                                                          
         Arċisqof ta’ Malta