• It-Tlieta, 5 ta’ Lulju 2016, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, ġie ppreżentat uffiċjalment il-ktieb tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, ‘Kelma ta’ Ħabib’. Il-ktieb jinkludi l-messaġġi u l-omeliji ta’ Mons. Scicluna, mill-bidu tal-ħatra tiegħu bħala Amministratur Appostoliku fit-18 ta’ Novembru 2014, sal-festa liturġika ta’ Kristu Re fit-22 ta’ Novembru 2015. Il-ktieb jinkludi wkoll numru ta’ QR (Quick Response) codes, fejn bl-użu tal-ismartphone l-qarrej ikun jista’ jiskanja l-barcode, li jieħdu direttament għall-filmat tal-omelija fuq il-Youtube Channel tal-Knisja f’Malta.
    Il-preżentazzjoni tal-ktieb saret mill-Kap tal-Media tal-Kurja, Kevin Papagiorcopulo, fil-preżenza taċ-Chairman tal-APS Bank, il-Prof. Emanuel P. Delia, is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross, iċ-Chairman tal-Media Centre, Fr Stefan Bonanno, Alan Bonello (typesetter), Sr Stephanie Grech O.P., li għamlet it-traskrizzjonijiet tal-omeliji kollha ta’ Mons. Arċisqof, u l-istaff tal-Uffiċċju Komunikazzjoni, Stephen Deguara u Liam Farrugia. 
    Kevin Papagiorcopulo stqarr li kien ta’ privileġġ għalih u għall-kollegi tiegħu li jaħdmu fuq dan il-ktieb, u awgura li l-ġid li l-Arċisqof iwassal permezz tal-kelma tiegħu, jasal għand ħafna nies. Is-Sur Papagiorcopulo rringrazzja lill-Arċisqof għall-istedina li huwa jagħmel lill-poplu ta’ Alla u lil kull bniedem ta’ rieda tajba, biex jiskopri ‘il-ferħ tal-Evanġelju’ u t-tagħlim tal-Knisja permezz tal-messaġġi u l-omeliji tiegħu li issa ġew ppublikati għall-ewwel darba. Huwa rringrazzja wkoll lil kull min ta’ sehem fil-produzzjoni ta’ dan il-ktieb, fosthom lil Fr Joe Borg, Mons. Lawrence Cachia, Fr Michael Bugeja u George Baldacchino.
    Il-Prof. Delia qal li huwa  kburi li l-APS Bank qed jikkontribwixxi u jiffaċilita’ il-proċess biex il-kelma tal-Arċisqof tasal għand il-poplu permezz ta’ dan il-ktieb.
    Il-ktieb ‘Kelma ta’ Ħabib’ jista’ jinxtara mill-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, għall-prezz ta’ 20 Ewro. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju fuq 21241281, jew billi jibgħat email fuq [email protected]. Il-ktieb ġie sponsorjat mill-APS Bank.

     

    Watch the Book Presentation on YouTube

  •  
  • Message by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana
    5 ta’ Lulju 2016
     
    Mr Chairman,
     
    Nirringrazzjak ħafna tal-kontribut tal-APS biex tiffaċilita l-missjoni tiegħi bħala ragħaj u għalliem. San Girgor il-Kbir jgħid li l-Isqof huwa ragħaj daqskemm hu għalliem. Meta Kevin u sħabu staqsewni x’titlu ser nagħżel għal dan il-ktieb, ħadt ftit ħin biex ħsibt, għaliex mhux faċli tagħżel titlu li mbagħad se jibqa’ bħala sensiela. Ħassejt li l-Isqof huwa ragħaj, huwa leader u huwa għalliem, imma fuq kollox huwa il-ħabib tal-poplu tiegħu. Il-ħabib huwa dak li inti tista’ tafdaħ, il-ħabib huwa dak li jaċċettak kif inti, imma l-ħabib huwa wkoll dak li bl-imħabba tiegħu lejk, jgħidlek ukoll dak li għandek bżonn tisma’, anke jekk ma jogħoġbokx mill-ewwel. Jiena nawgura li kull min jaqra il-paġni ta’ dan il-ktieb, li huma l-omeliji u l-mesaġġi li jien għamilt f’dawn it-tlettax-il xahar, jilqagħhom bħala messaġġ ta’ ħabib u fl-istess ħin ukoll, jara fihom id-dawl tal-għerf tal-Knisja u l-ferħ tal-Kelma tar-Ragħaj it-Tajjeb li huwa Ġesù Kristu. Jiena nixtieq nirringrazzja ħafna mhux biss lilek Sur Chairman tal-APS, Prof. Delia, il-Bank li għamilha possibbli li dan il-ktieb jara d-dawl tad-dinja, imma lilek ukoll Sr Stephanie. Forsi ftit jafu li jiena rari nikteb omelija, forsi hemm tnejn jew tlieta f’dan il-ktieb li ktibthom minn qabel. Għalhekk Sr Stephanie tirċievi r-recording u b’paċenzja kbira, u skont il-kwalita’ tar-recording, tagħmel l-ewwel traskrizzjoni li ħafna drabi tant tkun tajba li ma jkollix bżonn xogħol ulterjuri.
    Napprezza ħafna lil kull min iddisinja l-ktieb, għamel il-korrezzjonijiet, u lil Mons. Lawrence Cachia. Dan il-ktieb veru fih il-kelma tal-Isqof imma wkoll huwa esperjenza sabiħa ta’ teamwork. Jiena nawgura li kemm jista’ jkun jasal għand ħafna nies għaliex b’hekk qed inkompli nwettaq il-missjoni tiegħi.
    Nawguralkom li dan l-ewwel ktieb minn sensiela – is-sensiela kemm se tkun twila Alla biss jaf – ikun ukoll bidu sabiħ fejn il-poplu jħoss li l-kelma tar-ragħaj hi tassew ‘Kelma ta’ Ħabib’. Grazzi.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta
  • Photos: Curia Communications Office