***
Direttur: Philippa Lowthorpe
Atturi: Andrew Scott, Rafe Spall, Kelly Macdonald, Jessica Hynes, Harry Enfield, Dane Hughes u Orla Hill
Ħin tal-Film: 97 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG
Fis-sena 1935, it-tfal tal-familja Walker, John, Susan, Tatty u Roger, flimkien m’ommhom, kienu għal vaganza ġewwa l-Lake District fit-tramuntana tal-Ingilterra. L-avventura ddur ma’ ġrajjiet interessanti li jgħaddu minnhom dawn it-tfal. Hekk kif jaslu fuq il-post, jaraw li f’nofs l-għadira kien hemm gżira ċkejkna. B’xorti tajba dawk li krewlhom d-dwejra, kellhom ukoll dgħajsa tal-qlugħ bl-isem ta’ The Swallows. L-għan tagħhom kien li jieħdu taħt idejhom din il-gżira u jtuha l-isem ta’ Walker Island. Iżda mhux sejra tkun faċli għalihom għaliex hekk kif jaslu fuq il-gżira jsibu li ġa kien hemm żewġ tfajliet li kienu ħadu pussess f’idejhom ta’ din il-gżira. X’sejrin jagħmlu l-aħwa Walker biex ix-xewqa tagħhom iseħħ. L-isem ta’ dan il-gang ta’ tfajliet kien: The Amazons. Dawn urew mill-ewwel li ma kienux sejrin iċċedu malajr l-akkwist li kienu għamlu qabel ma ġew il-Walkers u kienu diterminati li ma jitilfux pulżier wieħed biss minn dak li huma kienu jgħidu li kien tagħhom bi dritt. Iżda l-ikbar problema li l-Walkers iltaqgħu magħha kienet li fl-inħawi kien hemm xi aġenti Russi jiġru wara aġent sigriet li kien spija għall-Ingliżi u li kien qiegħed jgħaddi informazzjoni importanti fuq armamenti ġodda li r-Russi kienu qegħdin jiżvillupaw. Dan kien jgħix fuq lanċa u kien jiġi minn dawn it-tfajliet. Kif sejra tiżviluppa il-ġrajja meta mingħajr ma kienu jridu, il-Walkers jidħlu fil-qoxra u basslitha, bejn l-aġenti Russi u l-aġent sigriet Ingliż? Tgħid isir alleanza bejn is-Swallows u l-Amazons meta jintebħu bil-perikli li kien hemm madwarhom?
Film Ingliż taħt id-direzzjoni ta’ Philppa Lawthorpe, kitba ta’ Andrea Gibb, msejjes fuq novella miktuba għat-tfal minn Arthur Ransome. Film ta’ avventura li għandu jagħti pjaċir lil kulħadd. L-istorja turi l-innoċenza tat-tfal ta’ kif kienu jgħaddu l-vaganzi qabel il-gwerra b’logħob sempliċi li kienu jagħti pjaċir lil dawk li kienu joħolqu huma stess.