• ****

    Direttur: D. J. Caruso

    Atturi: Vin Diesel, Donnie Yen, Deepika Padukone, Kris Wu, Ruby Rose, Tony Jaa, Nina Dobrev, Toni Collette u Samuel l. Jackson

    Ħin tal-Film: 91 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12

    Xander Cage jiddeċiedi li joħroġ mill-iżolament li kien daħal fih xi ftit snin ilu, għaliex fuq talba tas-CIA, ħass il-ħtieġa li jinvolvi ruħu f’qagħda serja li nħolqot meta arma li kienet tidher li setgħet tagħmel ħafna ħsara, kienet insterqet b’mod vjolenti. Din l-arma li kienet ġiet mlaqqma Pandoras Box kienet maħsuba li jkollha l-kontroll assolut tas-satelliti kollha militari li kienu jduru madwar id-dinja tagħna. Min kien ikollu f’idejħ din l-arma, kien ikollu l-kapaċita’ li meta jrid, jaqbad waħda minn dawn is-satelliti u b’mod eżatt jimmirah lejn xi post fid-dinja u hemm jikkawża diżastru kastastrofiku. Il-missjoni ta’ Cage kienet li jsib għand min kienet din l-arma. L-istraġija ta’ Cage  kienet li jiġbor madwaru numru ta’ nies b’karatteristiki  komuni li kienu lesti li jidħlu għal din il-missjoni perikoluża u diffiċli għaliex din il-missjoni kellha teħodha kontra konfoffa li kien hemm imdaħħlin fiha uffiċjali għolja ħafna tal-gvern. Cage bin-nies li ġabar madwaru,  li kienu jinkludu Adolphe Wolff, tirratur prim, Tennyson Torch, villan, Becky, hacker u Nicks, konsulent espert u ta’ fiducja, kellhom jiġu wiċċ imbwiċċ ma’ Xiang, gwerrier li ma kien jibża’ minn xejn u hadd ma deher li kien jista’ jwaqqfu b’organizzazzjoni li kienet armata sewwa. Żgur din il–missjoni kienet sejra tkun ta’ prova serja għal Cage u t-tim li ġabar madwaru.  L-avventuri li hu u sħabu kellhom jagħddu minnhom, jħalluk bla nifs u forsi ukoll ftit li xejn jitjemmnu. Tgħid fl-aħħar Cage u sħabu joħorġu rebbieħa fuq dawn il-forzi ta’ ħażen? Wara kollox, min kien il-moħħ wara din l-organizzazzjoni qerrieda?

    Film Amerikan mimli azzjoni u li jħalluk bla nifs,  hu taħt id-direzzjoni ta’ D. J. Caruso u kitba ta’ F. Scott Frazier. Il-film jiġbor fih numru ta’ atturi magħrufin għal kapaċitajiet li għandhom il-ħila li jwettqu fosthom Vin Diesel, Donnie Yen, Deepika Padukone, Kris u Wu. Minħabba vjolenza qawwija kif ukoll qtil u sparar ma jaqta’  xejn, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.