-
-
*****
Direttur: Mel Gibson
Atturi: Andrew Garfield, Sam Worthington, Luke Bracey, Teresa Palmer, Hugo Weaving, Rachel Griffiths u Vince Vaughn
Ħin tal-Film: 139 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Fir-rebbiegħa tas-sena 1945, fl-eqqel tal gwerra ġewwa l-Paċifiku, l-forzi Amerikani kienu qegħdin jiġġieldu f’Okinawa fil-Ġappan, fejn hemm iltaqgħu ma’ ġlied feroċi. Fost il-ħafna suldati eroj li kienu hemm, l-iktar wieħed li spikka kien Desmond T. Doss. Daħal fl-armata għax ħass id-dmir li jgħati sehmu. Iżda hu qatt ma ried li juża xi arma. Meta nkiteb, għamilha ċara li hu xtaq ikun hemm bħala suldat li jieħu ħsieb il-feruti u li qatt ma jkun mitlub li jispara biex joqtol lil xi ħadd, ikun min jkun. Iżda meta jiġi aċċettat, stennew li Desmond jkun lest li jibdel il-prinċipiji tiegħu. Ma kienx faċli għal Desmond li jiġi aċċettat kif xtaq. Għadda litteralment minn persekuzzjoni kemm min-naħa tas-suldati sħabu kif ukoll mill-awtoritajiet. Kienu jemmnu li Desmond minnflok ikun ta’ għajnuna kien sejjer ikun ta’ xkiel. Kienet battalja kontinwa tant li anke waslet li jgħadduh qorti marzjali. Kellu jkun l-intervent ta’ missieru ma’ awtorita’ ikbar li fl-aħħar l-awtoritajiet raw is-sens fit-talba ta’ Desmond. Id-deċiżjoni li l-awtoritajiet militari ħadu żgur ma ddispjaċihomx. X’għamel Desmond fit-taqbida qallila ġewwa Okinawa li baqa’ magħruf għal dak li wettaq? Il-missjoni afdata f’idejn l-armata li kien jagħmel parti minnha Desmond ġiet mibgħawta biex tieħu l-skarpata massiva ta’ Maeda magħrufa aħjar bħala Hacksaw Ridge. Kienet battalja għal mewt fejn l-armata Amerikana mhux biss kellhom jassaltaw irdum għoli erba’ mitt pied iżda wkoll jiġu wiċċ imbwiċċ mal-armata Ġappuniża armata ġewwa bejtiet li fihom kien hemm armi qerrieda, bombi moħbija fl-art kif ukoll kellhom sensiela ta’ għerien mħaffra apposta biex minnhom joħorġu u jattakkaw bla ħniena l-forzi Amerikani.
Film biografiku taż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjia fil-Paċifiku li fiha ħa sehem Desmond Doss li kien irrifjuta li jġorr arma fit-taqbida. Kien l-ewwel objettur ta’ kuxjenza li rċieva l-Medalja tal-Unur għas-sehem tiegħu fejn salva tant suldati midruba b’sens erojiku. Film msejjes fuq storja vera taħt id-direzzjoni ta’ Mel Gibson, kitba ta’ Andrew Knight u Robert Schenkkan. Film maħdum b’sengħa kbira kif jaf jidderiġi Mel Gibson. Minħabba ġlied qalil u mdemmi, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.