• 

     

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    25 ta’ Novembru 2018

    “Inti s-sultan tal-Lhud?” (Ġw 18:33). Id-domanda li għamel Pilatu quddiem Ġesù umiljat u kkundannat, hija domanda f’postha. Kif jista’ jkun li s-sultan tal-Lhud jidher quddiem l-awtorità imperjali huwa dgħajjef, mingħajr protezzjoni u mneżża minn kull dinjità?

    Aħna r-risposta nafuha! Niftakru li meta Ġesù kien tarbija l-Maġi ġew mil-Lvant jgħidu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh” (Mt 2:2).  Kemm-il darba fit-tliet snin li għamel jiġri mal-Lhudija u mal-Galilija fejn kien trabba, il-Mulej tkellem dwar is-saltna. “Is-saltna ta’ Alla tixbah” u tana ħafna tixbiehat dwar is-saltna. Il-poplu wara li kien temgħu ried jagħmlu re imma hu ħarab u kienet l-ewwel għażla tiegħu li tikkonferma l-għażla li għamel anke quddiem Satana li hu mhuwiex interessat fil-poter ta’ din id-dinja, xi ħaġa li Pilatu ma jifhimhiex. Imma l-Mulej jinsisti miegħu: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud, imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn” (Ġw 18:36).

    U dan il-bniedem umiljat u kkundannat għall-mewt, jinsisti li għandu saltna u filwaqt li jgħid li mhix ta’ din id-dinja, jinsisti li għandu saltna. “Is-saltna tiegħi … tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

    Id-domanda ripetuta minn Pilatu hi f’postha għaliex qed jirrispondi għal dak li qed jgħid Ġesù. “‘Mela int Sultan!’ U Ġesù wieġeb: ‘Inti qiegħed tgħidu; jiena sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja’” (Ġw 18:37). Imbagħad aħna nippretendu li se jitkellem fuq xi saltna u fuq ir-renju u jispjega x’inhi s-saltna tiegħu. “Jien ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verità u kull min iħobb il-verità jisma leħni” (Ġw 18:37).

    Ftit qabel kien qal: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Pilatu quddiemu kellu s-sultan li s-saltna tiegħu tiżboq ir-realtajiet u tmur lil hinn mir-realtajiet tad-dinja u m’għandhiex il-kriterji tal-kobor ta’ din id-dinja. Darba minnhom Ġesù qal: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd” (Mk 10, 42-44).  Meta tkellem fuqu nnifsu qal: “Għax hekk ukoll Bin il-Bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45).


    Martri tal-verità

    Li tixhed għall-verità hija li tagħżel li tkun martri.

    Pilatu quddiemu m’għandux biss bniedem ikkundannat, umiljat u ddisprezzat imma għandu is-sultan li ġie jixhed għall-verità. Li tixhed għall-verità hija li tagħżel li tkun martri. Il-kelma ‘xhud’ hija martri fil-kliem tal-Evanġelju. Ġesù qed ifisser li hu sultan għaliex huwa martri għall-verità imma meta lilna afdalna l-messaġġ u l-qalb għażiża tiegħu, lilna l-Insara qalilna: “Intom ix-xhieda tiegħi, intom il-martri tiegħi. Kull min iħobb il-verità, jisma leħni”.

    L-istedina umli tiegħi llum hija li aħna nqimu lis-sultan tagħna Ġesù billi nagħżlu li nħobbu l-verità u jekk inħobbu l-verità, nisimgħu leħnu. Jekk ikollna nistaqsu lilna nfusna l-leħen ta’ Ġesù —li San Ġorġ Preca kien isejjaħlu “leħen il-maħbub”—dan il-leħen x’jgħidilna?

    L-ewwel ħaġa li jgħidilna hija li jfakkarna fil-kmandamenti. Kien hemm żagħżugħ li lill-Mulej qallu: “‘Mgħallem, x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?’ U Ġesù qallu: ‘Għax tistaqsini fuq it-tajjeb? Wieħed hu t-Tajjeb. Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti’” (Mt 19, 16-17). L-ewwel tarġa. Leħen il-Mulej ifakkarna fil-kmandamenti b’mod speċjali f’dawk il-kmandamenti li jħarsu lejn il-proxxmu tagħna: la tisraqx, la tigdibx, la toqtolx, la tiżnix, u la tkunx għajjur għal dak li għandu ħaddieħor (ara Mt 19:18).

    Imma s-soċjetà tagħna għandha bżonn tisma’ dan il-leħen? Huwa l-leħen li jerġa’ jreġġagħna lura għas-safa tal-kuxjenza tagħna. Ħafna drabi aħna donnu ngħixu f’dinja fejn qishom il-kmandamenti qatt ma smajniehom. Imma għandha bżonn nerġgħu nisimgħu leħen il-verità li fil-qalb tagħna terġa’ tgħidilna: la tigdibx.

    Il-gidba saret strument ta’ firda li tkisser mhux biss lin-nies imma popli sħaħ.

    F’dinja mhedda bil-fake news u l-post-truth, dan il-kmandament huwa attwali. Il-gidba saret strument ta’ firda li tkisser mhux biss lin-nies imma popli sħaħ. B’leħen qawwi imma meqjus u ħelu l-Mulej jgħidilna: la tigdibx għaliex fil-verità u fir-rispett tal-fatti hemm ir-rispett veru ta’ xulxin u lejn xulxin, hemm il-vera responsabbiltà. Ħafna drabi aħna noħolqu l-gidba biex naħarbu mir-responsabbiltà imma l-Mulej, meta jgħidilna ‘la tigdibx’, ifakkarna li kulħadd irid ikun responsabbli ta’ għemilu u jrid ukoll jagħti kont tal-għażliet tiegħu.

    La toqtolx. Il-Mulej ifakkarna f’dan il-kmandament. Kemm inġustizzji joqtlu n-nies qabel ma jmutu; kemm abbuż ta’ sustanzi, kemm umiljazzjonijiet ta’ ħutna l-bnedmin li jagħmlulhom ħsara fil-ġisem, fil-psike u fir-ruħ tagħhom! Il-kmandament la toqtolx huwa l-kmandament li jħares lil kull wieħed u waħda minna fid-don sabiħ u prezzjuż tal-ħajja. Il-Mulej jgħid ‘la toqtolx’ lil min qed ixaħħam butu billi jirvina ż-żgħażagħ tagħna bid-droga. Il-Mulej jgħid ‘la toqtolx’ lil min qiegħed jisfrutta lin-nisa tagħna f’kummerċ li jneżżagħhom mid-dinjità tagħhom. Il-Mulej jgħid ‘la toqtolx’ lil min jobgħod lil ħuh għax min jobgħod f’qalbu huwa diġà qattiel. La toqtolx!  Kemm għandna bżonn nisimgħu leħen il-Mulej biex ifakkarna f’dan il-kmandament bil-leħen tiegħu manswet, bil-leħen tiegħu kalm u sod, bil-leħen tiegħu ta’ mħallef li jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu.

    Il-Mulej jgħidilna wkoll ‘la tisraqx’. Din il-kelma sempliċi imma profonda, antika u sinjal qawwi ta’ kull ċiviltà, il-Mulej jgħidha lil min lill-ħaddiema ma jagħtihomx dak li ħaqqhom; lil min jisfrutta d-dgħufija ta’ ħaddieħor biex jisraqlu dak li għandu; lil min iċaħħad lilna u lill-ġenerazzjonijiet futuri mit-tgawdija ta’ ambjent san. Jisraq min jieħu dak li mhux tiegħu; jisraq min ir-responsabbiltà tiegħu jagħmilha biss okkażjoni ta’ gwadann. Il-Mulej ifakkarna fid-dinjità ta’ kull persuna li tgawdi dak li għandha bi gratitudni u li ma tkunx vittma ta’ sens kbir ta’ regħba li jkisser id-dinjità ta’ min huwa vittma ta’ dan il-vizzju, imma wkoll jagħmel ħsara kbira fis-soċjetà.


    Ħobb lill-għadu

    Imma l-leħen ta’ Ġesù ma jfakkarniex biss fil-kmandamenti. Il-Mulej Ġesù, bil-leħen għażiż u maħbub tiegħu, tana wkoll kmandamenti li lilna l-Insara jagħtuna marka li biha għandhom jgħarfuna. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 34-35). “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). U l-prova kbira tal-imħabba hija l-imħabba lejn l-għedewwa. ‘Ħobbu lill-għedewwa tagħkom biex tkunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet li jibgħat ix-xemx u x-xita fuq it-tajbin u l-ħżiena’.

    Aħna li aħna dgħajfin għandna bżonn nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù biex inħobbu iżjed il-verità li hi hu, biex inħobbu iżjed lil xulxin, waqt li nitolbu li meta fil-punt tal-mewt tagħna nisimgħu l-leħen tiegħu, nisimgħuh bħala leħen ta’ barka. “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni … Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 35-40). “Mela int Sultan?  U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw18:37).

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Dan 7, 13-14
    Salm: 92 (93) 1ab.1ċ-2.5
    Qari II: Apok 1, 5-8
    Evanġelju: Ġw 18, 33b-37

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti