• Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

    19 ta’ Diċembru 2018

    Nixtieq nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom li qegħdin miġbura hawn illum tal-kontribut li tagħtu lill-Knisja f’Malta, kulħadd bi rwol differenti. Ħadt pjaċir niltaqa’ personalment magħkom għaliex huwa pjaċir u dover tiegħi. Għall-grazzja ta’ Alla l-familja tagħna hi numeruża u dak  juri x-xogħol kbir li qed isir u nitolbu li jkun għall-ġid komuni. Ma naħsibx li xi ħadd jaħdem mal-Kurja neċessarjament biex isir sinjur kbir, ma naħsibx. Imma nispera li bejnietna noħolqu ambjent uman.

    …fis-servizz tagħna qed nagħmlu ħilitna biex niltaqgħu ma’ Ġesù fis-sitwazzjonijiet differenti fejn jinsab fil-proxxmu tagħna.

    Kull meta niltaqa’ mal-Papa Franġisku jiftakar fil-Knisja f’Malta u nixtieq nirringrazzja ħafna lin-Nunzju Appostoliku Mons. Alessandro D’Errico tal-preżenza tiegħu li għalina tfisser ukoll il-preżenza tar-rappreżentat tal-Papa. Grazie Eccellenza per la sua presenza che ci porta la vicinanza del Santo Padre e sono interprete di tutti noi chiedendo, Vostra Eccellenza, di portare al Santo Padre il nostro piu caloroso saluto. Jumejn oħra se nqatta’ ġurnata f’Ruma għaliex il-Papa jkellem lill-membri tal-Kurja Rumana u dakinhar se nwassal ukoll it-tislijiet personali ta’ kull wieħed u waħda minnkom.

    Kif iħobb jgħid il-Papa Franġisku, fis-servizz tagħna qed nagħmlu ħilitna biex niltaqgħu ma’ Ġesù fis-sitwazzjonijiet differenti fejn jinsab fil-proxxmu tagħna. Jekk il-proxxmu jinsab f’diffikultà matrimonjali għandu bżonn id-dixxerniment tal-Knisja; il-proxxmu jista’ jkun student li qiegħed fis-sistema edukattiva tal-Knisja; il-proxxmu jista’ jkun żagħżugħ li għandu bżonn l-għajnuna tas-servizzi tal-Caritas jew għandu bżonn is-servizz pastorali fil-parroċċi, fl-oqsma kollha li aħna nieħdu ħsieb. Għalhekk nixtieq nirringrazzja lill-membri kollha tal-kleru, il-membri kollha tal-Kurja, tat-Tribunal, tas-segretarjati differenti u tant persuni u entitajiet oħra tal-Arċidjoesi, inkluż anke l-APS li dejjem nitlobhom biex ikomplu jaħdmu għax aħna niddependu ħafna minn dak li jistgħu jipprovdu biex id-djoċesi tkompli timxi ’l quddiem. 

    Is-suġġeriment u t-talba tiegħi hija li fl-impenn tagħna dejjem inħaddnu l-valuri li nipprietkaw. L-ikbar messaġġ li nistgħu nagħtu lis-soċjetà Maltija u lid-dinja hija x-xhieda tagħna. Jalla dak kollu li aħna nirrappreżentaw ikun jidher bil-mod kif ngħixu, bil-mod kif nitrattaw lil xulxin u bil-mod kif nitrattaw lill-proxxmu.

    Huwa sabiħ li tagħti u tagħtih minn qalbek imma tajjeb ikollna mumenti anke ta’ riflessjoni fil-kwiet.

    Nirringrazzjakom ħafna u nawguralkom Milied hieni. Ippermettuli din in-nota personali li ngħidha lili nnifsi wkoll: dan il-Milied nippruvaw insibu ħin għalina nfusna. Huwa sabiħ li tagħti u tagħtih minn qalbek imma tajjeb ikollna mumenti anke ta’ riflessjoni fil-kwiet. Wara kollox qed niċċelebraw il-200 anniversarju tal-għanja sabiħa Stille Nacht! Heil’ge Nacht!, O Lejl ta’ Skiet. Jalla fis-skiet u l-kwiet quddiem Ġesù nsibu lilna nfusna u nitqawwew biex ikollna l-imħabba neċessarja u utli li nkunu nistgħu naħfru u nħobbu lil xulxin.

    Minn qalbi nirringrazzja wkoll lill-isqfijiet sħabi, b’mod speċjali f’dan l-ewwel Milied tiegħu bħala isqof, l-awgurju personali tiegħi jmur lill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi. Meta rrekkordjajna l-programm ta’ Xarabank li se jixxandar bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, lil Mons. Galea-Curmi staqsewh: ‘Inti lilek ma taqbiżlekx?’ U kulħadd jaf li Fr Joe huwa magħruf kemm huwa kalm. Jien għedtilhom: ‘Propju l-awżiljarju li għandi bżonn!’. Jien nixieq nirringrazzjah pubblikament ukoll tas-sapport, tal-kelma ta’ għerf u anke talli aċċetta l-ubbidjenza tal-Mulej li jkun suċċessur tal-appostli, preżenza ta’ Ġesù fil-Knisja f’Malta u Ċirinew għalija biex flimkien inġorru s-salib li tana l-Mulej.    

    Nixtieq ukoll nirringrazzja: lil Michael Pace Ross u lil sħabu; liż-żewġ kapijiet tat-Tribunali tagħna Fr Brendan u Fr Joe Bajada; lis-segretarjati kollha fosthom lil Fr Charles Mallia u lil tant mansjonijiet oħrajn li hawn illum. Nirringrazzjakom tax-xogħol li tagħmlu, naf li jitlob ħafna paċenzja imma tinsewx li dik il-persuna li forsi tiġi għandek frustrata, diżappuntata jew irrabjata, hija Ġesù fuq is-salib u inti għandek bżonn tersaq lejha bl-istess imħabba li tersaq lejn Ġesù Kurċifiss, bit-tama li anke meta tkun diffiċli ħafna għalina, insibu min ukoll ikun magħna fis-salib tagħna.

    Tajjeb li matul dan il-Milied nifhmu wkoll li fl-istorja tal-Milied hemm tbatija…

    Imma għaliex qed insemmi s-salib fil-Milied? Il-Milied huwa storja sabiħa imma fih wkoll it-tbatija. Tajjeb napprezzaw li l-Milied mhuwiex iż-żmien ta’ xalar imma huwa żmien ta’ ċelebrazzjoni u riflessjoni. Tajjeb li matul dan il-Milied nifhmu wkoll li fl-istorja tal-Milied hemm tbatija, mhux biss it-tbatija taċ-ċaħda imma wkoll it-tbatija tal-inġustizzja, it-tbatija tal-faqar, it-tbatija tal-umiljazzoni u f’dan kollu Alla jsir bniedem. F’dan kollu Alla jkun Għimmanu-El, Alla magħna u mhux imbiegħed minna, imma wieħed minna.

    Għalhekk, anke meta dan il-post isir sala ta’ pranzu kbira f’jum il-Milied, nixtieq propju nirringrazzja lill-Caritas ta’ din ix-xhieda konkreta ta’ x’jiġifieri tgħix il-Milied. U jalla kull min jiġi f’dan il-post iħoss li hemm xi ħadd li jagħti kasu, li hemm xi ħadd li jħobbu u għalhekk nirringrazzjakom tal-imħabba kollha li turu matul is-sena u jalla l-ħarsa tagħna fuq il-Bambin Ġesù tkun ħarsa li timliena bil-ferħ u bil-paċi. Grazzi ħafna u l-Mulej magħkom.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti