• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Għaxaq

    2 ta’ Ġunju 2018

    Nimmaġina lil Ġesù fuq għolja sabiħa tħaddar bis-siġar b’żiffa ħelwa għaddejja tiela’ min dan il-baħar kbir jitkellem man-nies li kienu marru warajh. Tela’ fuq il-muntanja u wara li qagħad bilqiegħda resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Il-Mulej fetaħ fommu u qabad ikellimhom u jgħid: “Henjin” (ara Lq 6, 21-26).

    Meta nisma’ din il-lista ta’ hena u ta’ barkiet inħobb nimmaġina lil Ġesù jiftakar b’kommozzjoni kbira f’San Ġużepp, għax jekk aħna nqisu l-barkiet li Ġesù għażel biex jindika min jidħol fis-saltna tiegħu, nirrealizzaw li dawn il-barkiet—kollha kemm huma u waħda wara l-oħra—seħħew f’dan il-bniedem ħelu, dan il-bniedem ġust li aħna nafuh bħala Ġużeppi ta’ Nazaret.    

    Il-Mulej stess kien magħruf bħala ibnu, għalkemm ma kienx ibnu fl-ordni tan-natura. “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?” (Lq 4:22). Il-Mulej stess kien magħruf ukoll bħala ‘il-Mastrudaxxa’ u għandna dokumenti antikissimi li jikkonfermaw li Ġesù tgħallem is-sengħa ta’ Ġużeppi. L-ewwel komunità Nisranija kienet tgħożż b’devozzjoni kbira, jgħidilna San Irinew, moħriet li kien għamel Ġesù. U l-Mulej ma tgħallimx biss is-sengħa mingħand Ġużeppi imma tgħallem ukoll li bniedem li jorbot ir-rieda tiegħu ma’ dik ta’ Alla jsir bniedem ġust.   

    “Henjin il-foqra fl-ispirtu” (Mt 5:3). Lil San Ġużepp narawh fqir fl-ispirtu kull meta wara xi ħolma jifhem xi jrid minnu l-Mulej. L-Evanġelju, għal darba darbtejn jinsisti: ‘Qam u għamel dak li kien ordnalu l-anġlu’. “Xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija” (Mt 1:20). “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu” (Mt 2:13). “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel” (Mt 2:20). F’dawn it-tliet mumenti San Ġużepp wera l-faqar fl-ispirtu ta’ min jafda f’Alla u jobdih.        

    M’ilux kelli laqgħa mal-Papa Franġisku u domna nitkellmu, darba minnhom għamilna xi tliet sigħat. U qallina: ‘Ħa ngħidilkom storja ħelwa fuq San Ġużepp. Tafu li San Ġużepp ħin minnhom beda jibża’ jmur jorqod, għax ma jmurx joħlom u l-Mulej jerġa’ jibdillu l-pjan? Għax San Ġużepp kien dara li meta jorqod, il-Mulej ikellmu u jerġa’ jibdillu ħajtu ta’ taħt fuq’. Ċajta ħelwa.   

    Aħna nafu li l-Papa għandu devozzjoni kbira lejn San Ġużepp rieqed. Fl-uffiċċju tiegħu għandu statwa ħelwa ta’ San Ġużepp rieqed; San Ġużepp qiegħed jieħu l-ispirazzjonijiet minn Alla. U l-Papa jpoġġi dak kollu li jkun qed jinkwetah taħt din l-istatwa. Jgħidilna li San Ġużepp imbagħad irid jieħu ħsieb hu u kultant dan is-saqqu ta’ San Ġużepp jibda tiela’ u tiela’ għax il-Papa ovvjament għandu l-ħsieb tal-knejjes kollha. Il-fiduċja tal-qaddisin f’San Ġużepp! Il-Papa jħobb iqassam santi bit-talba ta’ San Ġużepp ‘Ftakar O Ġużeppi’. Din hija xi ħaġa personali li l-Papa jagħti għax għandu devozzjoni kbira lejn dan il-bniedem ġust.   

    “Henjin l-imnikkta” (Mt 5:4). Immaġinaw lil Ġużeppi jitnikket meta jaf li din it-tarbija li hu għandu l-missjoni jiddefendi, xi ħadd irid joqtolha. In-niket tiegħu hu li minħabba Ġesù, f’Betlehem mietu tant tfal innoċenti. In-niket tiegħu huwa jfittex lil Ġesù meta ta’ 12-il sena l-Mulej għamel waħda tinkiteb; fil-fatt San Luqa kitibha fl-Evanġelju tiegħu għax veru hi ħaġa tinkiteb: Ġesù ntilef f’Ġerusalemm u għamlu tliet ijiem ifittxuh. Ommu tgħidlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2:48). “Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa” (Mt 5:4).      

    “Henjin ta’ qabhom ħelwa” (Mt 5:5). Fi żmien San Ġużepp il-mastrudaxxa kien wkoll ħaddied. Il-kelma bil-Grieg fiha teknos, li tfisser ‘dak kollu li hemm bżonn issir’, propju l-handyman kważi, raġel tas-sengħa. Hu jidħol fid-djar u San Ġużepp, bil-kalma, bil-paċenzja, bix-xogħol u bl-onestà tiegħu jġib il-paċi. “Henjin dawk ta’ qabhom ħelwa, ħenjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:5).

    “Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja” (Mt 5:6). Il-bniedem ġust kif jista’ ma jkollux l-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja? Marija mfissra: l-anġlu ntbagħat minn Alla għand Marija, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi (ara Lq 1, 26-27). L-Evanġelju jgħidilna li Ġużeppi kien raġel ġust u li ma riedtx jikkundannaha għall-mewt imma ddeċieda li jħalliha titlaq bil-moħbi (ara Mt 1:19). Il-ġustizzja ta’ Ġużeppi hija ġustizzja vera. Mhux għax il-liġi tgħid jekk marret ma’ ħaddieħor, inħaġġarha! Hekk salva lil din l-għarusa ħelwa tiegħu u lit-tarbija tagħha fil-ġuf.    

    Għalhekk, ta’ San Ġużepp hija wkoll il-barka: “Henjin dawk li jħennu” (Mt 5:7). Immaġinaw l-emozzjoni ta’ Ġesù jgħid dan il-kliem lin-nies meta jiftakar li hu ħaj. Ġesù huwa ħaj bħala bniedem għax kien hemm raġel li lil ommu ma ħaġġarhix meta kienet tqila; Ġużeppi ħenn għaliha u waqt li jħenn għall-omm, iħenn ukoll għat-tarbija li għandha fil-ġuf. Immaġinaw lil Ġesù jiftakar f’dan ir-raġel, magħruf bħala missieru, u jgħid: ‘Veru, jiena l-Iben ta’ Alla, imma bħala bniedem jiena ħaj għax dak ir-raġel lil ommi ma qatilhiex kif kienet tgħid il-liġi. Hu salva lilha u salva lili tarbija fil-ġuf’. “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5:7).

    “Henjin dawk ta’ qalbhom safja” (Mt 5:8). Is-safa tal-qalb ta’ San Ġużepp mhux biss ġejja mill-ġustizzja tiegħu, imma ġejja wkoll mill-fatt li hu aċċetta l-missjoni li jkun l-għarus ta’ Marija u jieħu ħsieb jipproteġi l-verġinità tagħha. Tolqotni ħafna l-istatwa li għandna f’din il-knisja, l-istatwa ta’ Ġużeppi li qiegħed iżomm il-ġilju tas-safa. Imma li l-ġilju wkoll huwa miżmum mill-id ta’ Ġesù għaliex is-safa ta’ Ġużeppi huwa don speċjali tal-Mulej u kien ukoll għall-protezzjoni tal-omm u ta’ binha. U fl-istess ħin Ġesù qed iżomm il-ġilju tas-safa ta’ Ġużeppi imma Ġużeppi qiegħed iżomm l-id ta’ Ġesù, qed jipproteġih u jiggwidah.    

    “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa” (Mt 5:10). Ġużeppi kellu jeżilja ruħu mal-familja tiegħu għaliex Erodi ried joqtol lit-tarbija. Kien jaf x’jiġifieri jkollok taħrab minn pajjiżek għax ippersegwitat. U allura din hija wkoll l-hena ta’ Ġużeppi. Jekk il-Papa Franġisku fl-eżortazzjoni sppostolika Gaudete et Exsultate dwar il-qdusija, jgħidilna li n-Nisrani jkun qed jobdi s-sejħa u l-vokazzjoni għall-qdusija jekk jimxi fuq il-valuri ta’ dawn il-barkiet ta’ Ġesù, kemm iżjed nibdew inħarsu lejn Ġużeppi bħala dak ir-raġel ġust li għex l-ispirtu tal-beatitudnijiet.  

    O Ġużeppi, li kellek il-vokazzjoni sabiħa li tħares lil Ġesù u ’l ommu, li minħabba l-ħniena tiegħek, it-tnejn salvaw u aħna kellna x-xorti ngawdu mis-salvazzjoni tal-Iben ta’ Alla, ħares lill-Knisja tiegħek l-opra li beda Ġesù, il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, u kif int għallimt lilu s-sengħa tal-id, u tajtu eżempju sabiħ tal-bniedem ġust, agħmel li lilna tgħallimna s-sengħa tal-imħabba. Aħna nilqgħu s-sejħa li niġu lejk u nirrikorru għandek għax inti tgħallimna nkunu fidili lejn il-vokazzjoni tagħna u nintrabtu mar-rieda ta’ Alla b’ħafna ferħ u b’ħafna ġenerożità. Viva San Ġużepp!

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta