L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” (Lq 12:57). Dan hu li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju, hu u jkellem lin-nies, u jista’ jkun li f’moħħna tiġina din il-mistoqsija: hawn Ġesù qed jgħidilhom lin-nies biex jiġġudikaw, imma Ġesù ma kienx hu stess li qalilna “tiġġudikawx” (Mt 7:1)? Fil-fatt hi l-istess kelma fl-oriġinal bil-Grieg. Kif jgħidilna “tiġġudikawx”, u hawn jgħid li għandna niġġudikaw?

Hemm differenza, u d-differenza qiegħda hawn: li meta Ġesù qalilna “tiġġudikawx”, qalilna biex ma niġġudikawx lin-nies, lill-persuni, u kif dawn huma quddiem Alla. U r-raġuni hi li aħna ma nafux naqraw, bħalma jista’ jagħmel Alla, u jagħmel hu, il-moħħ u l-intenzjonijiet tal-bniedem, il-qalb tal-bniedem; ħafna drabi ma nafux l-istorja tal-persuna li tkun, it-trobbija tagħha. Il-ġudizzju tal-persuna, kif inhi quddiem Alla, jista’ jagħmlu biss Alla.

Imma hawn mhux fuq hekk qed jitkellem. Hawn Ġesù qed jitkellem fuq li niġġudikaw x’inhu s-sewwa. Qed jgħid lin-nies li setgħu jaraw, min dak li kien qed jagħmel u minn dak li kien qed jgħallem; setgħu jaraw x’inhu s-sewwa. Qed jgħidilhom: m’intomx taraw, jekk wieħed qed jagħmel il-mirakli, qed ifejjaq lin-nies, qed jeħlishom mill-ispirti ħżiena, qed jagħti każ min hu mwarrab u emarġinat, qed jgħallem tant tagħlim sabiħ għall-ħajja – ma tistgħux taraw li dan hu s-sewwa? Dak qed jgħid Ġesù. Qed jgħid: intom għandkom tużaw il-moħħ tagħkom biex tiġġudikaw x’inhu s-sewwa.

Dan hu li jgħid lilna llum. Għaliex l-istedina li jagħmlilna Ġesù hija biex aħna, bil-għerf u l-għajnuna li jagħtina hu, ikollna l-kapaċità li niġġudikaw is-sewwa u li nagħrfu nagħżlu s-sewwa minn dak li mhux sewwa. Kultant ikun hemm min jgħid: dik hija d-deċiżjoni tiegħek li tgħid x’inhu s-sewwa u x’mhuwiex sewwa. Allaħares nispiċċaw hekk, li dak li nħossu aħna jkun is-sewwa sempliċiment għax jaqblilna, imma ma nagħrfux nagħżlu! Hu dan li qed jgħid Ġesù. Hemm għażla li rridu nagħmlu dejjem fil-ħajja tagħna, u ġudizzju li rridu nagħmlu bejn l-integrità u l-korruzzjoni, bejn l-onestà u s-serq, bejn il-verità u l-gideb, bejn dak li hu sewwa u dak li hu ħażin, bejn dak li jġib il-paċi u dak li jnissel il-firda u l-ġlied. U li nkunu kapaċi ngħidu l-affarijiet b’isimhom, u li nagħżlu, bl-għajnuna li jagħtina l-Mulej, dak li hu sewwa, li hu veru, li hu ġust, li hu xieraq. Dan hu importanti ħafna għall-ħajja tagħna personali, il-ħajja tagħna fis-soċjetà, bħala Knisja, imma narawh ukoll fid-dinja kollha – kemm hu importanti, kif jgħidilna l-Mulej, li aħna niġġudikaw x’inhu s-sewwa u nimxu ma’ dak li hu sewwa.

Imma Ġesù jgħid ħaġa oħra: “għax ma tiġġudikawx intom stess?” Għax qed jgħid b’enfasi “intom stess”? Għax hu ma jridx li aħna nkunu mmexxijin minn imneħirna minn ħaddieħor. Kultant tiltaqa’ magħha din. Jgħidulek: imma hekk qrajt ta, hekk smajt, hekk rajt fuq il-media soċjali, hekk rajt fil-gazzetta, hekk qal, ta! Il-mistoqsija hija: din vera jew le? Hawn min jaħseb li għax tisma’ xi ħaġa, jew għax taqra xi ħaġa, hija vera. Imma Ġesù qed jgħidilna: tħallix min imexxik minn imnieħrek. Tħallix min iġagħlek taħseb: għax qalha dan, mela bilfors din hija vera! Le, iġġudika, agħraf, agħżel: vera jew le? Din sewwa jew mhix sewwa? Għalhekk għandna bżonn ħafna nitolbu lill-Mulej jagħtina l-għerf tiegħu, ħalli nistgħu nagħmlu dak li qalilna hawnhekk hu. U għalhekk hu lin-nies qalilhom: intom kapaċi tgħidu t-temp kif se jkun, meta taraw ir-riħ jew inkella sħaba tiela’, u m’intomx kapaċi taqraw is-sinjali taż-żminijiet? Hu dan li qed jgħid Ġesù: li aħna għandu jkollna, bl-għajnuna tal-Mulej, din il-kapaċità ta’ ġudizzju. Kif għedt, dan mhux ġudizzju tal-persuni, imma ġudizzju ta’ dak li jiġri madwarna, biex nagħżlu dejjem dak li hu sewwa u nimxu ma’ dak li jmexxina fit-triq it-tajba.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja. Meta nħarsu lejh, dejjem għandna lilu li qalilna: “Jien it-Triq, il-Verità, u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Nitolbuh biex ikun hu li jurina tassew dak li hu sewwa, u jagħtina l-qawwa biex nagħżlu dejjem dak li hu sewwa.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta