L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kellhom raġun il-Fariżej li lill-Imgħallem jgħidulu: “Nafu li int raġel li tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares” (Mt 22:16). Fost il-ħafna affarijiet li qalulu, fosthom xi tgħajjira ’l hawn u ’l hemm, almenu din id-darba, meta qalulu min jaħsbu li kien, qallu kliem ta’ sewwa.

“Nafu li int raġel li tħobb is-sewwa” (Mt 22:16). Kemm tkun ħaġa sabiħa, li aħna nimitaw dan il-profil ta’ Ġesù, li qed jitħabbar lilna wkoll f’din il-Ġurnata Missjunarja. Wara kollox, din hija l-qofol tal-Evanġelizzazzjoni, tat-Tħabbira tal-Evanġelju; li aħna nsiru nies li nħobbu s-sewwa, aħna min aħna. Li t-triq ta’ Alla ngħallmuha kif tassew hi; mhux ngħallmuha biex nintgħoġbu lin-nies; jew in-nies qawwija u għorrief ta’ din id-dinja. u rridu nagħmlu hekk b’kuraġġ, bla ma nħabblu rasna minn ħadd, għax ma nħarsu lejn wiċċ ħadd. Dan huwa l-kuraġġ li għandna bżonn aħna u nħabbru l-Evanġelju: ibda mill-Papa sal-iżjed Nisrani umli u mxerred mad-dinja.

Imbagħad għamlulu nassa, riedu jġellduh ma’ Ċesari, mal-qawwa politika. Imma Ġesù, li ma jħares lejn wiċċ ħadd, jitlobhom biex iġibulhu munita u jgħidilhom: “Ta’ min hu dan il-wiċċ u din il-kitba?” (Mt 22:20); qed jgħidilhom hekk dak li ma jħares lejn wiċċ ħadd. U l-munita kellha l-wiċċ ta’ Ċesari u l-kitba tiegħu. “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Mt 22:21).

Imma d-domanda ta’ Ġesù, hija domanda fundamentali, anke f’dan il-jum li l-Knisja qiegħda tfakkar il-missjoni tagħha għall-ġnus. Il-munita tal-fidda, tar-ramm, tal-bronż, tad-deheb, għandha wiċċ; il-wiċċ tal-poter, il-wiċċ tal-Imperatur; għandha x-xbieha tal-Imperatur. Imma l-bniedem, fuq liema xbieha huwa maħluq? “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbieha tiegħu” (Ġen 1:27). U meta tħares lejn il-persuna umana, hi min hi, mingħajr ma’ tħares lejn wiċċ ħadd, tiltaqa’ max-xbieha ta’ Alla.

M’aħniex għall-bejgħ, la fl-integrità tagħna, la fl-onestà tagħna, u lanqas fil-ġisem tagħna: aħna ta’ Alla.

Mela l-munita għandha x-xbieha ta’ Ċesari imma l-bniedem għandu x-xbieha ta’ Alla. U Ġesù jgħidlek: Agħti lil Ċesari dak li għandu xbieha ta’ Ċesari: il-fidda, il-bronż, ir-ramm, jekk int ftit sinjur, id-deheb, tihomlu lura. Anke jekk se jitlobhomlok lura bit-taxxa, wara kollox, trid u ma tridx se terġa’ troddhomlu lura. Imma inti għandek x-xbieha ta’ Alla, lil Alla agħtih dak li hu ta’ Alla: inti m’intix tal-Imperatur, għax m’għandekx ix-xbieha tal-Imperatur fuqek, imma inti ta’ Alla.

Għadna sal-lum, aħna l-bnedmin, fil-kefrija tagħna nbigħu lil xulxin bħala skjavi. L-ewwel ħaġa li għamlu lill-iskjavi huwa li jimmarkawhom b’sinjal, ġeneralment jaħarquhulhom bħalma jagħmlu lill-bhejjem – sinjal ta’ min hu sidek. Imma jkollok kemm ikollok sinjali tal-kefrija tal-bnedmin, inkluż it-tgħajjir li ma jagħmillekx sinjal fuq il-ġilda, imma fil-qalb tiegħek: tinsa qatt li inti ta’ Alla.

U l-missjoni hija din: li aħna fid-dinja kollha nfakkru lil xulxin, li l-marka li hemm fuq il-qalb ta’ kull bniedem mhijiex tal-poteri ta’ din id-dinja, imma ta’ Alla. U aħna nintraddu lura lil Alla biss. M’aħniex għall-bejgħ, la fl-integrità tagħna, la fl-onestà tagħna, u lanqas fil-ġisem tagħna: aħna ta’ Alla.

We remain God’s children, even if we are slaves of dependency, of addiction, of conditioning.

Today in the Gospel, Jesus is described by the Pharisees as a man who loves righteousness, who teaches the way of the Lord as it is, in all honesty, who does not look at any face, and treats everybody equally. But then they tried to trap him, presenting him with a dilemma: “Is it lawful to pay taxes to the emperor, or not? (Mt 22:17) And he asks them to hand him a coin. There is the face of Caesar, and the name of Caesar on the coin, and he says: “Give therefore to the emperor the things that are the emperor’s, and to God the things that are God’s” (Mt 22:21).

We remember on Mission Sunday that each and every one of us has been created in an image: the image of God. “We are created in the image of God” (Gen 1:27). The coin has the image of Caesar, but we bear the image of God, and so we belong to God, to no earthly power. We are not slaves of anybody, even as we are branded as slaves. We remain God’s children, even if we are slaves of dependency, of addiction, of conditioning; we remain God’s children. And so as we pray on Mission’s Sunday, for the Church’s mission to evangelise, to bring the beauty and joy of the Gospel to all the earth, to all people. Let us pray that we remember that, in finding our brothers and sisters around the world, we are already finding the image of the Lord, as they have been created in that image, and they bear that image.    

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Iż 45:1,4-6
Responsorju: S 95 (96):1,3,4-5,7-8,9-10a,ċ
Qari II: 1 Tess 1:1-5b
L-Evanġelju: Mt 22:15-21

Aktar ritratti