L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hija tassew speċjali li niċċelebraw, din is-sena, it-tmien mitt anniversarju mill-mewt ta’ San Franġisk ta’ Assisi fl-1226. Tmien mitt sena minn meta hu għadda minn din id-dinja għal għand il-Mulej. U madankollu, wara tmien sekli, ismu għadu ħaj, il-ħajja tiegħu għadha tkellimna, u l-messaġġ tiegħu għadu jolqot il-qalb tal-bniedem tal-lum. U l-mistoqsija li għandna nagħmlu llum hija: x’jgħidilna San Franġisk illum?

Il-ħarsa ta’ Franġisku kienet dejjem lejn Kristu. L-Evanġelju li smajna llum jgħidilna b’mod ċar il-kliem ta’ Ġesù: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Lq 9:23).  Nistgħu ngħidu li f’dawn il-kelmiet insibu l-istorja kollha ta’ Franġisku. Għax Franġisku ma kienx bniedem li sempliċement ammira lil Ġesù. Ma kienx xi ħadd li sempliċement kellu devozzjoni lejn l-Evanġelju. Franġisku ried jgħix l-Evanġelju. U meta ltaqa’ ma’ Kristu, ħajtu nbidlet.

U minn dak il-mument ’il quddiem, Franġisku beda jifhem li l-ħajja ma tistax tibqa’ ddur madwaru nnifsu. Dak li kien jidher importanti qabel beda jitlef il-valur tiegħu. Il-ġid, il-fama, il-ħolm taż-żgħożija, il-pożizzjoni tiegħu fis-soċjetà – kollox beda jidher żgħir quddiem is-sejħa ta’ Kristu. Franġisku skopra xi ħaġa li hija sempliċi ħafna, imma li hija diffiċli ħafna biex ngħixuha: meta Kristu jsir iċ-ċentru ta’ ħajtek, kollox jibda jieħu postu.

Jiġi warajja

Jgħid Ġesù: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja…” Hawnhekk għandna l-ewwel messaġġ li Franġisku għandu għalina f’dan it-800 anniversarju. Ġesù ma jgħidilniex biss biex nemmnu fih. Jgħidilna biex nimxu warajh. Il-ħajja Nisranija mhijiex sempliċement li nkunu nies tajbin għax nosservaw ċerti regoli jew għax ikollna ċerti devozzjonijiet. Hija mixja. Mixja wara Kristu.

U Franġisku għamel proprju hekk. Huwa mexa wara Kristu meta ħalla l-ġid tiegħu, meta għażel il-faqar, meta beda jħares lejn il-fqir mhux bħala wieħed li għandu jiġi evitat, imma bħala ħuh. Mexa wara Kristu meta daħal f’relazzjoni ma’ min kien emarġinat u mwarrab, meta għażel li jkun bniedem ta’ paċi. U mexa wara Kristu sal-aħħar nifs tiegħu.

Forsi llum, meta nisimgħu l-kliem ta’ Ġesù, kull wieħed u waħda minna għandna nagħmlu din il-mistoqsija sempliċi: Jien, fejn qiegħed nimxi? Qed nimxi wara Kristu, jew qed nitlob lil Kristu jimxi warajja? Qed inħalli l-Evanġelju jmexxini, jew irrid li l-Evanġelju jaqbel dejjem ma’ dak li nixtieq jien? Din hija l-isfida li Franġisku jagħmlilna.

Jiċħad lilu nnifsu

Imbagħad Ġesù jgħid: “Għandu jiċħad lilu nnifsu…” Kliem iebes, speċjalment għal żmienna. Aħna ngħixu f’dinja li ħafna drabi tgħidilna: “Aħseb fik innifsek. Int l-ewwel. Agħmel dak li trid. Dak li tħoss int huwa l-aktar importanti”. Imma Ġesù jgħidilna mod ieħor: “Jiċħad lilu nnifsu”. Dan ma jfissirx li ma nagħtux valur lil ħajjitna, jew li ma nfittxux li nimxu ’l quddiem f’ħajjitna. Ifisser li ma nibqgħux aħna fiċ-ċentru ta’ kollox. Ifisser li nitgħallmu ngħidu: “Mulej, mhux dak li rrid jien l-ewwel, imma dak li trid Int”.

U hawnhekk nistgħu nifhmu aħjar lil Franġisku. Hu qatta’ ħajtu jitbiegħed miċ-ċentru biex jagħmel post għal Kristu. Kemm-il darba aħna wkoll ikollna bżonn nagħmlu l-istess! Forsi l-akbar ostaklu bejnietna u Alla mhux dejjem ikun xi ħaġa ħażina. Kultant ikun sempliċement il-fatt li aħna nkunu mimlijin wisq bina nfusna, bil-bżonn li nkunu aħna li għandna raġun.

San Franġisk jgħidilna: agħmel ftit spazju għal Kristu. U meta Kristu jsib spazju f’qalbna, nibdew naraw id-dinja b’għajnejn ġodda.

Jerfa’ salibu kuljum

Ġesù jkompli jgħid: “Jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja”. Mhux darba, imma kuljum. Kull wieħed u waħda minna għandu s-salib tiegħu jew tagħha. Xi wħud iġorru salib li jidher. Oħrajn qegħdin iġorru salib li ħadd ma jarah. Hemm min qiegħed ibati minħabba saħħtu, jew minħabba l-familja, jew minħabba solitudni, jew minħabba telfa. Hemm min għandu ferita antika f’qalbu li għadha ma fiqitx.

Kultant nistaqsu: “Għaliex, Mulej?” L-Evanġelju ma jagħtiniex dejjem it-tweġiba għal “għaliex”. U Ġesù ma qalilniex li min jimxi warajh mhux se jkollu salib. Qalilna biex nerfgħu s-salib u nimxu warajh. Aħna miegħu, u hu magħna.

Il-passjoni ta’ Kristu f’qalb Franġisku

U llum niftakru fil-grazzja straordinarja li Franġisku rċieva fuq La Verna, meta fuq ġismu dehru l-marki tal-passjoni ta’ Kristu, il-pjagi mqaddsa – iċ-ċelebrazzjoni ta’ jumejn ilu. Imma rridu nifhmu xi ħaġa aktar profonda. Qabel ma l-marki tal-passjoni dehru fuq ġismu, il-passjoni ta’ Kristu kienet diġà mnaqqxa f’qalbu.

Il-pjagi ma kinux xi ħaġa iżolata fil-ħajja tiegħu. Kienu l-frott ta’ ħajja li kienet kollha kemm hi mixja wara Kristu. Franġisku tant kien iħobb lil Kristu, tant kien medhi fil-misteru tas-salib, tant ried ikun magħqud miegħu, li l-imħabba tiegħu għall-Kurċifiss saret realtà fil-ħajja tiegħu.

Hawnhekk għandna messaġġ sabiħ għalina. Aħna forsi qatt ma jkollna l-pjagi fuq ġisimna, kif kellu hu. Imma jista’ jkollna “l-marki ta’ Kristu” f’ħajjitna – l-espressjoni li juża San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Galatin (Gal 6:17). Il-marki – marka ta’ maħfra, ta’ paċenzja. ta’ servizz, ta’ kompassjoni, ta’ fedeltà, ta’ mħabba li tibqa’ anki meta tkun imweġġa’. Dawn huma wkoll il-marki ta’ Kristu.

Titlef ħajtek u ssibha

Imbagħad Ġesù jgħidilna kliem li għall-ewwel jinstema’ paradossali: “Min irid isalva ħajtu jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha” (Lq 9:24). Dan kien il-misteru tal-ħajja ta’ Franġisku. Skont il-kejl tad-dinja, Franġisku tilef ħafna. Tilef il-ġid, il-ħajja komda, il-fama li seta’ jikseb, il-pjanijiet li kellu għal ħajtu. Imma propju meta deher li kien qed jitlef kollox, huwa sab dak li tassew kien qed ifittex.

Sib lil Kristu. U meta sab lil Kristu, sab il-ferħ, il-libertà. Għaraf lill-fqir bħala ħuh, lill-ħolqien bħala rigal ta’ Alla, lill-bnedmin bħala aħwa. U sab lilu nnifsu. Għax il-verità hija li meta ngħixu biss għalina nfusna, nitilfu parti minna nfusna; imma meta nagħtu lilna nfusna lill-oħrajn u lil Alla, insibu l-ħajja vera.

Rigal għall-Knisja kollha

Din il-knisja hija f’idejn il-Patrijiet Franġiskani Konventwali, u llum, b’mod partikulari, aħna nirringrazzjaw lil Alla għall-preżenza u x-xhieda tagħhom. Franġisku hu speċjali għalihom. Imma huwa rigal għall-Knisja kollha. Huwa rigal għall-familji tagħna, għaż-żgħażagħ, għall-anzjani, għal min hu qrib tal-Knisja u għal min forsi jinsab ’il bogħod, għal min għandu fidi qawwija u għal min għadu qed ifittex.

Għax il-messaġġ ta’ Franġisku huwa sempliċi: erġgħu lura lejn Kristu. Wara tmien mitt sena, ħafna affarijiet inbidlu. Id-dinja nbidlet, il-mod kif ngħixu nbidel, il-komunikazzjoni nbidlet. Imma l-qalb tal-bniedem għadha l-istess. Għadna nfittxu l-imħabba, il-paċi. Għadna nistaqsu  x’inhu s-sens tal-ħajja. U għalhekk il-ħajja ta’ Franġisku għadha titkellem.

L-aħjar mod kif niċċelebraw dan it-800 anniversarju mhuwiex sempliċement li niftakru dak li għamel Franġisku. Huwa li nħallu lil Alla jagħmel xi ħaġa ġdida fina. Li din il-festa ma tkunx biss memorja tal-passat, imma bidu ġdid. 

Fl-aħħar tal-Evanġelju, Ġesù jistaqsina: “Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha, imbagħad jintilef jew jinqered?” (Lq 9:25) Hekk hu. Nistgħu niksbu ħafna fil-ħajja, imma jekk nitilfu l-paċi tal-qalb, jekk nitilfu l-imħabba, jekk nitilfu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, inkunu tlifna l-aqwa u l-aħjar. Dak li jingħata lil Alla ma jintilifx.

Talba

Nitolbu llum lil San Franġisk biex nitgħallmu bħalu ngħixu bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu. Nitolbuh, għalhekk, biex jgħallimna dak li hu l-qalba tal-ispirtu Franġiskan: il-fraternità, is-sempliċità, il-paċi, il-ħniena u l-imħabba lejn kull ħlejqa ta’ Alla. Nitolbu llum: 

San Franġisk, ħabib tas-salib, għinna ma nibżgħux mis-slaleb tagħna.

San Franġisk, ħabib tal-paċi, agħmel minna strumenti ta’ paċi fid-djar tagħna, fil-komunitajiet tagħna u fid-dinja tagħna.

San Franġisk, ħabib tal-fqir, għinna nagħrfu lil Kristu f’dawk li s-soċjetà twarrab.

San Franġisk, ħabib tal-ħolqien, għinna nirċievu d-dinja bħala rigal u mhux bħala xi ħaġa li għandna nippossjedu.

San Franġisk, ħabib ta’ Kristu, itlob biex ħajjitna wkoll issir xhieda tal-Evanġelju.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta