L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Nies qattiela u qarrieqa jistmellhom il-Mulej” (Salm 5:7). Dan huwa l-kliem li smajna fis-Salm illum, u huwa kliem qawwi ħafna – meta qed jgħid li l-Mulej “jistmellhom”. Imma hemm raġuni, għax il-Mulej kien ċar fil-kliem tiegħu. “Nies qattiela” – il-Mulej qal “la toqtolx” (Lq 18:20); il-messaġġ tiegħu dejjem kien li l-ħajja għandha tkun irrispettata dejjem. “U qarrieqa” – il-Mulej qal: “la tixhidx fil-falz” (Lq 18:20). U hawn ukoll fis-Salm: “int teqred min jitkellem bil-gideb” (Salm 5:7).
Hu għalhekk li hawn jitkellem b’mod daqshekk qawwi, għax il-qtil huwa terribbli, u li inti tqarraq huwa wkoll tant ħażin, u meta dawn jissieħbu flimkien, imbagħad għandek xi ħaġa verament kerha, ta’ min jistmellha – “nies qattiela u qarrieqa jistmellhom il-Mulej”.
Dan jgħaqqad ma’ dak li jgħid Ġesù l-Evanġelju, fejn jagħmel dik il-mistoqsija lill-kittieba u l-Fariżej li kienu fis-sinagoga. Qalilhom: “X’jiswa… issalva ħajja jew teqridha?” (Lq 6:9). Ġesù qed jgħid li min għandu l-prinċipji bażiċi jaf li l-aktar importanti huwa li int taħdem biex issalva ħajja, u biex tagħmel il-ġid, mhux tagħmel id-deni. Fil-fatt, dan kien il-punt li għamel Ġesù b’mod ċar mal-kittieba u l-Fariżej. Dawn, li kienu fis-sinagoga, għax raw raġel li kellu “idu l-leminija niexfa” (Lq 6:6), bdew jaħsbu: dan se jfejqu, u llum Jum is-Sibt, u ma jiswiex li inti tfejjaq, għax tfejjaq tfisser li taħdem. Ara r-raġunar ħażin ta’ dawn in-nies – għax is-Sibt ma taħdimx, u tfejjaq tfisser li taħdem, mela Ġesù ma għandux ifejjaq lil dar-raġel b’idu niexfa.
Imma Ġesù kien ċar. “Għaraf ħsibijiethom” (Lq 6:8), jgħid l-Evanġelju, imma mbagħad qal lil dal-bniedem biex joħroġ fin-nofs, u hemmhekk fejqu. Imma qabel, qalilhom: “X’jiswa nhar ta’ Sibt? Tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni, issalva ħajja jew teqridha?” (Lq 6:9) Dan għaliex li int issalva ħajja, li inti tfejjaq, hu fil-fatt ċelebrazzjoni ta’ dak li hu l-Mulej. U jekk is-Sibt huwa Jum il-Mulej, meta tagħmel hekk qed tiċċelebrah, mhux qed tmur kontra dak li jrid hu. Dan huwa l-messaġġ qawwi li Ġesù ta lill-Fariżej u lill-kittieba, u l-messaġġ li jagħti wkoll lilna.
Hawnhekk, permezz ta’ dan l-Evanġelju qed jgħidilna: aħna għandna nqiegħdu l-ewwel dak li jiġi l-ewwel. U x’jiġi l-ewwel? Il-bniedem, il-ħajja tiegħu u tagħha, u r-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità, u l-għożża tal-ħajja ta’ kull persuna. Dik tiġi l-ewwel. U għalhekk li aħna naħdmu tassew għal dan, u naħdmu kontra dak kollu li b’xi mod ifixkel jew imur kontra l-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Ġesù jridna nagħrfu wkoll biex ma nħallux it-tradizzjonijiet tagħna, li jistgħu jkunu tajbin fihom infushom, li jtellfuna minn dak li hu l-iktar importanti, l-iktar essenzjali, jiġifieri li aħna tassew ngħożżu l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem.
Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-kelma tiegħu, li aħna nagħrfu dan il-messaġġ li jagħtina: li aħna nqiegħdu l-ewwel dak li jiġi l-ewwel, u f’kull azzjoni u deċiżjoni tagħna, li nfittxu jkun li nsalvaw il-ħajja, mhux li neqirduha; li nagħmlu l-ġid, mhux li nagħmlu d-deni.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




