
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Kull nisel jibda jsejjaħli hienja” (Lq 1:48). Qegħdin hawn illum biex il-qima u d-devozzjoni tagħna, bil-ġest tal-preżentazzjoni tal-warda tad-deheb quddiem l-istatwa ħelwa u grazzjuża tal-Bambina, li ilha żżejjen dan it-tempju għal dawn l-aħħar 300 sena, biex b’dan il-ġest insejħulha: ‘hienja’.
L-ewwel hena tal-Verġni Marija hija dik li semgħet il-Kelma u għamlitha. Darba kien hemm mara fost il-folla u lil Ġesù qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” (Lq 11:27). Imbierka ommok! U Ġesù rrisponda: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq 11:28). U din il-barka hija l-barka wkoll tal-Omm, li meta l-Arkanġlu Gabrijel għamlilha l-proposta li ssir Omm Alla, ir-risposta tagħha għalkemm kienet risposta diffiċli: “Kif ikun dan?” (Lq 1:34). Imbagħad qalet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38).
Insejħulha ‘hienja’ fl-ubbidjenza tagħha; insejħulha ‘hienja’ fl-umiltà tagħha. “Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Mhux biss issejjaħ lilha nnifisha qaddejja, imma ssejjaħ lilha nnifisha qaddejja ċkejkna. U din l-umiltà kbira ta’ Marija, li tagħraf li hija qaddejja tal-Mulej, quddiem il-misteru kbir tal-imħabba ta’ Alla, tal-ħolqien u tal-fidwa, tħoss iċ-ċokon tagħha. Imma taf ukoll li s-Setgħani għamel magħha ħwejjeġ kbar. U Marija, mhix biss ‘hienja’ fl-ubbidjenza tagħha, mhux biss ‘hienja’ fl-umiltà tagħha, imma ‘hienja’ wkoll fil-gratitudni tagħha. “Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1:49). Din il-kelma qed tantiċipa t-talba li għallimna Binha, “jitqaddes ismek, tiġi saltnatek” (Mt 6:10). U waqt li tirrealizza kemm għamel ħwejjeġ kbar, Sidtna Marija tgħallimna nkunu grati għal dak kollu li għamel magħna l-Mulej.

Marija hija ‘hienja’ fil-profezija tagħha. Għaliex il-kumplament ta’ dan l-innu li l-Knisja titlob kull filgħaxija, fit-talba tal-Għasar, innu evanġeliku li wasslilna San Luqa. Marija titkellem fuq il-ħniena ta’ Alla, imma titkellem fuqha b’realiżmu kbir. “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50). U dan il-biża’ mhux biża’ ta’ terrur, imma biża’ ta’ min jieħu bis-serjetà l-liġi t’Alla. L-ewwel nett, l-ewwel għaxar kelmiet tal-ħelsien tagħna – il-Kmandamenti. Jekk aħna rridu nkunu tassew nies li nibżgħu mill-Mulej, mhux nitwerwru minnu, imma nieħdu l-Kelma tiegħu bis-serjetà, għax fiha hemm is-sigriet tal-ħelsien u tal-paċi tagħna: “La toqtolx, la tagħmilx adulterju, la tisraqx, la tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek, la tixtieqx il-ħwejjeġ ta’ ħaddieħor” (Eż 20:13-17). Dawn huma kelmiet li mhux jimponu limitu, imma jimponu r-rispett u l-imħabba. Min jobdihom isir nies, u hu nies; soċjetà li tinsiehom, titkisser, titjassar. Għax f’soċjetà fejn il-ħajja m’għandhiex valur; fejn il-poter jiddeċiedi min jgħix u min imut; fejn il-kelma ma baqgħalhiex irġulija, u l-gidba ssir il-verità; din hija r-riċetta tas-soċjetà li qed tikkundanna lilha nnifisha għas-suwiċidju, għall-mewt tagħha nnifisha. Sidtna Marija, twiegħed ta’ profeta li hi, ‘hienja’ fil-profezija tagħha – il-ħniena t’Alla, imma l-ħniena fuq dawk li jibżgħu minnu.
F’soċjetà fejn il-ħajja m’għandhiex valur; fejn il-poter jiddeċiedi min jgħix u min imut; fejn il-kelma ma baqgħalhiex irġulija, u l-gidba ssir il-verità; din hi r-riċetta tas-soċjetà li qed tikkundanna lilha nifisha għall-mewt tagħha nnifisha.
Tfakkar ukoll, li l-Mulej “wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin” (Lq 1:51-52). Il-ġustizzja ta’ din id-dinja, tista’ tonqosna, tista’ ssir farsa, traġedja; imma l-ġustizzja ta’ Alla sseħħ dejjem, bħalma ngħidu bil-Malti: ‘Alla jdejh twal’. Ejjew nitolbu li l-hena ta’ Marija, tkun ukoll l-hena tagħna, tal-art ħelwa li nsejħu ommna. Waqt li nfittxu l-paċi tal-qalb, nifhmu li jekk ikollna l-hena li hi tagħha, allura qegħdin fiż-żgur. “Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna b’risq Abraham u nislu għal dejjem” (Lq 1: 54-55). Abraham emmen meta ma kienx jista’ jifhem għaliex qiegħed jemmen – temmen b’fiduċja. Fil-mumenti ta’ dlam, ejjew ma naqtgħux qalbna u nibqgħu nittamaw b’risq Abraham u nislu għal dejjem.

Intom u tpoġġu din il-warda prezzjuża mbierka mill-Papa Ljun fit-12 ta’ Awwissu, qisu li qegħdin tagħmlu ġest li huwa impenn. Impenn li aħna nħarsu lejn il-Bambina u f’din it-tfajla titwieled inħaddnu kultura tal-ħajja: li tirrispetta l-bniedem mill-bidu tat-tnissil tiegħu sal-mewt naturali tiegħu. Għaliex dawn huma prinċipji li m’hemmx għalfejn inpoġġuhom għall-vot, għandhom ikunu evidenti. Jekk niddeċiedu li nivvutaw kontra r-rieda mnaqqxa minn Alla f’qalbna, il-ħlas tad-deċiżjoni tagħna jekk ma jasalx illum jasal għada. Apparti l-preżunzjoni li niddeċiedu jekk il-Kmandament t’Alla hux validu għalina jew le; bħalikieku aħna nistgħu niddeċiedu li tista’ toqtol, li tista’ tisraq, u npoġġuha għall-vot. Ħuti, ma nilludux ruħna, dawn il-ġesti sbieħ li qegħdin nagħmlu, u d-deheb li npoġġu fuq ix-xbieha tagħha, ikunu vojta u fiergħa jekk qalbna nbiegħduha mir-rieda t’Alla li jixtiqilna l-aqwa ġid.
M’għandha l-ebda maġija l-warda tad-deheb; anzi tkun insult lil Alla u lill-Madonna jekk ngħidulha: aħna tajniek id-deheb, issa se nagħmlu li rridu.
Id-deheb tal-warda hija l-glorja tal-grazzja t’Alla. Il-warda hija vokazzjoni għall-imħabba, u l-ġest tagħna jrid ikun devozzjoni vera u mhux fiergħa. L-ebda att tagħna mhu se jgħatti d-dnubiet tagħna; id-dnubiet tagħna tgħattihom l-indiema u bil-proponiment li nibdlu ħajjitna, mhux il-warda tad-deheb. M’għandha l-ebda maġija l-warda tad-deheb; anzi tkun insult lil Alla u lill-Madonna jekk ngħidulha: aħna tajniek id-deheb, issa se nagħmlu li rridu.

Nittama li intom, għeżież Naxxarin, qegħdin hawn mhux b’dan il-ħsieb fieragħ. Nemmen li fil-qalb tagħkom tafu tagħrfu s-sewwa u tafu tagħrfu li bil-ġest sabiħ li qed tagħmlu lill-Bambina, ifisser impenn li meta tafu tagħżlu u għandkom tagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin, tagħżlu t-tajjeb; għaliex inkella l-ġesti tagħna jkunu tassew vojta. Intom tifhmuni xi rrid ngħid. U nkun nonqos jekk ma ngħidx dak li għandi ngħid.
Ejjew nitolbu lill-Madonna, f’dawn il-ġranet meta nfakkru l-qawwa tal-interċessjoni tagħha fl-istorja tagħna, illum ukoll għandna bżonn l-interċessjoni tagħha. Illum ukoll, meta l-ħażen ġej minn ġewwa, u meta tħares lejh donnu qed jirbaħ. Ma nħalluhx! Imma dan jiddependi minn kull wieħed u waħda minna. Jalla l-warda li intom tajtu minn qalbkom tkun ukoll balzmu biex jagħtikom kuraġġ u tama. Viva Marija Bambina!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta





