L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“L-għarus”. Ġesù, f’din is-silta mill-Evanġelju, iqabbel lilu nnifsu mal-għarus. Meta l-Fariżej u l-kittieba bdew jilmentaw li d-dixxipli tiegħu “jieklu u jixorbu” (Lq 5:33), filwaqt li ta’ Ġwanni “jsumu u joqogħdu jitolbu” (Lq 5:33), u tal-Fariżej ukoll, Ġesù qalilhom: “Tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom?” (Lq 5:34).

Aħna forsi, meta nisimgħu dil-kelma, ma nifhmux il-qawwa tagħha f’dak iż-żmien. Għax meta Ġesù qed jirreferi għalih innifsu bħala “l-għarus”, qed jgħid li hu l-Mulej. Għaliex, fit-Testment il-Qadim – u l-Fariżej u l-kittieba kienu jafu dan – Alla jqabbel lilu nnifsu mal-għarus. Jekk naraw il-Profeta Isaija u l-Profeta Hosegħa, per eżempju, hemm din it-tixbiha tal-għarus mal-għarusa – Alla l-għarus mal-għarusa, il-poplu tiegħu. Fil-fatt, Isaija jgħid: “Bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu, hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek” (Is 62:5). Għalhekk, meta semma hawnhekk “l-għarus”, ma kienx qed isemmi biss tixbiha oħra, imma kien qed jgħid, fil-fatt, li hu l-Mulej. U li meta għandhom lilu, id-dixxipli għandhom kollox. Jgħid: “Jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom” (Lq 5:35), għax qed jipprevedi diġà, qed iħabbar diġà il-passjoni u l-mewt tiegħu; imma meta għadu magħhom, id-dixxipli jifirħu, jiċċelebraw. 

Dan hu punt importanti għalina, għax Ġesù qed jgħid li meta għandna lilu, aħna għandu jkollna qalbna mimlija bil-paċi u l-ferħ tiegħu. Insumu, meta hemm bżonn, bħalma kien jagħmel Ġesù stess, u bħalma Ġesù stess qal lid-dixxipli tiegħu kif għandhom jagħmlu meta jsumu, imma mhux is-sawm sempliċiment bħala regola jew bħala mezz kif tidher quddiem l-oħrajn li qed issum, imma meta huwa f’ħinu u f’waqtu. Imma l-punt li qed jagħmel Ġesù hawnhekk hu li miegħu għandna għalfejn inkunu ferħanin fil-qalb tagħna, għax għandna lilu, għandna l-aqwa u l-aħjar.

Dan ukoll li jgħid fiż-żewġ tixbihat l-oħra, meta jgħid li int ma traqqax biċċa drapp qadim b’waħda ġdida (ara Lq 5:36) u lanqas tqiegħed inbid ġdid f’damiġġani qodma (ara Lq 5:37-38). Qed jgħid Ġesù: miegħu għandna l-ġdid. Għalhekk, hu mhux sempliċiment xi ħaġa li nżidu ma’ ħajja qadima li ngħixu, speċi: aħna għandna l-ħajja tagħna, imbagħad inżidu xi devozzjoni ’l hawn jew devozzjoni ’l hemm flimkien mal-ħajja qadima tagħna. Imma Ġesù qed jgħid: jien ġejt inġib il-ġdid. Il-ġdid hu l-ħajja tal-grazzja tiegħu, l-Ispirtu tiegħu; li meta ngħixuh, jittrasformana, ibiddilna, ma jħalliniex l-istess. U l-kliem tiegħu għandu ħafna x’jgħidilna għalina personali kif ukoll għall-ħajja tal-Knisja. Aħna rridu dejjem ikollna qalbna miftuħa għall-ġdid li jġib hu fina. U ma npoġġux, qabel dil-ħajja tiegħu, xi tradizzjonijiet li nbnew maż-żmien li llum, flok ta’ għajnuna, jistgħu jkunu ta’ ostaklu. Din fil-ħajja tagħna personali – li aħna, lill-Mulej, irridu nilqgħuh b’qalbna kollha u nħalluh jibdilna, jittrasformana, jagħtina dan il-ġdid tiegħu. 

Imma wkoll fil-ħajja tal-Knisja. Għaliex hu importanti dejjem li nagħmlu distinzjoni bejn it-tagħlim ta’ Ġesù, li jibqa’ l-istess –  u jgħaddu s-snin u s-sekli u t-tagħlim tiegħu jibqa’ l-istess – u l-forma ta’ prattika reliġjuża li tinbidel maż-żmien. Ġieli jiġrilna li għax nintrabtu ma’ forma partikulari, ma jkollniex qalbna miftuħa għall-ġdid li jġib Ġesù. Kultant tisma’, anke fil-komunitajiet tagħna, min jgħidlek, per eżempju: “imma din dejjem hekk għamilnieha!” Mhux qed ngħid għat-tagħlim, qed ngħid għall-prattika pastorali. “Dejjem hekk għamilnieha” – imbagħad meta taħseb xi tfisser “dejjem” – minn żmien Ġesù? Le, “dejjem” għax ilna mitt sena. Jiġifieri kien hemm 1,900 sena meta din ma saritx, u mitt sena meta saret. Mela, mhux dejjem. U l-punt li rridu nistaqsu hu: din it-tradizzjoni, din il-forma, għadha tgħodd illum? Jekk għadha tgħodd, tajjeb li nkompluha, tajjeb li nsaħħuha; jekk ma għadhiex tgħodd, ma għandniex inġibu bħala kriterju “dejjem hekk għamilna”, għax dan ikun ostaklu għall-ħajja tagħna tal-fidi.

Din hija xi ħaġa li rridu nistaqsu lilna nfusna kontinwament, anke fl-istess ċelebrazzjonijiet tagħna, fil-festi tagħna, per eżempju. Jiena ninnota li, qalb tant tiżjin sabiħ fil-festi tagħna – xogħol ġeneruż ta’ volontarji – kultant jiġri li tgħaddi minn fuq bankina, u minħabba tiżjin li sar tul is-snin, ikun hemm ostakli u lanqas tista’ timxi fuq il-bankina. Diversi anzjani tarahom jippruvaw jgħaddu minn hemm, u jkollhom jinżlu fit-triq, għax hemm hemmhekk it-tiżjin tal-festa. Qatt ma għandha tkun li tiżjin ta’ festa reliġjuża jostakola l-post minn fejn jgħaddu n-nies, persuni forsi qegħdin iġorru t-trabi bil-push chair– qatt ma għandha tkun hekk! Imma jista’ jiġrilna li t-tradizzjonijiet tagħna tant nintrabtu magħhom li ngħidu: “jekk din ma tpoġġihiex hemm, fejn se tpoġġiha? Mela ħalliha hemm u n-nies jaraw x’jagħmlu”. Dan hu li qed jgħid Ġesù: aħna għandna nagħtu importanza lil dak li jiġi l-ewwel, il-ħajja li ġibilna hu, u fid-dawl tiegħu naraw tassew it-tradizzjonijet tagħna kemm jibqgħu jgħoddu maż-żmien – għalhekk x’għandna nagħmlu u x’ma għandniex nagħmlu.

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li aħna qalbna, kemm personalment kif ukoll bħala Knisja, bħala komunità, tkun dejjem miftuħa għall-ġdid li jġibilna hu; u dejjem niftakru f’dak li hu l-iktar essenzjali: il-ħajja li jagħtina hu – il-ħajja tal-grazzja – u l-Ispirtu tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta