Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva” (Mattew 10:22). Dan il-kliem ta’ Ġesu jgħid dak kollu li nistgħu ngħidu fuq San Kalċedonju – martri li baqa’ sħiħ sal-aħħar. Aħna llum qegħdin niċċelebraw il-festa tiegħu f’dan il-post qaddis fejn jinsabu l-fdalijiet tiegħu. Il-fdalijiet tal-qaddisin ifakkruna li l-qdusija mhijiex idea astratta, imma realtà li tgħix fil-laħam u d-demm. Il-ġisem li jinsab hawn kien ta’ dixxiplu li ħabb lil Ġesù sal-aħħar.

Kien fl-1753 li l-Papa Benedittu XIV ta lill-Ġiżwiti li kienu f’Malta l-fdalijiet ta’ San Kalċedonju biex jitqiegħdu għall-qima f’din il-kappella li dak iż-żmien kienet parti min dar tal-Irtiri u Eżerċizzi Spiritwali, imsejħa Madonna ta’ Manresa, immexxija mill-Ġiżwiti. Il-Papa kien ġabhom miċ-ċimiterju ta’ Pretestato, f’Ruma, u ta l-fdalijiet tiegħu f’urna li fuqha kien hemm miktub “Calcedonius in pace”. U l-Ġiżwiti xerrdu d-devozzjoni lejh hawnhekk, imma wkoll anke fi Sqallija – billi kienu jagħmlu parti mill-provinċja ta’ Sqallija. Fil-fatt, insibu devozzjoni lejn San Kalċedonju f’Palermo, Messina, f’Catania, u postijiet oħra fi Sqallija – u din id-devozzjoni bdiet proprju minn Malta.

Min kien San Kalċedonju? Nafu ħaġa waħda biss fuqu: li miet martri fi żmien il-persekuzzjonijiet tal-ewwel żminijiet tal-Knisja. Ħafna mid-dettalji ta’ ħajtu ntilfu maż-żmien, iżda dak li hu essenzjali baqa’ magħruf: baqa’ fidil lejn Ġesù sal-aħħar. San Kalċedonju jfakkarna li l-fidi tiswa kollox, għax Ġesù jiswa kollox. Il-qawwa tiegħu ma kinitx ġejja mill-kapaċitajiet tiegħu, imma mill-grazzja ta’ Alla li tah il-kuraġġ biex jibqa’ sod anki quddiem il-mewt. Huwa emmen fil-Mulej li kien diġà rebaħ il-mewt, u għalhekk ma beżax jagħti ħajtu għalih. Ma rridux ninsew kemm għad hawn Insara ppersegwitati f’diversi postijiet, proprju minħabba l-fidi tagħhom. Il-martri mhumiex biss dawk ta’ żmien l-Imperu Ruman, jew ta’ ħafna snin ilu, imma wkoll ta’ żmienna.

X’messaġġ jagħtina San Kalċedonju llum? Ħafna minna probabbilment qatt ma se nkunu msejħin biex insiru martri bl-istess mod. Imma l-kelma ‘martri’ gejja minn kelma Griega li tfisser xhieda. Aħna lkoll imsejħin biex nagħtu xhieda għal Ġesù mhux bilfors bil-mewt tagħna imma bil-ħajja tagħna. Inkunu xhieda tiegħu fid-drawwiet, fl-għażliet, u fl-istil ta’ ħajja tagħna. U nagħmlu dan mingħajr biża’, mingħajr sens ta’ inferjorità. Kultant jista’ jiġrilna hekk: li nkunu kkundizzjonati minn dawk ta’ madwarna, li ma nkunux kapaċi li ngħidu bi kliemna u bl-għemil tagħna: iva, jiena nemmen f’Ġesù, huwa hu li jagħtina d-direzzjoni għall-ħajja tiegħi.

Dix-xhieda aħna nagħtuha meta ngħixu bil-kuraġġ il-valuri li nemmnu fihom: meta niċħdu l-egoiżmu tagħna anke jekk ngħixu f’mentalità li tħeġġek tfittex biss lilek innifsek; meta naħfru lil min ikun weġġagħna, anke meta l-kultura tmexxik lejn il-vendikazzjoni; meta nibqgħu onesti anke jekk ikun ħafna aktar faċli li nqarrqu, meta nibqgħu fidili għat-talb minkejja l-għeja u d-distrazzjonijiet. Dawn huma okkażjonijiet ordinarji li jgħinuna nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. San Kalċedonju jfakkarna li l-fedeltà lejn Alla tibda proprju f’dawn l-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum. Il-fdalijiet li jinsabu f’dan il-post huma siekta, iżda jitkellmu b’vuċi qawwija. Jixhdu li l-grazzja ta’ Alla hi aktar b’saħħitha mill-biża’, aktar b’saħħitha mit-tbatija, u saħansitra aktar b’saħħitha mill-mewt. Jixhdu li l-qdusija mhijiex riservata għal ftit magħżulin, imma hi sejħa għal kull wieħed u waħda minna.

Hekk kif niċċelebraw l-Ewkaristija illum, fil-festa ta’ San Kalċidonju, niftakru li l-istess Ġesù li San Kalċedonju ta ħajtu għalih huwa preżenti hawnhekk f’din il-kappella; ikun preżenti hawnhekk fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Il-martri li darba offra ħajtu għalih issa jinterċedi għalina. Nitolbu li, bl-eżempju tiegħu, nikbru fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba; li jagħtina l-kuraġġ ġdid biex inkunu xhieda ta’ Ġesù Kristu fid-dinja tal-lum; u li, meta tintemm il-mixja tagħna fuq din l-art, aħna wkoll ningħaqdu ma’ San Kalċedonju fil-ferħ ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju