
Nhar it-Tlieta, 30 ta’ Ġunju, il-Palazz ta’ Sant’Anton laqa’ għadd ta’ mistiedna għal serata mużikali organizzata mill-Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono. L-avveniment sar bħala parti mill-ħidma kontinwa favur il-kawża tal-Beatifikazzjoni tal-koppja Maltija Henry u Inez Casolani.
F’diskors dakinhar il-President semmiet kif sentejn qabel, fil-5 ta’ Lulju 2024, kellha l-okkażjoni tattendi għall-għeluq tal-Fażi Djoċesana tal-Kawża, mument li ddeskrivietu bħala pass importanti fil-mixja lejn il-Beatifikazzjoni tal-koppja. Iddeskriviet lil Henry u Inez Casolani bħala koppja li ħalliet warajha “marka ta’ ġid spiritwali, ta’ mħabba lejn il-proxxmu u ta’ xhieda Nisranija”.
“Għexu żmien diffiċli, inklużi s-snin tal-gwerra, iżda qatt ma tilfu l-paċi interjuri u l-fiduċja tagħhom. Id-dar tagħhom kienet tassew ‘knisja domestika’, mibnija fuq it-talb, fuq ir-rispett reċiproku u fuq sens qawwi ta’ servizz lejn min kien fil-bżonn. L-imħabba tagħhom kienet mibnija fuq is-sagrament taż-żwieġ 82 sena ilu u kibret tul is-snin permezz tal-fedeltà, ir-rispett reċiproku u l-fiduċja f’Alla.”

Semmiet ukoll is-sinifikat tal-fatt li l-koppja qed titqies bħala unità waħda fil-kawża għall-beatifikazzjoni tagħhom — rikonoxximent li ż-żwieġ ukoll hu “triq għall-ħajja qaddisa”.
Wara tkellem ukoll Rev. Prof. Hector Scerri dwar ir-relevanza tax-xhieda ta’ Henry u Inez Casolani fis-soċjetà Maltija u kif l-eżempju u l-valuri tagħhom għadhom jgħoddu għal-lum: “il-fedeltà fiż-żwieġ, l-onestà li tibni n-nazzjon, it-talb li jżommna umani, u l-imħabba li tibni l-komunità”.
Żied jgħid kif il-koppja mhijiex “tifkira tal-bieraħ, iżda r-rivoluzzjoni li l-familja Maltija teħtieġ illum. Bl-onestà u l-fidi tagħhom, farrku l-mit li l-qdusija hi għall-ftit magħżula. Ix-xhieda tagħhom tinfed l-indifferenza tagħna: f’dinja ta’ kompromessi u storbju, Henry u Ineż huma l-prova li l-imħabba vera u l-integrità għadhom l-isbaħ u l-aqwa rebħa għall-gżejjer tagħna!” Id-diskors ntemm b’appell biex il-messaġġ ta’ mħabba, fedeltà u servizz li ħalliet il-koppja Casolani jkompli jitwassal lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Wara d-diskorsi sar ingħata kunċert żgħir minn Stefan Calleja fuq il-vjolin u Stephanie Quintano fuq il-pjanu.





