L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mulej tiegħi, u Alla tiegħi” (Ġw 20:28). Din hija talba li ħafna minna ngħidu fil-quddiesa proprju fil-mument tal-konsagrazzjoni, meta l-ħobż jinbidel fil-ġisem ta’ Ġesù, u l-inbid fid-demm ta’ Ġesù. Dak il-ħin ngħidu din it-talba: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Hija talba li għandha l-oriġini tagħha f’dak li smajna llum fl-Evanġelju skont San Ġwann, li qalha San Tumas l-Appostlu. Hija l-iktar stqarrija qawwija ta’ fidi li hemm, fil-fatt, fl-Evanġelju. Imma ħa naraw ftit kif wasal għaliha Tumas, għax aħna lil dan l-appostlu bqajna nagħmlulu timbru ta’ dak li ma emminx, mhux ta’ dak li għamel l-iktar stqarrija qawwija ta’ fidi.
Mal-ewwel tolqtok li meta Ġesù deher lill-appostli tiegħu u Tumas ma kienx magħhom, kif iltaqgħu ma’ Tumas, qalulu: “Rajna l-Mulej” (Ġw 20:25). U ara x’qal hu: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer, u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jiena ma nemminx” (Ġw 20:25). Tolqtok kif ma qalilhomx: jekk ma narax wiċċu. Normalment, inti l-persuna, biex tidentifikaha, tgħid: jekk ma narax wiċċu, ma ngħidx li hu l-istess wieħed. Imma dan mar fuq il-pjagi tiegħu. U qal li jrid jara l-pjagi tiegħu. Jiġifieri jrid jara mhux biss li hu Ġesù li għandhom dehra tiegħu, qisu bħal meta jkollok viżjoni, imma li hu l-istess persuna li ġie msallab, miet, imma issa qam mill-mewt – Ġesù ħaj. Dak li ried.
Proprjament Tumas ma emminx lil sħabu, ma emminx dak li qalulu sħabu. U għalhekk Ġesù, meta mbagħad jerġa’ jiltaqa’ magħhom, tmint ijiem wara, jgħidlu: “Ġib sebgħek hawn, u ara idejja, u ressaq idek u qegħidha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġw 20:27). Fil-fatt, meta jirrifletti fuq dil-ġrajja, San Girgor il-Kbir jgħid li Tumas swielna ta’ ġid kbir għall-fidi tagħna. Anzi, jgħid li “aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu”. Għaliex? Għax bis-saħħa tiegħu, għandna ċ-ċertezza li hu l-istess Ġesù li rxoxta, li qam mill-mewt, li hu ħaj. San Girgor il-Kbir jgħid li meta stiednu biex jara l-ġrieħi tiegħu “fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi”. In-nuqqas ta’ fidi kienet nuqqas ta’ fidi anke fil-komunità li stqarret li hu ħaj, imma dan ried jara hu.
Għalhekk Tumas, imbagħad, jagħmel dik l-istqarrija sabiħa “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Hemmhekk għandna miġbur kollox, għaliex hu ra lil Ġesù rxuxtat, imma l-istqarrija mhijiex: int l-istess Ġesù, u daqshekk. Hija: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Hemmhekk għandna miġbur l-iktar stqarrija importanti tal-fidi tagħna. Għax aħna ma nemmnux f’Ġesù sempliċiment bħala bniedem tal-istorja li għamel ħafna ġid, għamel ħafna mirakli, għallem ħafna; imma Ġesù li rebaħ il-mewt, li issa huwa ħaj, għalhekk hu verament il-Mulej tagħna u Alla tagħna.
Dil-ġrajja hija ta’ għajnuna kbira għall-fidi tagħna. Meta niftakru f’Tumas, veru li l-ewwel ma jiġina f’moħħna hu dak li ma emminx – ma emminx lil sħabu, il-komunità tal-bidu – imma fil-fatt hu dak li bis-saħħa tiegħu issa għandna din l-għajnuna kbira għall-fidi tagħna. Ġesù jispiċċa: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). Min huma dawn? Aħna, fost l-oħrajn, għax aħna ma rajniehx lil Ġesù, bħalma nistgħu naraw bnedmin oħra, imma emminna l-kelma tal-Knisja, u Ġesù jgħidilna henjin. Henjin aħna li ma rajniex u emminna.
Nitolbu lill-Mulej illum, f’din il-festa ta’ San Tumas, biex isaħħaħ il-fidi tagħna. Jgħinna biex aħna nemmnu fih bħala l-Mulej tagħna u Alla tagħna, u biex imbagħad bil-ħajja tagħna, bil-kelma tagħna, bix-xhieda li nagħtu, nwasslu dan lill-oħrajn. It-tradizzjoni tgħid li Tumas mar ’il bogħod, ixandar li Ġesù huwa ħaj. Dak li ried il-provi, ta l-aqwa prova, imbagħad, tal-fidi tiegħu sal-aħħar. Nitolbu lill-Mulej illum biex, bl-interċessjoni ta’ San Tumas, isaħħaħna tassew fil-fidi.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




