
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Faħħru l-Mulej, ġnus kollha, sebbħuh, popli kollha” (Salm 117:1). Hekk tlabna fis-salm f’din il-ġurnata ta’ grazzja meta, mal-Knisja fid-dinja kollha, qed niċċelebraw il-festa ta’ San Tumas Appostlu. Fl-istess waqt din il-komunità f’B’kara qed tagħti ħajr lil Alla għal disgħin sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Dun Filippu Borgia. Żewġ okkażjonijiet li jidhru differenti, iżda li għandu jkollhom ħaġa waħda komuni: il-fidi li ssir xhieda.
San Tumas għadda minn esperjenza ta’ mistoqsijiet, dubji u tfittxija sakemm wasal biex għamel l-iktar stqarrija qawwija tal-fidi fl-Evanġelju: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20:28). Kienet stqarrija li għamel, hekk kif għaraf lil Ġesù Rxoxt – esperjenza li bidlitlu ħajtu. It-tradizzjoni tgħidilna li wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli f’Pentekoste, hu ma baqax magħluq fiċ-ċenaklu, imma mar sa truf id-dinja biex ixandar lil Ġesù Kristu. Min kien talab il-provi, spiċċa jagħti l-akbar prova: ta ħajtu għall-Mulej.
San Tumas hu ta’ għajnuna kbira għall-fidi tagħna. Jgħallimna li Alla ma jibżax mid-dubji tagħna. Alla ma jirrifjutax lil min jistaqsi. Dak li ma jridx huwa qalb magħluqa. Tumas ma kienx bniedem indifferenti; kien bniedem li ried il-verità. U meta ltaqa’ ma’ Kristu Rxoxt, il-verità saret persuna li bidlitlu ħajtu.
Gratitudni
Il-fidi qatt ma hija rigal biex jinżamm għalina biss. Il-fidi għandha dejjem twassal għall-azzjoni. U proprju hawnhekk naraw l-istorja tas-Soċjetà Dun Filippu Borgia. Bħal-lum disgħin sena ilu, proprju fit-3 ta’ Lulju 1936, twaqqfet is-Soċjetà. Kien hemm nies li emmnu li l-Proto-Kolleġġjata ta’ Sant’ Elena Imperatriċi Awgusta kien jixirqilha l-aħjar. Imma meta twaqqfet is-Soċjetà ma kinux qed jibnu sempliċement għaqda ġdida. Kienu qed jibnu Soċjetà li taħdem għall-komunità. Kienu qed joħolqu spazju fejn il-fidi tiltaqa’ mal-kultura, fejn id-devozzjoni tiltaqa’ mal-ġmiel, fejn il-ġenerazzjonijiet jitgħallmu jħobbu lill-Knisja u l-patrimonju tagħha.
Disgħin sena jfissru tant u tant sigħat ta’ xogħol fil-kwiet, ta’ nies li taw il-ħin tagħhom. oħrajn li offrew il-ħiliet tagħhom, oħrajn li ġarrew responsabbiltajiet. Xi wħud għadhom magħna; ħafna oħrajn għaddew għall-ħajja ta’ dejjem.
Illum ma nistgħux ma niftakrux fihom bi gratitudni. Kull ġenerazzjoni bniet fuq is-sagrifiċċji ta’ qabilha. Kull suċċess tal-lum għandu l-għeruq tiegħu fil-fedeltà ta’ min ġie qabel. Għalhekk aħna grati.
Mhijiex biss spettaklu
F’Malta kultant nirriskjaw li nidentifikaw il-knisja ma’ dak li jidher minn barra, bħalma kultant nidentifikaw il-festa biss mal-briju, mal-armar jew mal-marċi. Dawn huma sbieħ u jagħmlu parti mill-identità tagħna, imma jekk nieqfu biss fil-faċċata ta’ barra, inkunu tlifna l-qalba.
Bħalma smajna lil San Pawl jgħid lill-Filippin: “Kristu Ġesù hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll, fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla” (Ef 2:21-22).
Il-kolleġġjata teżisti għax hemm Kristu Ġesù li hu l-ġebla tax-xewka. Hemm l-Ewkaristija u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, hemm il-Kelma ta’ Alla, hemm Sant’Elena li kontinwament teħodna għand Ġesù l-Mulej. San Tumas ma qalx: “Ammirajt lil Ġesù”. Qal: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Il-ħajja tal-Knisja għandha twassal għal din il-professjoni tal-fidi.
Kull ħidma tal-Knisja għandu jkollha dan il-għan: li tgħin lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu, biex ikun jista’ jistqarr “Mulej tiegħi, u Alla tiegħi!”
Il-fundatur
Is-soċjetà ġġib l-isem ta’ Dun Filippu Borgia, il-fundatur, wieħed mill-iktar saċerdoti Maltin influwenti fis-seklu sbatax – saċerdot li ħabb lill-Knisja u lill-poplu tiegħu. Saċerdot li ħabb b’mod qawwi l-poplu ta’ B’kara.
L-akbar ġieħ li nistgħu nagħtu lil Dun Filippu mhuwiex biss li niftakru fih u nsemmuh, iżda li nimitawh: billi nfittxu dejjem dak li hu sewwa, billi naqdu, billi naħdmu għall-ġid tal-komunità, billi npoġġu dejjem lill-Mulej fiċ-ċentru, u l-ħidma tagħna tkun dejjem għall-glorja tiegħu.
Il-wirt u l-futur
Disgħin sena jgħallmuk ħafna. Din l-esperjenza ta’ tagħlim tgħinna biex inħarsu ’l quddiem. Irridu nistaqsu: x’se nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri, dawk li ġejjin warajna?
Irridu nħallu l-patrimonju kollu artistiku, reliġjuż u kulturali tal-Kolleġġjata – dan huwa importanti u għandu jiġi mħares b’għożża. Imma jien nistedinkom biex taħsbu wkoll f’patrimonju ieħor, li għandu jiġi l-ewwel: il-fidi, l-għaqda, l-imħabba lejn il-Knisja, u dawk il-valuri kollha Nsara li jibnu komunità tassew umana. Illum għandna bżonn żgħażagħ mhux biss biex ikomplu tradizzjoni, imma biex jagħmlu tagħhom il-missjoni tal-Knisja. Il-futur tas-Soċjetà Dun Filippu Borgia jiddependi prinċipalment fuq kemm għandha qlub li jgħożżu u jgħixu l-valuri Nsara.
Mill-fidi għax-xhieda
L-Evanġelju jispiċċa bil-kelmiet ta’ Ġesù: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). Aħna fost dawk il-henjin. Ma rajniex lil Ġesù bil-għajnejn ta’ ġisimna. Imma rajnieh bl-għajnejn tal-fidi. Rajnieh jaħdem fil-ħajja tagħna, fil-familji tagħna, fil-komunità tagħna. Rajnieh f’dawk li, għal disgħin sena, servew b’ġenerożità, b’dedikazzjoni u b’imħabba.
Għalhekk illum nitolbu lil San Tumas biex jgħinna nagħmlu l-istqarrija tiegħu mhux biss bix-xufftejn iżda b’ħajjitna. Nitlob ukoll biex din is-Soċjetà, li għal disgħin sena tat tant lill-Kolleġġjata ta’ Sant’ Elena, tkun dejjem skola ta’ fraternità, ta’ servizz u ta’ fidi, f’kollaborazzjoni u f’għaqda sħiħa mal-Kapitlu Elenjan. Jalla kull membru tagħha jkun mhux biss difensur tal-Kolleġġjata, imma dixxiplu ta’ Kristu.
Jalla jkollna fuq f’qalbna u fuq fommna l-istqarrija sabiħa u qawwija ta’ Tumas – “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Din l-istqarrija ngħiduha dejjem lil Ġesù ħaj fostna. Irridu noqogħdu dejjem attenti li ma nċedux għat-tentazzjoni li nagħmlu l-mulej tagħna u l-alla tagħna xogħol idejna, jew wirt ħidmietna, imma jibqa’ Ġesù ħaj li jispirana, li jmexxina. Jalla din l-istqarrija tkun dejjem bħala xhieda u tifħir fuq fomm is-Soċjetà Dun Filippu Borgia għas-snin li ġejjin.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




