Skoperta minn studjużi tal-Università ta’ Würzburg fil-Ġermanja wasslet biex ġew identifikati żewġ omeliji ta’ Santu Wistin, iktar minn 16-il seklu wara mewtu.

Ir-riċerkaturi kienu qed jistudjaw manuskritt tas-seklu 12 li kien ippreservat f’monasteru fil-Polonja. Filwaqt li f’dan il-manuskritt kien hemm 6 prietki attribwiti lil Santu Wistin, 2 minnhom qatt ma kienu ġew identifikati minn studjużi.

Iż-żewġ omeliji jitrattaw l-episodju bibliku mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel meta r-Re Sawl ifittex lis-saħħara ta’ Endor biex ikun jista’ jagħmel komunikat mal-profeta Samwel qabel il-battalja.

Il-Professur Christian Tornau li mexxa l-istudju qal li Santu Wistin ma kienx jagħti tweġibiet sempliċi għall-mistoqsijiet li tqanqal l-Iskrittura. Dan wassal biex id-Duttur tal-Knisja kien iħeġġeġ lill-fidili biex jirriflettu u jfittxu li jifhmu l-Kelma ta’ Alla.

L-awtentiċità tal-omeliji ġiet ikkonfermata minn madwar 20 espert fil-Letteratura Latina Nisranija li qablu unanimament li dawn it-testi huma ġenwini u attribwiti lil Santu Wistin. Din l-iskoperta qed titqies bħala avveniment importanti ħafna fid-dinja tal-istudji Patristiċi hekk kif skoperti ġodda relatati ma’ Santu Wistin mhumiex wisq komuni.

Imwieled fis-sena 354 WK, l-Isqof ta’ Ippona jibqa’ wieħed mill-iktar teologi influwenti fl-Istorja tal-Kristjaneżmu, magħruf l-iktar għall-kitbiet tiegħu L-Istqarrijiet u Il-Belt ta’ Alla. Permezz tal-Papa Ljun XIV, l-Insara kollha qed jiġu dejjem iktar konxji mir-rikkezza ta’ dan il-qaddis li għaraf il-bżonn ta’ Alla f’ħajtu wara tant episodji ta’ kriżi interjuri.

Ir-riċerkaturi qed jistennew li l-ewwel pubblikazzjoni uffiċjali ta’ dawn l-omeliji ssir aktar tard matul din is-sena.

Sors: Newsbook Malta