L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Resaq fuqu wieħed lebbruż” (Mt 8:2). Hekk naqraw fir-rakkont illum, mill-Evanġelju skont San Mattew. Għall-ewwel, meta taqra din is-silta, tgħid: hu ovvju, jekk dan kien marid u ried li Ġesù jfejqu, mhux jersaq fuqu? Imma, meta tkun taf li dak iż-żmien lebbruż ma setax jersaq lejn ħaddieħor, tinduna x’differenza hemm f’din is-silta speċjalment dwar dan il-lebbruż. Dak iż-żmien, lebbruż ma setax jersaq lejn ħaddieħor; anzi, skont il-liġi tagħhom, kellu jgħajjat biex ħaddieħor jitbiegħed minnu. Mhux biss ma jersaq lejh u, kif naqraw fl-Evanġelju jinxteħet quddiemu, imma jgħajjat biex min ikun riesaq, jitbiegħed minnu.

Dak iż-żmien kellhom dawn il-liġijiet anke biex iħarsu s-saħħa tan-nies. Għalhekk kienu jgħidu: ladarba hemm xi ħadd li għandu marda bħal din, li tittieħed, aħjar ikun ’il bogħod min-nies, u aħjar javża lin-nies biex ma jersqux lejh. Kien diffiċli għal min hu lebbruż, għax ma kinetx biss din marda kerha, imma kienet marda li temarġina, tqiegħed fil-ġenb lil min kien lebbruż, taqtgħu ’l barra mis-soċjetà.

Ħa naraw ftit x’għamel Ġesù. Hawnhekk, f’din is-silta, l-ewwel ħaġa li jgħidlek hu: “folol kbar marru warajh” (Mt 8:1). U sadattant, minkejja dawn il-folol kbar miegħu, Ġesù jieqaf quddiem dan il-bniedem fil-bżonn, dan il-lebbruż, u jisma’ din it-talba tiegħu, meta jgħidlu: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni” (Mt 8:2). U Ġesù jagħmel xi ħaġa oħra. Mhux jgħidlu biss: kun imfejjaq, u jibqa’ għaddej. L-Evanġelju jgħid: “medd idu fuqu, messu” (Mt 8:3). Issa l-lebbruż ma setax suppost jersaq lejn Ġesù, anzi jgħajjat biex dak li jkun ma jersaqx lejh għax lebbruż; u, ovvjament, ħaddieħor ma setax imiss wieħed lebbruż. Dik żgur xi ħaġa li ma għandekx tagħmel. Aħna niftakru, fiż-żmien tal-Covid, dik waħda milli kienu jgħidu: toqgħod attent u ma tmissx, għaliex faċli li tittieħed. 

Imma Ġesù hekk għamel. U ninnutaw dan b’enfasi. Għax Ġesù għamel mirakli oħra ta’ fejqan mill-bogħod. Per eżempju, niftakru meta fejjaq lill-qaddej taċ-ċenturjun. Lanqas mar. Dan qallu: “ordna biss b’kelma” (Mt 8:8), u Ġesù fejqu b’kelma. Lanqas mar ħdejh, fejqu mill-bogħod. Imma lil dan, ried apposta jmissu, iqiegħed idejh fuqu, biex juri li tassew qed ifejjaq lil-lebbruż. Ma kienx hemm riskju li hu jittieħed minn din il-marda, imma hu kien qed ifejjaq lil dan il-lebbruż mill-marda tal-lebbra.

Kemm hi sabiħa meta niftakru li Ġesù hawnhekk ried juri tassew li l-fejqan li jagħti l-Mulej hu fejqan sħiħ. Lil dan il-lebbruż għenu mhux biss billi fejqu mill-marda, imma wkoll billi reġa’ integrah fis-soċjetà. Għalhekk jgħidlu: “mur uri ruħek lill-qassis u agħmel l-offerta li ordna Mose biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt” (Mt 8:4), biex juri li issa reġa’ lura bħala parti integrali mis-soċjetà, mhux maqtugħ għalih, mhux imwarrab. Il-Papa Benedittu XVI għandu riflessjoni sabiħa fuq din il-ġrajja. Jgħid: fil-ġest ta’ Ġesù f’din il-ġrajja, u fil-kelma tiegħu, għandna miġbura l-Istorja tas-Salvazzjoni. Għax Alla hu dak li jfejjaqna, li jsalvana, u li jrid tassew jerġa’ jintegrana lura fil-familja tiegħu. Għalhekk hi sabiħa ħafna din il-ġrajja, għax tfakkarna proprju f’dak li Ġesù kien jagħmel, kif kienet il-missjoni tiegħu, li wettaqha b’tant imħabba u ġenerożità.

Illum irridu niftakru li magħna wkoll jagħmel l-istess il-Mulej, jekk aħna nħalluh. Lilna wkoll ifejjaqna. Jista’ jkun mill-mard fiżiku, imma ħafna drabi l-fejqan li jkollna bżonn l-ewwel, u l-aktar importanti, hu l-fejqan minn ġewwa. Kultant fejqan emozzjonali, kultant fejqan minn mard li ma jħalliniex ngħixu fil-paċi. Ġesù jagħtina l-paċi, is-serenità, il-ferħ tiegħu. Għalhekk tajjeb li aħna nagħmlulu din it-talba li għamillu l-lebbruż, b’dik il-fidi u b’dak il-kuraġġ: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni”. U nħallu lil Ġesù li jqiegħed idu fuqna, imiss il-ferita tagħna, u lilna jfejjaqna u jagħtina tassew il-paċi u l-ferħ tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta