
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nixtieq noffri din il-meditazzjoni anki biex ngħinu lilna nfusna nidħlu fl-ispirtu tat-talb, issa li qegħdin fil-qofol tal-Avvent. Nirringrazzja lil kull min organizza dan in-nofstanhar flimkien. Nawgura li ma jkunx biss laqgħa ta’ bejnietna għalkemm hija importanti ħafna li nkunu preżenti għal xulxin imma wkoll nagħtu ftit ħin lilna nfusna, b’mod speċjali fil-mument tal-adorazzjoni u mbagħad il-quddiesa, biex niltaqgħu mal-Mulej.
Xtaqt naqsam magħkom ħsibijiet ħfief dwar it-tliet miġjiet li qed infakkru, ngħixu u niċċelebraw f’dan l-istaġun qawwi. L-idea hi ta’ San Bernard ta’ Clairvaux li twieled fis-sena li Malta, flimkien ma’ Sqallija, ġiet liberata mill-Musulmani bil-wasla tan-Normanni tal-Konti Ruġġieru. Malta sfat assedjata u meħuda mill-Musulmani bejn it-870 u l-1090. San Bernard twieled fl-1090 u miet fl-1153. Huwa magħruf ukoll bħala dak li kiteb b’mod meraviljuż fuq Sidtna Marija. Fil-fatt fl-Avvent naqraw diversi kitbiet ta’ San Bernard, b’mod speċjali iżjed ma’ joqrob il-Milied.
F’waħda mill-kitbiet tiegħu, li l-Knisja tipproponi fl-ewwel ġimgħa tal-Avvent, mid-diskorsi ta’ San Bernard Abbati, tgħid hekk: “Tlieta huma l-miġjiet tal-Mulej li nafu bihom. It-tielet waħda hija bejn it-tnejn l-oħra. Dawn it-tnejn huma bid-deher imma l-oħra le. Bl-ewwel miġja deher fid-dinja, u għex mal-bnedmin, meta l-bnedmin rawh u bagħduh, kif jgħidilna huwa stess. Fit-tieni waħda, il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna u qed iħarsu lejn min nifdu. Il-miġja tan-nofs issir fil-moħbi. Permezz tagħha, il-magħżulin biss jarawh fihom infushom u jaqilgħu s-salvazzjoni ta’ ruħhom. Mela fl-ewwel miġja, ġie fil-ġisem bħala bniedem dgħajjef, f’dik tan-nofs jiġi bl-ispirtu u l-qawwa tiegħu, imbagħad fl-aħħar jiġi fil-glorja u l-kobor tiegħu.” Ħa nippruvaw nifhmu x’qed jgħidilna San Bernard.
Mela ‘adventus’ bil-Latin tfisser ‘miġja’ – mela qed nistennew lil xi ħadd li ġej. Għandna miġja, u l-miġja, speċjalment jekk hu xi ħadd maħbub, tqanqal fina sentimenti ta’ stennija. Kif tafu aħna fl-Avvent, l-ewwel parti niċċelebraw u nistennew it-tieni miġja ta’ Ġesù li hija fl-aħħar tad-dinja, u għal kull wieħed u waħda minna, fl-aħħar ta’ ħajjitna.
Din il-miġja għandha wkoll żewġ aspetti: personali u universali. L-ewwel miġja, li mbagħad niċċelebraw lejn l-aħħar ta’ dan l-istaġun, hija dik storika, fl-inkarnazzjoni li seħħet madwar sitt snin qabel Kristu għax sfortunatament minħabba, kif tafu, żball ta’ Dionysius Exiguus. Kienu jgħidulu ‘exiguus’ għax kien ċkejken.
Dionysius Exiguus kien dak li tagħna t-timeline tar-rendenzjoni, kien hu li għamel iz-zero – Before Christ u Anno Domini (After Christ), imma żbalja b’sitt snin – xi ħaġa li jammetti wkoll il-Kardinal Ratzinger f’diversi kitbiet ta’ qabel il-millenju. Allura, Ġesù Kristu verament twieled 6BC – twieled Before Christ. U fil-fatt hemm prolużjoni, xi sitt snin qabel il-millennju tal-Kardinal Ratzinger, biex spjega li verament il-millennju issa, imma se nagħmluh sitt snin oħra, jiġifieri ammetta li Dionysius Exiguus ħa żball imma bqajna bih ovvjament, imma storikament, it-twelid ta’ Ġesù sar sitt snin qabel ż-0 AD.
Jiġifieri lejn l-aħħar ta’ dan l-istaġun se nikkommemoraw u nfakkru avveniment storiku. Fil-bidu ta’ dan l-Avvent qed infakkru xi ħaġa li għalina hija ċerta – parti mill-Kredu ta’ Niċea, li għalaq 1,700 sena – tela’ fis-smewwiet u minn hemm għandu jiġi fil-glorja biex jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin. Din hi l-fidi tagħna li niċċelebraw f’kull quddiesa wara l-konsagrazzjoni: “inħabbru l-mewt tiegħek, Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek, nistennewk sa ma tiġi fil-glorja” – nistennewk.
Dan b’xi mod huwa wkoll aspett tal-ħajja tagħna. L-Avvent mhuwiex dawn l-erba’ ġimgħat li qed niċċelebraw issa, imma jekk nidħlu fl-ispiritwalità tiegħu, huwa dimensjoni tal-ħajja Nisranija tagħna. Qed ngħixu f’din it-tensjoni ta’ ‘issa’ u ‘mbagħad’, ‘nondum’ – aktar ’il quddiem, għadu ma ġiex, imma ġej, għandu jiġi. Nistennewk sa ma’ tiġi fil-glorja. Din l-espressjoni meħuda minn Mattew 25 kif tafu, meta Ġesù jitkellem fuq il-laqgħa mal-ġnus u jgħid, “Taraw lill-bniedem ġej fil-glorja” (Mt 25:31-46), xi ħaġa li jgħidha Ġesù stess. Din l-espressjoni hi biblika u hija propju tal-Imgħallem stess – “jiġi fil-glorja”.
Imma jekk nibdew bl-ewwel miġja tiegħu fl-istorja, irridu l-ewwel nett nifhmu li l-Avvent mhuwiex l-Avvent tax-xinxilli imma hemm spiritwalità partikolari ta’ din il-miġja li ġrat fl-istorja u tajjeb li nagħtu importanza lill-misteru tal-Milied għax ikkommerċjalizzajnieh tant, li sar kollox ġelu, mentri l-ġrajja tal-Milied hija kkumplikata ħafna. Jekk trid tifhem kemm hi kkumplikata, tkellem ma’ żewġ żgħażagħ minn Nazaret li kien jisimhom Marija u Ġużeppi u kif din l-iruzzjoni tad-divinità fil-ħajja tagħhom, fil-ġuf ta’ Marija u fil-paternità ta’ Ġużeppi kkumplikatilhom il-ħajja, biddlitilhom il-vokazzjoni tagħhom, il-mudell tal-imħabba ta’ bejniethom u r-rwol li għandhom fl-istorja tal-umanità sal-lum.
Nixtieq li l-ewwel parti ta’ dir-riflessjoni jkollha ovvjament tliet mumenti: l-ewwel miġja, il-miġja tan-nofs, u l-aħħar miġja – ‘it-tliet miġjiet’ skont l-intuwizzjoni feliċi ta’ San Bernard. Imma jekk irridu nifhmu l-ispiritwalità vera tal-Milied, irridu nifhmuha wkoll fl-Innu Kristoloġiku – meta ngħidu ‘Kristoloġiku’ jiġifieri jitkellem dwar Ġesù – li nsibu fl-ittra ta’ San Pawl l-Appostlu Missierna lill-Fillippin (Fil 2:5-11). Kien qed ikellem lill-komunità għażiża ħafna għalih, ta’ Filippu u qed jipprova jfarraġhom imma b’mod konkret. Ninsisti fuq il-kelma ‘faraġ’ għax insibuha fit-tliet miġjiet ta’ Ġesù.
“Jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu, jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba” (Fil 2:1). Biex ngħidu hekk, dawn l-atteġjamenti li fuqhom qed jitkellem Pawlu jsiru fihom infushom aġenda sabiħa għall-istaġun tal-Milied, tal-Milied ta’ vera. “Faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda” (Fil 2:1).
Xirka hija komunjoni. Pawlu qed jagħmel ipoteżi għax dawn huma affarijiet li se jsibhom fil-komunità, anki f’qalbna, anki jekk nagħmlu għażla konxja li tkun l-istil ta’ ħajjitna. Prattikament qed jitlobhom bil-ħniena biex ikunu “fehma waħda u mlewni bil-ferħ. Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda, u ħsieb wieħed, tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għal ftaħir fieragħ imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom m’għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor” (Fil 2:1-4).
Aġenda qawwija li titlob minna deċiżjoni, mhux sempliċiment sentiment. “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2:5). Hawnhekk Pawlu jdaħħalna fil-mentalità ta’ Ġesù imma rridu nifhmu li din l-eżortazzjoni li jagħmilha billi jaddotta innu x’aktarx liturġiku ta’ żmienu, tal-ewwel komunità, hija parenetika – mod kif lilna jikkonvinċina li l-atteġjamenti li semma qabel għandhom is-sies tagħhom fl-imitazzjoni ta’ Kristu.
“Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:5-8). Dan il-moviment ta’ tixjin, li xi ħadd li huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem iċekken lilu nnifsu, bil-Grieg jissejjaħ ‘katabasis’, li ‘tinżel’. Dan l-inżul.
Aħna dan qed niċċelebraw fil-Milied, apparti d-dwal u l-festini, għiduli x’għandu x’jaqsam ma’ Ġesù Kristu dan kollu. Ejjew nieqfu ftit biex naduraw l-Iben ta’ Alla għax dan il-ħsieb tiegħu, li jċekken lilu nnifsu. Din l-umiltà mhix umiltà ta’ rassenjazzjoni imma umiltà mħaddna konxjament bħala espressjoni ta’ mħabba kbira, kif ukoll ta’ ubbidjenza. “Obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet” (Fil 2:8). Issa għandna l-‘anabasis’, ‘it-tlugħ’, mela għandna l-inżul u t-tlugħ. “Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem. Biex fl-isem ta’ Ġesù fis-sema u fl-art, u f’qiegħ l-art, il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom u kull ilsien jistqarr Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2: 9-10).
Dan huwa l-ispirtu tal-Milied, il-miġja, l-ewwel miġja fl-istorja. Aħna fl-Avvent nibdew bl-aħħar u nispiċċaw bl-ewwel, imma storikament u kronoloġikament irridu niċċelebraw dan il-misteru kbir tal-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla li jieħu l-ġisem: ‘Verbum Dei, Caro Factum Est’, l-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna. Hu l-fidwa tagħna bis-salib u l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Aħna għandna dan il-privileġġ li ħaddieħor mhux se jkollu. Qed ngħixu bejn il-millennju l-kbir – il-Ġublew il-kbir li ċċelebrajna fis-sena 2000 tal-inkarnazzjoni u fis-sena 2033 se niċċelebraw l-2000 sena mill-qawmien ta’ Ġesù. Aħna propju l-ġenerazzjoni millennarja jekk il-Mulej iħallina ħajjin (m’aħniex mgħaġġlin evidentament għat-tielet laqgħa, għat-tielet miġja). Għat-tielet miġja dejjem ngħidlu, meta trid, imma m’iniex mgħaġġel. Imma jekk inħares lejn presepju mimli pasturi, f’dik il-geġwiġija ta’ sbuħija, hemm l-Iben ta’ Alla li jidħol fil-kaos tal-umanità u jsir wieħed minna.
Mhux ta’ b’xejn ismu fil-misteru tal-ewwel miġja huwa ‘Għimmanu-El’ – ‘Alla magħna’. U x’inhi l-ispiritwalità vera tal-Milied? Jekk tridu tmorru fit-Testment il-Ġdid, Filippin Kap. 2, forsi jkollok l-opportunità tagħmel meditazzjoni ma’ grupp jew waħdek u tistaqsi x’inhu l-qofol tal-ispirtu tal-Milied. Aqbad l-ewwel vers, dawk is-sentimenti kollha li jsemmi l-Appostlu San Pawl Missierna, inkluż l-Innu Liturġiku tal-Filippin li għandu l-inżul u t-tlugħ, dak huwa l-ispiritwalità vera tal-ġranet sbieħ li qegħdin niċċelebraw. Ma ninsewx, jekk irridu nifhmu l-qalb ta’ Ġesù, irridu nisimgħu lilu jgħid: “Tgħallmu minni għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29) “Tgħallmu minni” – ftit jgħidha imma jgħidha.
San Ġorġ Preca kien kiteb ‘L-Iskola ta’ Betlem’ – 15-il meditazzjoni għan-novena tal-Milied u fih jiddiskuti x’jgħallimna Ġesù fil-misteru tal-inkarnazzjoni. Imma jekk irridu mmorru lejn l-Iskrittura direttament u nifhmu x’inhu l-ispirtu vera tal-Milied, allura ejjew nerġgħu nisimgħu din il-lista sabiħa li Pawlu, l-Appostlu Missierna jsemmi lill-Filippin bħala l-atteġjamenti bbażati fuq l-imitazzjoni ta’ Kristu: ‘faraġ’, kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba, ‘xirka fl-ispirtu’ jew ‘komunjoni fl-ispirtu’, ‘ħniena u mogħdrija’, ‘li jkunu fehma waħda, ħa jkollkom l-istess imħabba, ruħ waħda u ħsieb wieħed’.
Dan hu l-awgurju tiegħi, li aħna u niċċelebraw l-ewwel miġja ta’ Ġesù, nifhmu li hi stedina li tiġġedded kull sena biex nidħlu fl-ispiritwalità ta’ Alla li sar bniedem għalina.
It-tieni miġja
It-tieni miġja li ma tantx nisimgħu dwarha, qiegħda sseħħ issa u sseħħ kuljum. Isimgħu naqra x’jgħid San Bernard dwarha. Il-miġja tan-nofs iqisha t-triq li twassal mill-ewwel mill-inkarnazzjoni għat-tieni miġja. Fl-ewwel waħda Kristu kien il-fidwa tagħna. Fit-tieni dehra jkun il-ħajja tagħna. Waqt li fil-miġja tan-nofs hu l-mistrieħ u l-faraġ tagħna. Terġa’ tirrepeti ruħha l-kelma ‘faraġ’. Mela l-miġja, it-tieni miġja li qed niċċelebraw kull jum ta’ ħajjitna hi ‘mistrieħ’ (bil-Latin ‘requies’) u ‘faraġ’ – ‘requies ed consolatio’ (mistrieħ u faraġ). Ġesù jżurek bil-mistrieħ u l-paċi fil-qalb tiegħek, u bil-faraġ. Din hi t-tieni miġja li fuqha nixtieq nieqfu ftit.
X’inhu, biex ngħidu hekk, l-għerq bibliku ta’ dit-tieni miġja jew il-miġja tan-nofs kif isejħilha San Bernard? Nissuġġerilkom l-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin Kap. 2 u l-Kap. 14 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann – ftit siltiet li jistgħu jgħinukom fit-talb tagħkom f’dawn il-ġimgħat li ġejjin. Il-kapitlu 14 għandu diversi djalogi. Ġesù ħin minnhom, immaġinaw l-aħħar ċena kif pinġieha Leonardo Da Vinci. Da Vinci immortalizza l-mument meta Ġesù jgħidilhom, “Wieħed minnkom se jittradini” (Ġw 13:21). L-istudju li sar, għax kif tafu fil-pittura straordinarja ta’ Leonardo Da Vinci, l-idejn ta’ kull appostlu jitkellmu inkluż ta’ Ġuda li qed iħaddan il-flus b’ċerta akkaniment. U Ġesù, il-mod kif qed jiddjaloga b’idejh, bħalma kienu jagħmlu u għadhom jagħmlu ikoni Ortodossi, l-idejn li jitkellmu, immortalalna dak il-mument.
Imma f’dak id-djalogu, il-Kapitlu 14, Ġesù jitkellem ma’ diversi dixxippli. Fl-Evanġelju, qed naqra l-Kapitlu 14 ta’ Ġwanni vers 22, Ġuda l-ieħor, mhux l-Iskarjota, qal lil Ġesù, “Mulej, din kif inhi li inti se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja? Ġesù wieġbu, “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmnti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw14:22-24). San Bernard waqaf fuq dan il-verb: “aħna niġu u ngħammru għandu.” Kemm hi ħaġa kbira din.
Ġesù, fil-Kapitlu 14 ta’ San Ġwann, jitkellem dwar il-ħajja ta’ Alla fik u fija. Aħna niġu u ngħammru għandu. Għal Ġesù mhumiex importanti l-likes fuq il-Facebook jew is-sensazzjonaliżmu tal-preżenza tiegħu imma li nitgħallmu ngħixu fil-preżenza tiegħu u nħossu l-paċi u l-faraġ tiegħu f’qalbna u f’ruħna. Hu interessat li bejn l-ewwel miġja tiegħu bħala bniedem u t-tieni miġja tiegħu jew l-aħħar miġja (San Bernard jgħidilha t-tielet miġja) bħala mħallef fil-glorja tiegħu jkun magħna. Ikun Għimmanu-El. Ma kienx Għimmanu-El biss fil-misteru tal-inkarnazzjoni meta sar bniedem imma hu magħna llum ukoll, illum ukoll huwa ‘Yeshua’, ‘Alla li jsalva’, illum ukoll huwa ‘Alla magħna’. “Ma nħallikomx waħedkom. Jiena magħkom sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Jien għalikom Għimmanu-El. Jiena magħkom dejjem.
Imma x’inhu l-muftieħ ta’ din il-miġja? U hawnhekk hawn l-irwol tiegħi u tiegħek għaliex din il-miġja hi miġja intima u personali, mhix sfurzata, daqskemm ma kinitx sfurzata l-ewwel waħda. L-anġlu Gabrijel lil Marija ta’ Nazaret jagħmlilha proposta. Tassew kellha n-novizzjat tagħha mit-tnissil tagħha, il-Mulej għamilha totalment libera biex tkun tista’ tgħidlu ‘iva’. Imma ma neħħilhiex il-libertà tagħha (ara Lq 1:34-35). Ħalliha libera, ħarisha minn kull dnub. Alla ħelisna mid-dnub, lilha ħarisha mid-dnub biex il-proposta tkun safja u r-risposta tagħha tkun safja wkoll. Imma d-domanda għamilhielha.

F’San Bernard stess naqrawha lejn l-aħħar jiem tal-Avvent, għandu dan l-appell, “ħu paċenzja, għidlu ‘iva’ malajr għax qed nistennew. Għidlu ‘iva’ malajr, tittardjax. Ma jmurx jerġa’ jibdhielu u jitlaq ’l hemm u aħna nibqgħu fil-ħama li wasalna fih b’idejna stess.” Hemm paġna kommoventi ta’ San Bernard li jidħol fi djalogu mal-Madonna fil-Misteru tal-Annunzjazzjoni u jgħidilha: “Qed nistennew ir-risposta tiegħek, l-univers kollu qed jistenna r-risposta tiegħek. Minn dik ‘l-iva’ tiegħek tiddependi s-salvazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna. Għamlilna pjaċir, għidlu iva!” Għax din miskina, qaltlu “imma dan kif jista’ jkun, x’se ngħidlu lil Ġużeppi jien? ” Immaġinaw din Marija tgħid lil Ġużeppi bit-tqala b’tifel li mhuwiex tiegħu. U Alla, skont San Mattew imbagħad, kellu jintervjeni u jgħidlu: “Xejn la tibża’” (Mt 1:20).
Imma aħna nafu li t-tnejn li huma kienu umiljati fil-komunità tagħhom. Min jaf sħabu. Immaġinaw dawn iż-żewġ żgħażagħ f’liema kumplikazzjoni sabu ruħhom. U Alla jagħmel proposta lil din il-mara sabiħa minn ġewwa, imnissla mingħajr tebgħa, biex tkun tista’ tagħtih l-‘iva’ tagħha totali f’isimna u tħassar il-‘le’ ta’ Adam u ta’ Eva.
Imma għamel proposta, bħalma jagħmel proposta lili u lilek. Għaliex? Għax diil-miġja, li San Bernard isejħilha l-miġja tan-nofs, hi kwistjoni ta’ kelma fundamentali: imħabba. Ara kif jibda Ġesù fir-risposta lil Ġuda l-ieħor, “Jekk xi ħadd iħobbni” (Ġw 14:23). Dik il-kelma fundamentali fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, anki ma’ Ġesù: l-imħabba. Ġesù dak l-ewwel li jitlob. “Intom tħobbuni? Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, insejħilkom ħbieb.” M’hemmx imħabba ikbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti” (Ġw 14:23), bħalma Marija ħarset il-kelma f’qalbha. Hawnhekk forsi l-agenda naqra diffiċli għalina għax l-imħabba għal Ġesù tkun ħaġa konkreta: “Inti tħobbni?” Bħalma jsaqsi lil Pietru aktar minn darba: “Inti tħobbni?” (Ġw 21:15-17) Anki lqabel ma jafdah bil-merħla jsaqsih, “inti tħobbni?” Ma jgħidlux – kemm għandek ċertifikati, int professur ta’ xi mkien? Il-papà tiegħek, min hu? Le. “Tħobbni int? … Irgħa l-ħrief tiegħi.” (ara Ġw 21:15-19)
Imma fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, din l-imħabba ta’ Ġesù hi li tħares il-kelma, bħalma hu ħares il-kelma tal-Missier. Ma ninsew qatt, meta nsibu diffikultà biex naċċettaw xi kelma ta’ Ġesù, għax għandu kliem iebes ukoll, irridu nammettu, speċjalment meta tiġi l-maħfra tal-għedewwa, li qatt ma talabna nagħmlu xi ħaġa li hu m’għamilhiex qabilna. Jekk hemm xi ħaġa fl-Evanġelju li tfixklek, ieqaf, għid dil-kelma – li jitlobni Ġesù għamilha hu? Nieħdu l-maħfra tal-għedewwa u tisimgħu fuq is-salib, jaqbeż għalina, “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Il-qawwa tiegħu hi li jaħfirlek u li jwasslek il-ġenna. Isimgħu fuq is-salib. Ilum tkun il-ġenna miegħi qal lill-ħalliel. “Iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14:23).
San Bernard jgħid li din il-miġja tat-Trinità fina, li aħna ngħidulha l-ħajja tal-grazzja, tiġi bil-paċi u l-faraġ. U Ġesù tana mezzi biex ngħixu din il-miġja. Huma l-mezzi tal-preżenza tiegħu. Aħna ngħidulhom is-sagramenti. Is-sagramenti huma l-mezzi tal-preżenza tiegħu fina, fil-ħajja tagħna. Diversi mumenti tal-ħajja tagħna hemm sagramenti li jwiżnuna matul il-ħajja tagħna. Fundamentalment huma l-Ewkaristija u l-qrar. Dawk iż-żewġ sagramenti, li huma laqgħat ma’ Ġesù u li fihom il-Knisja mhux tagħtik xi ħaġa ta’ Ġesù, imma titkellem f’isem Ġesù. Is-saċerdot, fl-Ewkaristija jgħid: “Dan hu ġismi. Dan hu demmi.” Fil-qrar jgħidlek, “Jiena naħfirlek dnubietek.” Issa aħna bħala bnedmin m’għandna l-qawwa naħfru d-dnub ta’ ħadd, imma f’dawk iż-żewġ sagramenti, is-saċerdot juża l-kelma ta’ Ġesù għax hu qiegħed fil-qawwa ta’ Ġesù.
U għalhekk importanti ħafna li jekk irridu tassew niċċelebraw il-Milied, nerġgħu nagħmlu stħarriġ f’qalbna. Fiex jien fil-qrar jien? U l-qrar Dun, mela l-qrar għadu żmienu? Lanqas qassis ma ssib iqarar. Veru, trid tagħmel appuntament kultant. Imma tajjeb tagħmlu. Ikollok konfessur, m’hemmx għalfejn tmur għand seba’ mija, toqgħod tispjegalhom ħajtek kollha kull darba. Agħżel wieħed li tista’ tafdah, jekk hemm bżonn ikun għama u trux, ma jimpurtax. U tgħid inqerr għandu jien. Imma qed jaħfirlek mhux għax huwa aqwa minnek, jew qaddis iżjed minnek, għax fid-dgħufija tiegħu ngħata din il-qawwa straordinarja li f’isem Alla jgħidlek “Jiena naħfirlek dnubietek”. U dak li jinsa Alla, jinsieh kulħadd. Għax meta tqerr dnub, u lil Alla tgħidlu, ‘tiftakar?’ ‘Ma niftakarx, ma nafx x’qed tgħid,’ jgħidlek Alla. Għax hu biss għandu l-qawwa li jidħol fl-istorja ta’ ħajti u jnaddafhieli mill-qiegħ.
Ejjew niftakru ftit x’ngħidu. Qabel, fil-quddiesa, il-Knisja tħejjijna mill-qrib għall-miġja ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Kif ngħidu? “Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej” fis-Sanctus u l-Benedictus – “Benedictus qui venit in nomine Domini.” Propju fi tmiem il-prefazju nikkonfermaw li fl-Ewkaristija qed ngħixu misteru ta’ miġja. Wara l-Ewkaristija ngħidu: “Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek, nistennewk sa ma tiġi fil-glorja.” Imma qabel, fi tmiem il-prefazju, ngħidu: “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!” Kif tafu hija l-esklamazzjoni tal-poplu f’Ħadd il-Palm meta laqgħu lil Ġesù dieħel trijonfalment f’Ġerusalemm.
Allura l-ispiritwalità ta’ din il-miġja li qed ngħixu, dan l-adventus hu propju li niftakru li qed ngħixu fil-preżenza ta’ xi ħadd li jħobbna. Il-Papa Ljun XIV, meta kien qed jirritorna mil-Libanu qal espressjoni sabiħa. Kienu qed jistaqsuh: ‘X’ħassejt fil-Konklavi?’ u qal xi ħaġa awtobijografika ħafna. Qal: ‘Meta indunajt x’ġej fuqi, lil Ġesù għidtlu – issa trid tmexxi inti.” Imma dan ir-raġel kien ilu jgħid hekk ħajtu kollha u żvela li, u qalilhom: “Jekk tridu tafu xi ftit min jien, aqraw il-ktieb ta’ Brother Lawrence, ‘The Practice of the Presence of God’.”
Dan hu l-misteru tat-tieni miġja – li ngħix fil-preżenza ta’ Alla. Mhux Alla li qiegħed hemm, qisu gwardjan jgħasses jew xi ħadd biex iwaħħalli multa. Imma Alla li jħobbni, jagħdirni, jaħfirli, u jwiżżinni. Hu Alla li Ġesù tana ftit immaġini tiegħu fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, anki meta jaqrawha s-Santi Padri, dawn l-għorrief tal-Knisja tal-ewwel sekli li aħna nqisuhom bħala sors importanti tad-duttrina tal-Knisja, kienu jgħidu li Ġesù, meta tana din il-parabbola sabiħa tas-Samaritan it-tajjeb, fil-Kapitlu 10 ta’ San Luqa, tkellem fuqu nnifsu. Tana profil tiegħu nnifsu bħalma tana profil tiegħu nnifsu fit-tmien Beatitudnijiet. Din jgħidha kemm il-Papa Benedittu kif ukoll il-Papa Franġisku. Jgħidulna jekk tridu l-karta tal-identità ta’ Ġesù, ħarsu lejn il-Beatitudnijiet.
Imma fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, Ġesù qed jipprova jispjega xi tfisser l-imħabba lill-għaref tal-liġi. Mela jqum wieħed għaref fil-liġi u biex iġarrbu, staqsieh, “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” (Lq 10:25) Interessanti din il-mistoqsija għax tgħaqqad ma’ dak li jgħid Ġesù dwar l-eżami tal-aħħar.
Prattikament qed jgħidlu: ‘Kif nista’ ngħaddi fl-aħħar eżami? Tista’ tgħidli naqra l-karta? X’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem (biex fl-aħħar eżami ngħaddi)?’ “Qallu Ġesù: ‘Fil-liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?’ U dak wieġeb: ‘Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:26-27).
Ara kemm kien bravu dan l-għaref tal-liġi. Minn dawk il-mijiet ta’ liġijiet li kien hemm, għażel il-pedament, il-liġi tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù, “agħmel hekk u tgħix” (Lq 10:28). Kemm togħġobni din ir-risposta ta’ Ġesù. Qed jgħidlu li jekk irid jgħix, iħobb. Jagħżel l-imħabba. Jekk trid tgħix ta’ nies (inħobb inżid ‘ta’ nies’ kif ngħidu aħna bil-Malti) għax inti tista’ tgħix u teżisti, mhux hekk qed jgħid Ġesù – jekk trid tgħix, jekk il-ħajja trid tiggustaha, jekk trid tkun f’postok fil-ħajja, ħobb, agħżel l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu u tiegħek innifsek, għax Ġesù jgħid: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” It-tliet imħabbiet: l-imħabba tiegħek innifsek, tal-proxxmu u ta’ Alla (ara Mt 22:37-40).
Iżda dak, biex juri li kellu raġun, wara kollox avukat kien (m’hemmx x’tagħmel, ma nsalvaw qatt aħna) qal lil Ġesù, “U l-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29) Ried interpretazzjoni awtentika għax fil-liġi hemm miktub, “ħobb lill-proxxmu bħalek innifsek.” U Ġesù reġa’ qabad jgħidlu storja – il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb (Lq 10:25-37).
“Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm” – dak aħna. Kif tafu, Ġeriko huwa wieħed mill-eqdem postijiet fejn għammar il-bniedem u l-iżjed wieħed profond. Hu mibni taħt il-livell tal-baħar. Allura li tmur Ġeriko jfisser li tagħmel dan il-katabasis, dan l-inżul.
“Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet” (Lq 10:30). U mbagħad ġie l-establishment. Aħna parti mill-establishment. L-aħwa ejja nagħmlu eżami ta’ kuxjenza bħala Kurja tal-Arċisqof. “Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb, u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita” (Lq 10:31-32). Dan seminarista – ma tantx għandna minnhom – imma għandna ftit. “Meta wasal hemm rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer” (Lq 10:32). Tgħallem ħafna għax għamel eżatt bħall-qassis dan – kien seminarista bravu għax għamel bħall-qassis. Avolja ma kienx tajjeb, għamel l-istess. Full marks ġab. It-tnejn għamlu l-istess. Il-verbi tal-qassis u tal-levita l-istess: rawh, għaddew minn mal-ġenb u baqgħu sejrin. X’aktarx b’pass mgħaġġel. “Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan” (Lq 10:33) Is-Santi Padri jgħidu “ieqfu, dan is-Samaritan, Ġesù”. Nantiċipa ftit, dan is-Samaritan – Ġesù għax mhux parti mill-establishment – anzi suspett. “Wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid, u rabathomlu” (Lq10:34-35).
Ħa nieqfu hawnhekk. Innutaw il-verbi tal-qassis u tal-Levita: rah mal-ġenb u baqa’ sejjer. Mentri s-Samaritan, Ġesù jiddeskrivi s-sentimenti u l-aġir tiegħu b’ iżjed dettall. Għadda minn hemm u wasal ħdejh. B’xi mod f’din l-espressjoni hemm l-inkarnazzjoni: sar wieħed minna, wasal ħdejh, rah u tħassru. ‘Tħassru’ huwa verb għażiż ħafna għall-Evanġelju ta’ San Luqa: “rahom u tħassarhom għax kienu nagħaġ mingħajr ragħaj.” ‘Titħassar’, użah anki f’Kapitlu 15 meta l-missier jara lil ibnu ġej wara li berbaq ġidu: hu rah u tħassru. Dan il-verb li kważi jinħallu l-vixxri tiegħek bil-kompassjoni. “Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu ‘Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi” (Lq 10:34-36).

Meta nerġa’ ngħaddi. Innutaw mela dan is-Samaritan jersaq u jħenn għal dan il-mifluġ. Jafdah lil tal-lukanda, u jgħidlu “nerġa’ niġi”. Huwa l-Mulej li jiġi, jarana, iħenn għalina, idewwina, jafdana lil tal-lukanda u jwiegħed li jħallsu jekk jonfoq iżjed mill-flus li tah.
U din hi t-tieni miġja. Jerġa’ jgħaddi. U jiċċekkja aħna, li aħna tal-lukanda, għandna dan il-mandat biex nieħdu ħsieb xulxin. ‘Ħu ħsiebu. Meta nerġa’ niġi rroddlok.’ U b’xi mod, il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb hi wkoll parabbola tal-Avvent għax tinkludi dawn it-tliet miġjiet. Ġesù, li huwa s-Samaritan it-Tajjeb, skont s–Santi Padri ġie fostna, rana, tħassarna, dewwielna l-ġrieħi tagħna u fdana fil-lukanda – il-lukanda li skont il-papiet hi l-Knisja, il-komunità tagħna, ix-xirka tal-imħabba. U aħna fdati lil xulxin. Ħu ħsiebu. Aħna nħobbu ngħidu lil xi ħadd li nixtiqulu l-ġid ‘take care’ imma hu qed jgħidilna “Ħudu ħsieb ta’ xulxin.” Meta nerġa’ niġi, nagħmlu l-kontijiet, bħalma ħafna drabi jgħid fil-parabbola, li jispjegawlna l-aħħar tad-dinja, l-accountability.
Minn dawn it-tlieta: il-qassis, is-seminarista, u s-Samaritan, “int min jidhirlek li ġab ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” ‘Min ħenn għalih,’ wieġbu dak”. Kemm hi risposta sabiħa, din tal-għaref tal-liġi. Ma qalx is-Samaritan. Lis-Samaritan tah isem ġdid: min ħenn għalih. Min huwa l-ħniena.
U aħna, jekk irridu nimitaw lil Ġesù, il-ħniena trid tkun parti mill-ħajja tagħna, mill-esperjenza tagħna, irridu nieħdu bis-serjetà l-impenn li għallimna nitolbu: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”. Għallimna t-triq tal-ħniena. Għax min hu dak li hu proxxmu? Min ħenn għalih. “Mur”, qallu Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10:37).
Ma ninsewx l-aħwa li meta Ġesù jitkellem dwar itmiem id-dinja u l-ġudizzju, jitkellem dwar il-miġja ta’ ħabib. “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għidtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier għax il-Missier hu akbar minni”(Ġw 14:1-6). U Ġesù jitkellem fil-fatt li mar, u sejjer biex iħejjilna għamara. Aħna u nitolbu lill-Mulej idaħħalna fl-ispirtu tal-Avvent, ejjew nitolbuh idaħħalna fl-ispirtu ta’ dawn it-tliet miġjiet: li nieqfu, naduraw l-umiltà tiegħu fl-ewwel miġja u l-ubbidjenza tiegħu, li nistennewh jiġi fil-glorja billi ngħixu ta’ nies u f’din il-miġja li qed ngħixu, inkunu mħabba u ħniena. Inkunu kif qal l-għaref tal-liġi: dawk li jħennu, dawk li lqajna l-istedina tiegħu għal xulxin. “Ħu ħsiebu.”
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, Ammen.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta




