L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” (Ġw 6:52). Din hija l-mistoqsija li għamlu dawk li kienu qed jisimgħu lil Ġesù, u jidher ċar li fehmu tajjeb x’qed jgħid Ġesù. Ma kienx qed jitkellem fuq xi ħaġa li se jagħtihom biex iżommuha b’tifkira jew b’simbolu, imma kien qed jitkellem realment fuq li se jagħti lilu nnifsu proprju fl-Ewkaristija. U dak inhar diversi nies li semgħuh ma fehmux kif dan kien possibbli, anzi ftit wara din is-silta hemm ir-reazzjoni tan-nies li jgħidu: dan tqil wisq biex tifhmu! (ara Ġw 6:60) U ftit wara, bosta mid-dixxipli telquh: “minn dak inhar… ma baqgħux imorru warajh” (Ġw 6:66).

Illum qegħdin nagħmlu din il-festa kbira ta’ Corpus Christi – tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fl-Ewkaristija. Nafu li din is-silta minn San Ġwann tagħtina d-dawl biex aħna wkoll insaħħu l-fidi tagħna fil-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Jista’ jkun li aħna f’moħħna kultant ikollna din il-mistoqsija li għamlu n-nies li semgħuh: kif jista’ jkun dan? Kif jista’ jkun illi l-ħobż jinbidel fil-ġisem ta’ Ġesù, u l-inbid jinbidel f’demmu mal-kliem tas-saċerdot waqt il-quddiesa?

Kif jista’ jkun dan? Jista’ jkun, għax dan isir bil-qawwa ta’ Alla mhux bil-qawwa tagħna l-bnedmin. Hu misteru, imma meta ngħidu misteru ma jfissirx sempliċiment xi ħaġa li ma nifhmuhiex, imma xi ħaġa li hi tant kbira li bil-moħħ żgħir tagħna ma nistgħux nifhmu għal kollox. L-immensità ta’ Alla ma nistgħux indaħħluha fil-moħħ żgħir tagħna.

Illum hi l-festa hekk sabiħa tal-Ewkaristija, u t-tradizzjoni fil-knejjes tagħna hi li jkun hemm il-purċissjoni bħal-lum jew bħal-lbieraħ filgħaxija, madwar it-toroq, b’Ġesù Ewkaristija. Hi festa għażiża ħafna għax tfakkarna li Ġesù fl-Ewkaristija ried jibqa’ magħna. Ried jibqa’ magħna biex jagħtina l-ħajja, ried jibqa’ magħna biex jakkumpanjana fil-mixja tal-ħajja tagħna.

Xi tfisser l-Ewkaristija għall-ħajja tagħna llum?

Ikel

L-ewwel nett, l-Ewkaristija hija l-ikel li neħtieġu għall-ħajja tagħna spiritwali, bħalma jsemmi Ġesù hawnhekk b’mod ċar: “Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6:51). Bħalma aħna għandna bżonn l-ikel li nieklu biex nibqgħu b’saħħitna fiżikament, hekk għandna bżonn l-Ewkaristija biex inkunu b’saħħitna spiritwalment. Bid-differenza li meta nieklu xi ħaġa, aħna nibdluha fina; imma l-Ewkaristija tgħinna biex ninbidlu dejjem aktar f’Ġesù, insiru dejjem aktar nixbhuh.

Għalhekk għandna bżonn l-Ewkaristija biex lilna tgħinna ngħixu dak li għallimna Ġesù, biex lilna tgħinna ngħixu bħalu – inkunu nies li nħobbu tassew, li naħfru, li ngħidu l-verità, nies ta’ onestà, ta’ integrità, ta’ servizz lejn l-oħrajn. Din hija l-qawwa li jagħtina Ġesù meta aħna nirċevuh regolarment.

Għalhekk hu importanti ħafna li min ikun b’saħħtu jiġi għall-quddiesa nhar ta’ Ħadd jew is-Sibt filgħaxija. Min ma jkunx b’saħħtu joqgħod id-dar ħa jirċievi l-kura meħtieġa, u anke għandna dawn il-mezzi li jgħinu biex wieħed isegwi mid-dar u jitlob; imma min ikun b’saħħtu għandu jiġi l-knisja, għax il-Mulej jistedinna biex Jum il-Mulej inqaddsuh proprju billi nieħdu sehem fl-Ewkaristija.

Għaqda

L-Ewkaristija hija wkoll dik li tgħaqqadna flimkien, bħalma smajna fit-Tieni Qari, fl-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, meta jgħid li Ġesù hu dak li jgħaqqadna: “la l-ħobża hija waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed” (1 Kor 10:17). Hawn niġu fil-knisja nies ta’ età differenti, kultant minn postijiet differenti, niġu bi stejjer differenti – u niġu hawnhekk biex ningħaqdu flimkien bħala komunità, u l-Ewkaristija hija dik li tgħaqqadna flimkien bħala komunità.

Tgħinna biex nifhmu li aħna għandna nkunu familja waħda. Għalhekk, meta aħna nersqu lejn Ġesù u nirċevuh, lilna jgħinna biex inħarsu lejn l-oħrajn bħala aħwa, bħala aħwa tal-istess familja; biex ikollna qalb mimlija mħabba u kompassjoni lejn l-oħrajn; biex f’ħajjitna ma nkunux nies li nweġġgħu lill-oħrajn b’ilsienna jew bl-azzjonijiet tagħna. Din hi l-qawwa li tagħtina l-Ewkaristija meta aħna nersqu biex nirċievu denjament lil Ġesù fina.

Servizz

L-Ewkaristija hija wkoll dik li tgħinna biex aħna nagħrfu kif għandna ngħixu ħajjitna bħala servizz. Innutaw il-kliem li jgħid Ġesù, u li l-qassis jirrepeti: “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom…demmi li jixtered għalikom”. Hemm din l-għotja ta’ mħabba. L-Ewkaristija, meta nirċevuha kif suppost, lilna tgħinna biex ħajjitna tkun tassew ta’ servizz, ta’ qadi għall-oħrajn, speċjalment għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

Niftakru li meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija fl-Aħħar Ċena, hemm dak ir-rakkont sabiħ meta hu niżel jaħsel saqajn l-appostli tiegħu, biex jurihom li l-Ewkaristija tfisser servizz u qadi. U bħalma qal għall-Ewkaristija “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19), hekk ukoll qal meta niżel jaħsel saqajhom: “Jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15).

Għalhekk irridu niftakru li l-Ewkaristija tgħinna biex ħajjitna tkun tassew għotja ta’ mħabba kull fejn inkunu. Ikollna dan l-ispirtu ta’ qadi u servizz li għallimna Ġesù.

Mixja

Nirringrazzjaw illum lil Ġesù ta’ dan id-don sabiħ li tana. Nitolbuh biex dejjem napprezzaw l-Ewkaristija fil-ħajja tagħna, biex aħna nimtlew bil-qawwa li jagħtina hu, ħa ngħixu tassew kif jixtieqna hu.

Nitolbuh biex fl-Ewkaristija nagħrfu dak li jakkumpanjana dejjem fil-ħajja tagħna, fil-mixja tagħna lejn is-sema pajjiżna – bħalma qal Ġesù llum fl-Evanġelju: “Min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6:58). Nitolbuh biex f’din il-mixja tagħna jkun dejjem hu li jakkumpanjana, li jmexxina, ħalli dak li ngħixu hawnhekk permezz tal-Ewkaristija nistgħu imbagħad niċċelebrawh b’mod sħiħ miegħu fis-sema.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti