L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dak hu li jħobbni” (Ġw 14:21). Hawnhekk, fl-Evanġelju skont San Ġwann, Ġesù llum jitkellem kontinwament fuq min iħobbu verament. U jgħid: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni”. U iktar ’il quddiem jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti” (Ġw 14:23).
X’naraw f’dan il-kliem ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu? L-ewwel nett, l-enfasi kbira fuq l-imħabba. Ġesù qed jgħid li fir-relazzjoni tagħna miegħu, hi l-imħabba li għandha tmexxina, għax aħna rċevejna mingħandu l-imħabba. U għalhekk, anke meta nitkellmu fuq x’għandna nagħmlu, bħalma jgħid Ġesù hawn, mhux il-biża’ li għandu jmexxina imma l-imħabba. Dan hu punt importanti ħafna għall-ħajja tagħna, għax jista’ jiġrilna li kultant nisimgħu min ibeżża’, min jaħseb li jekk ibeżża’ lin-nies, se jressaqhom lejn Alla. Imma hawn Ġesù qed jgħid il-kontra: hi l-imħabba li għandha tmexxina u tressaqna lejn Alla. U hi l-imħabba wkoll li għandha tmexxina biex inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla u l-kelma li jgħidilna Ġesù.
Hawnhekk Ġesù jgħaqqad flimkien l-imħabba u l-ubbidjenza lejn il-kmandamenti. Mhumiex kontra xulxin dawn, anzi hu jgħid: turi kemm verament tħobbni meta tħares il-kelma tiegħi. Għalhekk l-imħabba mhijiex sempliċiment sentiment li tħoss, u daqshekk, jew inkella kelma li tgħid u daqshekk. Imma l-imħabba turi ruħha proprju fil-ħarsien tal-kmandamenti ta’ Alla, u f’li aħna nimxu skont il-kelma li jgħidilna Ġesù. Fil-fatt kien Ġesù stess li għaqqad il-kmandamenti kollha fl-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu. Għalhekk tajjeb niftakru li hi din l-imħabba li għandha tmexxina u li turi ruħha, imbagħad, fl-affarijiet ta’ kuljum, fl-għażliet li nagħmlu kuljum. Meta Ġesù jgħid: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħu u jħarsihom, dak hu li jħobbni”, x’ifisser dan b’mod konkret? Ħa nsemmi xi eżempji
Ġesù jgħallimna kif kull bniedem, hu min hu, għandu u għandha d-dinjità tiegħu jew tagħha. Għalhekk, jien ma nistax ngħid li nħobb lil Alla u nkun razzist – jiġifieri li nħares lejn ħaddieħor u nara biss il-kulur tal-ġilda, jew inkella n-nazzjon minn fejn ġej jew fejn ġejja, jew ir-reliġjon, u neskludi lin-nies minħabba f’hekk. Ġesù jgħallimna li kull persuna għandha d-dinjità tagħha, u aħna għandna ngħożżu u nħobbu kull persuna, hi min hi. Għalhekk, jekk veru nħobbu lil Ġesù, inħarsu l-kelma tiegħu, u nistmaw u nuru rispett lejn kull bniedem.
Ġesù jgħallimna wkoll li għandna naħfru lill-oħrajn. Għalhekk, jekk veru nħobbu lil Ġesù, għandna nimxu skont il-kelma tiegħu u nħarsu dil-kelma li naħfru lill-oħrajn; li f’qalbna ma jkollniex il-mibegħda, l-ispirtu ta’ vendikazzjoni. Anke meta nirċievu azzjoni ħażina, li jkollna f’qalbna tassew li naħfru bħalma wriena hu u bħalma għallimna hu. Ġesù jurina wkoll kif għandna nirrispettaw il-ħajja umana f’kull waqt tagħha – mill-ewwel mument tat-tnissil, sat-tmiem naturali. Għalhekk, jekk veru aħna nħobbu lil Ġesù, inħarsu dil-kelma tiegħu li nuru rispett lejn il-ħajja umana u nipproteġuha. Ġesù jgħallimna wkoll kif għandna nkunu onesti fil-mod kif nittrattaw lil xulxin. Għalhekk, jekk aħna rridu tassew inħobbu lil Ġesù, inħarsu l-kmandament tiegħu li nittrattaw lil xulxin b’onestà, li nimxu b’integrità fir-relazzjonijiet tagħna u fl-għażliet tagħna. Ġesù jurina wkoll kemm hu importanti li bil-kelma tagħna aħna nnisslu l-paċi, l-għaqda, u l-kliem tagħna ma jkunx kliem li jweġġa’, li jinsulenta lill-oħrajn. Jekk veru nħobbu lil Ġesù, hekk għandna nimxu, inħarsu din il-kelma tiegħu. Ara kemm dawn huma affarijiet konkreti, tal-ħajja ta’ kuljum.
B’dal-mod li nuru li tassew inħobbu lil Ġesù. Hu jgħid imbagħad xi ħaġa verament kbira, meta jgħid: min iħares il-kelma tiegħi u jħobbni verament “aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14:23). Jiġifieri li jkollna f’ħajjitna verament il-preżenza ta’ Alla fina, jekk aħna qed nagħmlu ħilitna biex ngħixu dil-kelma tiegħu. Kemm hi sabiħa, għax hi din il-preżenza li ġġib f’ħajjitna ħafna paċi, li tgħinna biex aħna nimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħna, fit-triq it-tajba. Nafu li għandna bżonn ħafna l-għajnuna ta’ Alla għal dan kollu, biex inħarsu dil-kelma tiegħu. Fil-fatt hu jgħid li jibgħat l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, biex jagħtina dil-qawwa u jfakkarna kontinwament fil-kelma tiegħu (ara Ġw 14:26).
Nitolbu lill-Mulej biex aħna nagħmlu ħilitna, bil-limitazzjoni tagħna, kultant bid-difetti kollha tagħna, ħalli l-Ispirtu ta’ Alla jġib fina din it-trasformazzjoni, din il-bidla. Irridu niftakru li l-imħabba lejn Ġesù mhijiex imħabba sempliċiment ta’ ammirazzjoni, imma hija mħabba li ġġib fina trasformazzjoni, bidla, ħalli ngħixu tassew kif irid hu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




