L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel kelma li jgħidilna Ġesù llum hija kelma ta’ kuraġġ: “Tħallux qalbkom titħawwad!” (Ġw 14:1) San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: ‘Alla tagħna hu Alla tal-paċi’; mhux Alla tal-inkwiet, tal-biża’ u tat-tregħid. U inti tkun taf li mistrieħ/a fir-rieda tiegħu, jekk ikollok il-paċi. Imma huwa jagħmillek kuraġġ ukoll: Tħallix qalbek titħawwad! U jagħtik ukoll risposta għall-inkwiet, it-taħbit, u t-taħwid. “Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll” (Ġw 14:1).
U jagħmel wegħda li ta’ min niftakruha kull meta jiġi nieqes xi ħadd mill-maħbubin tagħna. Il-mistoqsija f’qalbna titla’ b’mod naturali, spontanju: imma x’ġara minn missieri u ommi? X’hemm wara l-mewt?
“Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu” (Ġw 14:2). Din hija xi ħaġa li jinsisti fuqha Ġesù. Meta jitkellem fuq il-Ġenna, jinsisti li aħna maħluqa għall-Ġenna; ara l-infern, maħluq għal Satana u l-anġli tiegħu. Imma aħna l-post li għandna bbukjat huwa fil-Ġenna u mhux fl-Infern. Min irid imur, affari tiegħu! Imma aħna nixxenqu u nitolbu, li f’dak il-post merfgħuh għalina, meta jiġi l-mument, anke jekk m’aħniex mgħaġġlin, meta jiġi l-mument insibuh.

“U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw 14:3). Iftakruha din meta tiftakru fuq il-mewt! Għaliex l-Għid huwa l-akbar messaġġ meta niffaċċjaw il-mewt tagħna jew tal-għeżież tagħna. Meta mmur inħejjilkom post… nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi. Għal Ġesù, dan huwa l-mument tal-mewt, meta jerġa’ jiġi biex jeħodna miegħu.
F’dinja, bbumbardjata bil-fake news, bil-qerq, bl-inganni, Ġesù huwa l-verità, isma’ leħnu!
Jitkellem dwar it-triq, anzi jispjega li huwa t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. U dan il-messaġġ ta’ Ġesù tant hu attwali. F’dinja, fejn inħossuna konfużi, bla direzzjoni, Ġesù huwa t-triq, itolbu jiggwidak. F’dinja, bbumbardjata bil-fake news, bil-qerq, bl-inganni, Ġesù huwa l-verità, isma’ leħnu! Il-leħen tal-Imgħallem huwa l-verità. F’dinja fejn għandna kultura tal-mewt, li tigglorifika l-qtil, il-vjolenza, u l-gwerra, Ġesù huwa l-Ħajja mill-bidu sal-aħħar. Kemm huma attwali dawn il-kliem li għażel biex jispjega min Hu għalina.
Tumas jgħidlu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq? Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:5-6).

Ejjew nitolbu li aħna nilqgħu lill-Mulej u nħalluh jurina min hu Alla. “Urina l-Missier?” (Ġw 14:8), jgħidlu Filippu. “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix?” (Ġw 14:9). Għax min jiltaqa’ ma’ Ġesù, jiltaqa’ mal-qalb ta’ Alla. U Ġesù, meta ried jitkellem fuq qalbu, qal: “Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Dak l-istil ta’ Ġesù: il-ħlewwa u l-umiltà. Dak huwa Alla, il-Missier, li jixtieq ilaqqagħna miegħu. Alla mimli ħlewwa, Alla li jerfagħna mid-dgħufija tagħna u jsostnina. Emmnu! Kemm hi kelma ta’ kuraġġ, din li jagħmlilna l-Mulej Ġesù. “Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija” (Ġw 14:11).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 6:1-7
Responsorju: 32 (33):1-2,4-5,18-19
Qari II: 1 Piet 2:4-9
L-Evanġelju: Ġw 14:1-12





