
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Santa Maria Ewfrasja Pelletier, il-fundatriċi għażiża tagħkom, għeżież Sorijiet tal-Bon Pastur, kienet mara straordinarja, mara li fehmet fil-fond il-qalb ta’ Ġesù – qalb li ma trid lil ħadd jintilef, u li tfittex lil dawk li jkunu jew iħossuhom mitlufa.
Il-ħajja tagħha mhix biss storja sabiħa tal-passat, imma hija sfida diretta għalina llum. Hija stedina biex, fejn meħtieġ, inbiddlu l-mod kif naraw lill-oħrajn, u forsi wkoll lilna nfusna!
Il-qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb
Fil-qalba tal-vokazzjoni tagħha kien hemm xbieha waħda qawwija: Ġesù bħala r-Ragħaj it-Tajjeb. Hu dak li qed nirriflettu fuqu fil-Kelma ta’ Alla llum, ir-Raba’ Ħadd tal-Għid, meta tlabna flimkien: “Il-Mulej hu r-Ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni” (Salm 23:1). Ġesù hu r-ragħaj li jħobbna, li jmexxina, li jipproteġina, li jagħti ħajtu għalina. Hu r-ragħaj li jmur ifittex in-nagħġa mitlufa.
Marija Ewfrasja ma ratx nies skont it-tikketti tas-soċjetà: midinbin, falluti, każijiet mitlufa, hopeless. Hi rat lil kull persuna kif jaraha Alla: persuna maħbuba, ta’ valur bla qies. U dan ibiddel kollox.
Dan hu messaġġ importanti għalina llum: biex ma nagħmlux ġudizzji mgħaġġlin, biex ma nagħlqu qalbna għal ħadd, biex ma nittiħdux mill-mentalità li n-nies “qatt ma jinbidlu”. Il-ħajja ta’ Marija Ewfrasja twieġeb b’mod ċar: ma teżistix persuna li Alla ma jistax jilħaqha.

Ħniena li ssir azzjoni
Imma din il-qalb mimlija ħniena ma baqgħetx sentiment sabiħ biss, ma baqgħetx biss xi ħaġa li tħoss minn ġewwa. Maria Ewfrasja bidlet il-ħniena f’azzjoni konkreta. Hija waqqfet komunitajiet fejn nisa li kienu mwarrba jew midruba sabu kenn, fejn reġgħu sabu d-dinjità tagħhom u kellhom l-opportunità li jibdew mill-ġdid.
Hawn naraw tagħlima kbira għalina. Il-fidi Nisranija mhix kliem sabiħ, mhix emozzjonijiet tal-mument, u kollox jieqaf hemm. Imma hija għemil konkret. L-isfida li għandna hi li nagħrfu kif ngħixu l-fidi li nistqarru u nesprimuha bl-imħabba li nuru b’mod konkret f’ħajjitna.
Il-possibbiltà ta’ grazzja
Fi żmien Maria Ewfrasja, ħafna kienu jiġġudikaw bla ħniena, speċjalment lil dawk li kienu żbaljaw. Imma hi emmnet f’verità rivoluzzjonarja: il-bniedem mhuwiex il-ħażin li għamel, u rridu ngħinu lil kull persuna tħares ’il quddiem.
Din hija l-perspettiva ta’ Ġesù fl-Evanġelju. Biżżejjed niftakru fil-parabbola tal-Iben il-Ħali, fil-mara li nqabdet fl-adulterju, f’Żakkew – illum niftakru partikolarment f’Żakkew meta nisimgħu li r-Ragħaj it-Tajjeb “isejjaħ lin-ngħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom” (Ġw 10:2). Ma jarax quddiemu folla, imma persuni li lkoll jiswew. Fil-folla ta’ nies li kienu qed jakkumpanjaw lil Ġesù, hu ra lil xi ħadd maqtugħ mill-folla, fuq siġra jipprova jilmħu, u sejjaħlu b’ismu.
Ġesù dejjem jara aktar fil-fond. Ma jarax biss id-dnub; jara x-xbieha tiegħu nnifsu li għadha hemm, anke jekk midruba. Ma jarax biss il-waqgħa; jara wkoll il-possibbiltà tal-qawmien. Ma jiqafx fil-passat ikrah, imma jara l-ftuħ għall-grazzja. U Maria Ewfrasja għexet din il-verità b’kuraġġ kbir.
Illum ukoll, is-soċjetà tagħna kultant tikkategorizza, tikkundanna, tfakkar il-passat tan-nies biex tħallihom hemm. Imma Alla jagħmel xi ħaġa differenti. Hu jiftaħ futur ġdid.

Kelma profetika
Irridu niftakru li l-ħajja ta’ Marija Ewfrasja ma kinetx faċli. Kienet mimlija diffikultajiet, oppożizzjoni, tbatija. Il-kliem ta’ San Pietru fit-Tieni Qari llum ifakkarna fiha: “Jekk tagħmlu t-tajjeb u sssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla” (1 Pt 2:20). Marija Ewfrasja sofriet, imma hi baqgħet għaddejja. Għaliex? Għax kienet taf li kull persuna tiswa.
L-imħabba vera Nisranija dejjem tiswa: teħtieġ paċenzja, titlob sagrifiċċju, titlob kuraġġ Imma hija l-unika mħabba li tbiddel il-ħajja.
Maria Ewfrasja Pelletier tagħtina messaġġ ċar ħafna. Meta d-dinja teskludi, int inkludi. Meta oħrajn jiġġudikaw, int uri ħniena. Meta kulħadd jaqta’ qalbu, int żomm it-tama ħajja. U forsi l-aktar importanti: meta taħseb li xi ħadd “ma jistax jinbidel”, ftakar: Alla għadu jemmen fih/fiha. Alla għandu l-qawwa li jibdel. Ma hemm ħadd li hu ’l bogħod wisq minn Alla li ma jistax jinbidel.

Messaġġ għal żmienna
Nixtieq hawnhekk infakkar dak li kien qal il-Papa Piju XII meta fit-2 ta’ Mejju tal-1940 iddikjara lil Maria Ewfrasja Pelletier qaddisa. Kien qal hekk: Tassew, għeżież uliedi, l-eżempju ta’ din il-Qaddisa ġdida jgħallimna li l-imħabba vera ma tikkundannax, imma tifdi; ma tiddisprezzax, imma terfa’; ma tiddisprax, imma dejjem tittama fir-rebħa tal-grazzja. Kemm jidher f’waqtu dan it-tagħlim fiċ-ċirkustanzi tal-lum, li fihom il-popli huma mħassba u mimlijin b’niket! Filwaqt li n-nazzjonijiet jitħawwdu minn ġrajjiet gravi u l-bnedmin donnhom jitilfu t-triq tal-fraternità, tiddi quddiem għajnejna l-figura ta’ mara li emmnet fil-qawwa tal-fidwa u ħadmet bla heda għall-ġid tal-erwieħ.
Dan hu l-kliem ta’ Piju XII, li kien qed jitkellem disa’ xhur wara li kienet bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija u għalhekk isemmi l-ġrajjiet gravi. Hu kliem li jgħodd ħafna għalina llum, meta naraw lill-Papa Ljun XIV iwassal kontinwament messaġġ ta’ paċi, iħabbar l-Evanġelju ta’ Ġesù li qal “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9), u jagħmel dan bla biża’ qalb oppożizzjoni u insulti ta’ min imissu jaf aħjar, ta’ min kważi jrid jgħallem lill-Papa kif ikun Kattoliku! Marija Ewfrasja Pelletier hija dawl fid-dlam li kultant jaħkimna qalb il-konflitti u l-gwerer preżenti llum.

Is-sejħa lilna
Lil kull wieħed u waħda minna: Alla jagħmlilna sejħa. Isejjaħli biex inkun: ragħaj għal xi ħadd, dawl fi dlam, sinjal ta’ ħniena. Il-missjoni ta’ Santa Maria Ewfrasja Pelletier għadha ma spiċċatx. Tkompli b’mod partikulari fis-Sorijiet tal-Bon Pastur, u l-associates – fil-ħidma tagħhom ġeneruża u b’tant dedikazzjoni.
Nitolbu llum biex Alla jagħtina qalb sensittiva bħalma kellha Santa Marija Ewfrasja, kuraġġ li jegħleb il-qtigħ ta’ qalb, tama li ma tmut qatt. U fuq kollox, li qatt ma ninsew: ma hemm ebda persuna li Alla ma jħobbhiex.
Santa Marija Ewfrasja, fundatriċi u ħabiba tal-persuni vulnerabbli, itlob għalina.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




