L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jitkellem fuqu nnifsu u jispjega min hu għalina jew min jixtieq li jkun għalina jekk aħna nħalluh. U juża x-xbieha sabiħa tar-ragħaj. Il-kliem tiegħu jfakkarna li bejn ir-ragħaj u l-merħla hemm relazzjoni ta’ mħabba li tispira fiduċja: “In-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom” (Ġw 10:3). U meta joħroġ il-merħla, jimxi quddiem u l-merħla timxi warajh.

Ġesù, biex jispjega li din ir-relazzjoni hi relazzjoni ta’ mħabba, juża wkoll in-negattiv: min iħobb ma joqtolx, min iħobb ma jisraqx, min iħobb ma jkissirx – ta’ min iħobb il-leħen tiegħu, tisimgħu u tafdah.

U juża tixbiha oħra: ‘Jien il-bieb’. Imma din xi tfisser? Jekk aħna nifhmu li elfejn sena ilu fi żmien Ġesù, ir-ragħaj kif kien jiddefendi l-merħla tiegħu, nifhmu eżattament x’ried jgħid b’din it-tixbiha qawwija ħafna. Il-maqjel, kien ikollu fetħa, li minnha jidħlu u joħorġu n-nagħaġ; joħorġu biex jirgħu u jerġgħu jidħlu għall-kenn. Ir-ragħaj, meta l-merħla kienet tkun għall-kenn, kien jieqaf f’dik il-fetħa u joqgħod hemmhekk jistrieħ hemmhekk u jorqod hemmhekk.

Nitolbu ħafna biex ikollna saċerdoti qaddisin, li jsejħu lura lejn il-qalb ta’ Ġesù n-nagħaġ mitlufa

F’ħin minnhom ir-ragħaj stess kien isir il-bieb tal-maqjel fejn qed jistkennu n-nagħaġ u l-ħrief tiegħu; u kien jagħti ħajtu biex jiddefendihom. Biex tasal għall-merħla, jekk trid tagħmlilha l-ħsara, trid tgħaddi minn fuq ir-ragħaj, issib lilu jiddefendi l-merħla. “Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien” (Ġw10:7). Jien lest li niddefendik, nieqaf fil-fetħa tal-bieb, biex inkun id-difiża tiegħek, it-tarka tiegħek. Hekk inħobbok jien.

U aħna nisimgħu leħnu, u nifhmu f’dan l-istaġun sabiħ tal-Għid, li Ġesù ta’ min jafdah, għax ta ħajtu biex ikollna din il-ħajja aħjar u l-ħajja ta’ dejjem. U wara ragħaj bħal dan aħna nimxu għax irridu imma nimxu bil-qalb. Illum nitolbu, li l-Mulej ikompli jsejjaħ minn fostna persuni ġenerużi, li lesti jkunu huma l-‘bieb’ biex jiddefendu l-merħla tagħhom; mingħajr ma jinsew li l-merħla fdieha b’demmu l-Imgħallem Ġesù.

Meta lil Pietru jgħidlu biex jirgħa n-nagħaġ, jgħallmu żewġ affarijiet: “Inti tħobbni? … Irgħa l-merħla tiegħi” (Ġw 19:15). Mela, mir-ragħajja Ġesù jitlob l-imħabba u l-persważjoni li huma ma għandhomx dritt jippossiedu l-merħla, imma huma qaddejja tal-merħla f’ismu; li l-merħla hi tiegħu, li huwa r-ragħaj u l-għassies ta’ ruħna, kif smajna fit-tieni qari llum. “Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa, imma issa rġajtu lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom” (1 Piet 2:25).

Kemm hija espressjoni sabiħa din, li forsi tispjega l-mixja tagħna fir-Randan li għadda, u l-ferħ tar-rikonċiljazzjoni ma’ Ġesù, li nħossu f’dan l-Għid qaddis. Konna nagħaġ mitlufa minħabba d-dnub imma issa rġajna lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħna. U nitolbu ħafna biex ikollna saċerdoti qaddisin, li jsejħu lura lejn il-qalb ta’ Ġesù n-nagħaġ mitlufa, li jiffaċilitaw din il-laqgħa sabiħa mar-ragħaj u l-għassies ta’ ruħna.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:14a,36-41
Responsorju: 22 (23):1-3a,3b-4,5,6
Qari II: 1 Piet 2:20b-25
L-Evanġelju: Ġw 10:1-10

Aktar ritratti