
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kien hemm wieqfa, ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu” (Ġw 19:25). Illum nitfgħu ħaristna fuq Marija. Mhijiex qiegħda fil-ferħ ta’ Betlehem, u lanqas fil-glorja tal-Qawmien, imma fid-dell tas-Salib. It-tifkira ta’ Marija Addolorata tqiegħed quddiem għajnejna omm li tbati tara lil binha msallab u maqtul – tbati fis-skiet, b’qawwa, u b’fedeltà.
Hi tibqa’ wieqfa. Ma taħrabx, ma titlaqx. Tibqa’ hemm. Fuq il-Kalvarju, Marija tgħix dak li ħafna minna nibżgħu minnu: it-tbatija ta’ dawk li nħobbu, is-skiet apparenti ta’ Alla, id-dlam li donnu m’għandux tmiem. U madankollu, hi tibqa’ hemm magħquda ma’ binha, mhux biss fl-imħabba, imma fis-sagrifiċċju. In-niket tagħha mhuwiex disperazzjoni. Hu mħabba li ma tabbandunax.
Mixja ta’ mħabba
Il-Knisja tistedinna nirriflettu fuq id-duluri ta’ Marija mhux biss meta hi ħdejn is-salib, imma tul ħajjitha – mill-profezija ta’ Xmun, li qalilha “sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:32) sal-mewt u d-difna ta’ Ġesù. Kull dulur hu ferita, imma wkoll bieb. Marija turina li t-tbatija, meta tingħaqad ma’ Alla, qatt ma hi bla sens. Qalbha hija minfuda, imma mhux meqruda. Għaliex? Għax it-tbatija tagħha hija mibnija fuq il-fiduċja.
Hi ma tifhimx kollox. Imma temmen. Kemm-il darba aħna nitolbu spjegazzjonijiet mingħand Alla, speċjalment fil-mumenti ibsin ta’ tbatija. Marija turina triq oħra: it-triq tal-fiduċja f’Alla anke qalb it-tbatija.
Marija fid-duluri tagħna
Marija mhijiex ’il bogħod mit-tbatija tagħna. Hi taf xi jfisser tibki. Taf xi jfisser titlef. Taf xi jfisser tħoss li kollox qed jaħrab minn idejk.
Ġesù tahielna bħala ommna, u għalhekk nitolbuha: “Marija Santissima, urina li inti ommna”. Meta ngħaddu min-niket, diżappunt, mard jew solitudni, aħna mhux waħedna. Marija tibqa’ magħna kif baqgħet ma’ Ġesù. Ma tneħħilniex is-salib, imma tgħinna nġorruh. U aktar minn hekk: tgħallimna kif inġorruh bil-fidi u bid-dinjità.
Marija tagħtina wkoll it-tama. Ħdejn is-salib, hi sinjal ta’ tama li l-mewt ta’ Ġesù mhix it-tmiem, imma Ġesù se jegħleb il-mewt u jqum rebbieħ. Hi din it-tama li seħħet.
L-isem qaddis ta’ Marija
Meta nirriflettu fuq id-duluri ta’ Marija, nixtieq li nirriflettu wkoll fuq kif insemmuha lil Marija. Fid-dinja tagħna, sar komuni, anke każwali, li isem Marija jintuża b’mod ħafif jew mingħajr rispett. Ġieli isimha hu mkasbar.
Kultant għax bniedem ikun f’rabja. Imma għandhiex teħel il-Madonna f’mumenti ta’ rabja! Agħar minn hekk, hawn min joffendiha b’intenzjoni – kif sar dan l-aħħar f’Malta, quddiem mijiet ta’ nies, f’reċta suppost biex bniedem idaħħaq, imma jżeblaħ l-isem tal-Madonna u tad-Duluri. Huwa għajb għal min jagħmel hekk!
L-isem ta’ Marija hu mimli bil-grazzja, kif qalilha l-anġlu Gabriel. Hu isem li ħabbew il-qaddisin. Isem li ġab faraġ lil ħafna erwieħ fid-dlamijiet tagħhom. Li nużaw isimha għalxejn ifisser ninsew min hi: l-omm mogħtija lilna minn Kristu, il-mara li baqgħet taħt is-salib għalina.
Aħna msejħin biex infaħħruha lil Marija. Ħalli isimha jkun fuq fommna mhux b’traskuraġni, imma b’imħabba. Mhux fir-rabja, imma fit-talb. Mhux fil-vojt, imma fid-devozzjoni. Meta ngħidu “Marija,” ngħiduh b’qima. Meta nsejħulha, nagħmlu dan b’fiduċja sħiħa.
Ħajja li tfaħħar lil Marija
Irridu niftakru li nfaħħru lil Marija mhux biss bil-kliem, imma bil-ħajja. Inqimuha tassew meta ngħixu kif għexet hi: b’fiduċja f’Alla anke meta ma nifhmux; b’fedeltà anke fit-tbatija. b’imħabba li ma toqgħodx tkejjel imma mħabba ġeneruża.
Il-ħajja li tirrifletti l-virtujiet tagħha ssir innu ħaj ta’ tifħir lil Marija, kif jixirqilha.
Wieqfa ma’ Marija
Illum, ejjew nibqgħu wieqfa ma’ Marija ħdejn is-salib. Inġibu quddiemha d-duluri tagħna, il-biżgħat tagħna, u l-ġrieħi tagħna. Nitlobuha tgħallimna kif nibqgħu fidili meta kollox jidher mitluf, kif nibqgħu mimlija tama – it-tama li ma tqarraqx bina.
Nitolbuha wkoll għal tant ommijiet li qegħdin ibatu, speċjalment għal dawk li huma vittmi tal-gwerer, tal-vjolenza, tal-ġlied u dawk li ġarrbu t-telfa ta’ wliedhom.
U nieħdu deċiżjoni soda: li isem Marija dejjem insemmuh bl-imħabba, bl-unur, u bil-gratitudni. Għax l-isem ta’ Marija hu kenn għal min ibati, faraġ għal min imnikket, u dawl fid-dlam.
Marija Addolorata, itlob għalina.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




