L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Riedu kieku jaqbduh taħt idejhom imma beżgħu min-nies” (Mt 21:46). Din hi r-reazzjoni ta’ dawn il-qassisin il-kbar u l-Fariżej li meta semgħu lil Ġesù jgħid il-parabbola, “fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom” (Mt 21:45). U fehmu malajr għax, fil-fatt, fl-Iskrittura, li huma kienu jafu tajjeb, fil-Profeta Isaija, hemm l-istess tixbiha, jiġifieri mal-għalqa tad-dwieli. Isaija jgħid: “Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli… Għażaqha u naddafha miż-żrar, u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar; bena torri f’nofsha, u wkoll ħaffer magħsar fiha” (Isaija 5:2). Ara x-xebh mal-kliem ta’ Ġesù f’din il-parabbola llum (ara Mt 21:33). 

Imma Isaija, meta semma din it-tixbiha, kien tkellem fuq il-frott li ma għamlux. Jgħid: “Stenna li tagħmel għeneb tajjeb, iżda kulma għamlet kien għeneb qares” (Isaija 5:2). Mentri hawn Ġesù ma jitkellimx fuq il-frott, imma jitkellem fuq dawk responsabbli, bħalma kienu l-kittieba u l-Fariżej. Qed jgħid: kienu responsabbli ta’ dan il-poplu, imma minflok għenuh biex jagħmel il-frott, fixkluh. Anzi daru kontra l-profeti. Hawn Ġesù jitkellem b’tixbiha fuq l-Istorja tas-Salvazzjoni. Jgħid li Alla bagħat diversi profeti u dahru kontriehom, imbagħad jagħmel anke previżjoni fuqu nnifsu. Qed jgħid: bagħat lil ibnu u dahru kontrieh u qatluh. Aħna nafu kemm, fil-fatt, dan li qal Ġesù hawnhekk seħħ.

X’inhu l-messaġġ għalina? Meta nagħrfu dan li qed jgħid Ġesù, l-ewwel ħaġa li tolqotna f’din il-parabbola hi kif Alla jieħu ħsieb b’kura lill-poplu tiegħu. U jagħtih dak li huwa meħtieġ, bħalma smajna f’din il-parabbola. Imma mbagħad jistenna l-frott, u jistenna frott tajjeb. Dan hu l-ewwel messaġġ importanti għalina. Fil-ħajja tagħna, Alla jagħtina l-għajnuna, jagħtina l-grazzja, imma jistenna li nagħmlu frott tajjeb. Imma wkoll jistenna li aħna nisimgħu lilu, il-Kelma tiegħu, u nisimgħu lil dawk li jibgħat hu biex iwasslulna l-Kelma tiegħu. U noqogħdu attenti wkoll mill-preġudizzji tagħna, bħalma kellhom il-kittieb u l-Fariżej. Mill-mibegħda, kif rajna anke fl-Ewwel Qari llum, il-mibegħda u l-għira li kellhom ħut Ġużeppi għalih, għaliex dawn iwassluna għall-ħażen. 

Ara hawnhekk, meta Ġesù jitkellem fuq dawk li kienu responsabbli tal-għalqa. Jgħid: daru kontra dawk li ġew biex jiġbru l-frott. U jgħid: “lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh (Mt 21:36). U fl-aħħar lill-iben qatluh. Jiġifieri: li kellhom f’moħħhom u f’qalbhom din il-mibegħda, u fl-istess waqt mhux lesti jilqgħu l-Kelma ta’ Alla, wassalhom għall-aktar ħażen possibbli: għall-qtil.

Għalhekk nitolbu lill-Mulej illum din il-grazzja: li aħna f’ħajjitna nfittxu li nkunu grati għall-ġid li tana, nagħmlu l-frott, dejjem miftuħa għalih, biex ħajjitna timxi tassew kif irid hu, u biex ikollna l-istess sentimenti li jrid hu, u qatt ma nagħżlu dak li hu ħażin, dak li jwassalna tassew għall-agħar ħażen fil-ħajja tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta