L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mingħand Alla Sidna l-ħniena u l-maħfra” (Dan 9:9). Dan hu li smajna fl-Ewwel Qari, mill-ktieb tal-Profeta Danjel – dik it-talba ta’ maħfra lil Alla – u nafu kemm tassew il-ħniena u l-maħfra jiġu minnu. Imma fl-Evanġelju Ġesù jgħidilna xi ħaġa b’rabta mal-ħniena u l-maħfra ta’ Alla. Jgħidilna: “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Irid li aħna wkoll inkunu ta’ qalb ħanina, mimlija mħabba, kompassjoni, maħfra u mogħdrija għall-oħrajn. Għax b’dal-mod li nkunu nixbhu tassew lill-Missier.
U fl-Evanġelju jsemmi, b’mod prattiku ħafna, kif inkunu tassew mimlija ħniena. Jgħid: “Tiġġudikawx…tikkundannawx” (Lq 6:37). Qed jgħid kemm hu importanti li aħna, kemm f’moħħna u aktar u aktar, imbagħad, bi kliemna jew b’dak li niktbu, ma niġġudikawx lin-nies u ma nikkundannawhomx. Ir-raġuni hi għaliex hu Alla li jagħraf lill-bniedem tassew, il-profondità tal-moħħ u tal-qalb. Hu Alla li jaf tassew ir-realtà tal-bniedem. Huwa hu li jaf l-istorja tal-bniedem – minn xiex għadda, minn xiex għaddej. Huwa hu li jista’ jagħmel ġudizzju, mhux aħna. Aħna, ħafna drabi, naraw il-faċċata; jew naraw ftit aktar, imma ma narawx ir-realtà kollha li tista’ tgħinna biex nagħmlu verament ġudizzju kif jagħmlu Alla. U għalhekk Alla qed jgħidilna: ħalluh f’idejja l-ġudizzju, mhux intom.
Għamlilna pjaċir meta qal li aħna ma għandniex niġġudikaw lill-persuni, għax nafu xi ħsara ssir, fil-fatt, meta niġġudikaw u nikkundannaw. Mhux biss f’moħħna, imma wkoll bil-kitba jew bil-fomm. Persuna tista’ verament iġġibilha ħajjitha infern bil-ġudizzji u l-kundanni, li kultant ikunu mibnijin ukoll fuq impressjoni li jkollok, fuq ideja li jkollok tal-persuna. Għalhekk Alla qed jgħidilna: ma niġġudikawx, ma nikkundannawx, inħallu dan f’idejh.
Issa rridu noqogħdu attenti. Ma jfissirx li aħna, meta nħarsu lejn dak li jiġri warajna, ħażin u tajjeb xorta. Fil-fatt, Ġesù kien qal darba, u uża l-istess kelma: “Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” (Lq 12:57) Imma għamel id-differenza bejn li tiġġudika persuna kif inhi quddiem Alla, il-qalb tagħha, u bejn li tagħraf tiddistingwi l-ħażin mit-tajjeb, li hu importanti. Jien ma nistax inħares madwari, jiġri x’jiġri, u ngħid “jien ma niġġudikax”. Immaġinak tkun responsabbli ta’ persuni, u taf li qed issir xi ħaġa ħażina, u flok tieħu passi, tgħid “jien ma niġġudikax”. Hekk le! Għax int tkun kompliċi ta’ min ikun qed jagħmel il-ħażen.
Jekk, per eżempju, int tara sitwazzjonijiet ta’ serq, ta’ frodi, ta’ korruzzjoni, ta’ tberbiq ta’ flus, ta’ abbuż, u flok tieħu passi u tgħid li l-ħażin hu ħażin, tgħid “ma niġġudikax”, tagħmel ħażin. Mhux għal dan qed jgħid Ġesù. Ġesù, anzi, iridna li nagħrfu niddistingwu bejn dak li hu ħażin u dak li hu tajjeb. Imma qed jgħid: id-differenza hija li altru qed nitkellmu fuq dak li qed isir, l-azzjonijiet li jsiru, u altru fuq il-persuni. Il-persuna kif inhi quddiem Alla nħalluha f’idejh, imma nużaw l-għerf li jagħtina Alla biex inkunu kapaċi niddistingwu l-ħażin mit-tajjeb, ħa nagħżlu dejjem dak li hu tajjeb.
Għalhekk Ġesù jgħidilna wkoll biex aħna naħfru u biex aħna nagħtu wkoll. Inkunu nixbhu lill-Missier fil-maħfra u fil-ġenerożità tiegħu. Nitolbu lill-Mulej illum biex ikompli jispirana b’din il-kelma tiegħu, ħalli ngħixuha, anke meta titlob minna sagrifiċċju, biex aħna nagħrfu ngħixu bħalma jittrattana l-Missier, jiġifieri mimlija ħniena, kompassjoni, maħfra, imħabba, u fl-istess waqt li dejjem nagħżlu dak li hu sewwa u nwarrbu dak li jkun ħażin, biex nimxu ma’ dak li jrid Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




